Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Pitkalija — statut

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jikkonsidra li jiġi ffurmat statut ta’ kif topera l-Pitkalija?

Response (BRINCAT, LEO)

Kif jaf l-Onor. Interpellant l-operat tal-Pitkalija huwa regolat mir-Regolamenti Dwar il-Bejgħ tal-Prodotti tal-Biedja. Jekk l-Onor. Interpellant għandu xi suggerimenti x’jagħmel mitlub jibgħathom lill-Ministeru u nwegħdu li jingħataw il-kunsiderazzjoni li jkun jixirqilhom.

Għelieqi fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta – tisqija b’ilma trattat

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu jew le li l-bdiewa tan-naħa ta’ fuq ta’ Malta se jibdew jiġu mġiegħla jsaqqu l-għelieqi tagħhom bl-ilma trattat? Il-Ministru se jagħti garanzija kemm lil bdiewa kif ukoll lill-konsumaturi li prodotti msaqqija bl-ilma trattat se jibqgħu tal-istess kwalità u togħma bħall-prodotti msaqqija mill-perched aquifer? Il-Ministru għandu ħsieb li ssir kampanja pubbliċitarja f'dan is-sens biex il-prodott agrikolu tan-naħa ta' fuq ta' Malta jiġi salvagwardjat?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ilma trattat

Question

Jista’ l-Ministru jagħti garanzija li l-ilma trattat ma jkollux melħ miegħu peress li jekk ikollu l-melħ, dan jinżel fil-ħamrija u l-ħamrija mielħa titlef nofs il-produzzjoni tal-prodott li tagħti? Barra minn hekk, il-Ministru ħa in konsiderazzjoni li jekk l-ilma trattat ma jkunx 100% ħieles mill-melħ, il-melħ se jipperkola mill-ħamrija u għalhekk se jikkontamina il-perched aquifer?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Treatment plant

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux fil-pjanijiet tal-Gvern li jsir treatment plant tal-awrina tal-baqar?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, l-awrina tal-baqar hija meqjusa bħala parti integra mal-ħmieġ tal-baqar u għalhekk ma hemmx pjanijiet li din tiġi trattata separatament.

Organizzazzjoni ta’ produtturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il organizzazzjoni ta’ produtturi qegħdin jiffunzjonaw sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Ta’ xiex inhuma dawn l-organizazzjonijiet?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, fil-preżent hemm erba` organizzazzjonijiet ta’ produtturi li qegħdin jiffunzjonaw. Dawn kollha joperaw fis-settur tal-ipproċessar tat-tadam.

Produzzjoni tal-Ħalib u trobbija ta’ għoġġiela — raħħala

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn raħħala, kemm f'Malta kif wkoll f'Għawdex, kif ukoll jgħid minn liema raħal ġejjin, li għandhom konnessjoni mal-produzzjoni tal-ħalib kif ukoll mat-trobbija tal-għoġġiela għall-qatla?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond l-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, l-informazzjoni mitluba tinżamm ibbażata fuq in-numru ta' rziezet, mhux in-numru ta’ raħħala f’kull razzett. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Qasam tat-trobbija tal-majjal – Għajnuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'passi konkreti qed jieħu l-Gvern biex jiġi ssalvagwardjat u mgħejjun il-qasam tat-trobbija tal-majjal f'pajjiżna?

Response (BRINCAT, LEO)

Infakkar lill-Onor. Interpellant li bid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fl-2004 is-settur tal-produzzjoni tal-laħam tal-majjal ġie ffaċċjat b’kompetizzjoni qawwija ta’ majjal importat, bi prezzijiet ferm orħos minn dawk lokali, b’riżultat illi l-produzzjoni u l-qatla tal-majjal naqset b’mod sostanzjali sena b’sena mill-2004 ‘l hawn. Kif jaf l-Onor. Interpellant il-Gvern ftit li xejn jista’ jgħin b’mod konkret f’dan is-settur, minħabba regolamenti stretti tal-Unjoni Ewropea dwar state aid li ma jippermettux sussidji li jservu biex il-prodott lokali jkun aktar kompetittiv. Fl-istess waqt is-Servizzi Veterinarji flimkien ma’ dawk Sanitarji qegħdin jimmonitoraw is-suq tal-bejgħ tal-laħam biex ikun żgurat li majjal importat ma jinbiegħx bħala prodott lokali u biex jiżguraw li l- labelling tal-majjal juri l-oriġini tal-laħam skond kif tobbliga l-liġi. L-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari jżomm kuntatt kontinwu mal-Koperattiva ta’ min Irabbi l-Majjal (K.I.M.) biex jippromwovi l-konsum tal-majjal lokali mal-konsumaturi Maltin u biex jinstabu swieq t’ esportazzjoni għall-majjal lokali.

Qasam tat-trobbija tal-majjal – Raħħala

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn raħħala li jrabbu l-majjal f'Malta u Għawdex?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond l-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-informazzjoni mitluba tinżamm ibbażata fuq in-numru ta’ rziezet u mhux fuq in-numru ta' raħħala f’kull razzett. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Lista ta’ bdiewa full-time u part-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn bdiewa full-time u part-time reġistrati f'kull raħal f'Malta u Għawdex? Jista’ jpoġġi l-lista ta' dawn il-bdiewa fuq l-Mejda tal-Kamra?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 12920.

Majjal Proċessat — labelling

Question

Jista’ l-Ministru jikkunsidra li ssir mandatorja li l-majjal ipproċessat għall-bejgħ jibda jiġi labelled jekk hux majjal ta' Malta jew inkella majjal impurtat?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li l-labelling tat-tip li qed jirreferi għalih diġa huwa fis-seħħ taħt ir-regoli tal-Unjoni Ewropea, risponsabbilta' f'Malta taħt l-MCCAA, il-Malta Competition and Consumer Affairs Authority.
Leg 12 PQ #14299 Sitting 243 2015-02-25 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Il-Qajjenza – tankijiet tal-gass armati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'se jsir mis-sit fejn bħalissa hemm armati t-tankijiet tal-gass fil-Qajjenza, Birżebbuġa, ġaladarba dawn jiġu żarmati għal kollox u meħuda min fuq s-sit?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-pjan huwa li jiżżarmaw dawn it-tankijiet li gvernijiet preċedenti kien ilhom snin twal iwegħdu li se jżarmaw minn dan is-sit. Il-possibilitajiet kollha qed ikunu kkunsidrati.
Leg 12 PQ #14300 Sitting 243 2015-02-25 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Birżebbuġa – Il-Qajjenza — Permessi tal-MEPA

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk ir-restrizzjonijiet dwar densità ta' popolazzjoni fir-rigward ta' ħruġ ta' permessi tal-MEPA minħabba s-SEVESO hux se jispiċċaw meta t-tankijiet tal-gass li hemm fil-Qajjenza, Birżebbuġa, jiġu żmantellati?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor Interpellant biex jagħmel l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Birżebbuġa – irranġar tal-moll u l-winch

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-moll u l-winch li jinsabu Birżebbuġa u li bħalissa jaqgħu taħt ir-responsabilità tad-Dipartiment tas-Sajd jiġu rranġat mill-aktar fis possibbli?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-moll ta’ Birżebbuġa ma jaqax taħt ir-responsabbilta` ta’ dan il-Ministeru. Fil-konfront tal-winch ingħataw istruzzjonjiet lid-Dipartiment tas-Sajd biex jittieħdu l-passi neċessarji sabiex it-tiswija issir kemm jista’ jkun malajr.

Organic Farming — inizjattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inizjattivi qed jittieħdu mill-Gvern biex jiġi inkoraġġit l-organic farming? X'għajnuniet qed jagħti l-Gvern lill-bdiewa li jiddeċiedu li jaqilbu għall-organic farming?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, biex jiġi inkoraġġit l-Organic Farming, id-Direttorat tal-Agrikoltura beda proċess ta’ titjib u konsolidazzjoni tas-sistema għall-kontrolli fis-settur tal-Biedja Organika b’qafas legali li ser jgħin sabiex jitnaqqsu r-riskji ta' frodi u jiġu protetti l-operaturi u l-konsumatrui f'dan is-settur. Kien hemm diversi inizzjattivi nterni li ttieħdu mid-Direttorat tal-Agrikoltura biex tiġi stabbilita` fondazzjoni solida fejn l-Biedja Organika tista’ topera bl-aktar mod effettiv u effiċjenti, fosthom kienu organizzati laqgħat ta’ konsultazzjoni li fihom kienu spjegati r-regoli tal-UE fis-settur u anke ingħata stħarriġ lill-ispetturi tad-dipartiment sabiex ikunu jistgħu jfehmu aħjar lill kull min jitlob informazzjoni fir-rigward. Meta l-bdiewa jkunu jridu jaqilbu għall-Biedja Organika, ikunu jistgħu japplikaw / jibbenefikaw minn għajnuniet taħt il-programm il-ġdid għall-Iżvilupp Rurali.

Organic Farming — Farmers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn organic farmers f'Malta u f'Għawdex separatament? X' medda ta' art, f'termini ta' tmien, hawn Malta u Għawdex li fiha qed jiġi mħaddem il-kunċett ta' organic farming?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li n-numru ta’ bdiewa li jaħdmu r-raba tagħhom b’mod organiku huma 10 f’Malta u 1 f’Għawdex. It-total ta’ art li hija ċċertifikata bħala organika hija 121 tomna f’Malta u 35 tomna f’Għawdex. Hemm ukoll 156 tomna oħra f’Malta li huma fil-proċess biex jiġu ċċertifikati bħala organiċi.

Produtturi tal-Ħalib – kwota

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'passi se jieħu l-Gvern biex jiġu protetti l-produtturi tal-ħalib hekk kif f'Marzu li ġej se tiġi mneħħija l-kwota tal-ħalib?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, bħalissa qed jitħejja abbozz leġislattiv li jkun jipprovdi qafas nazzjonali ta’ protezzjoni fuq ċerti termini minimi fil-kuntratti ta’ bejn il-produttur u l-iproċessar tal-ħalib. Dan dejjem f’konformita` mar-regoli tal-UE u speċifikament għal dak magħruf bħala “Milk Package”. Qegħdin isiru diskussjonijiet dwar dan ma’ dawk kollha kkonċernati.

Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi — overtime

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata overtime fid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi fi ħdan il-Ministeru tiegħu mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din l-mistoqsija parlamentari? Min huma dawk l-individwi li bbenefikaw minn dan l-overtime u kemm kien l-ammont ta' flus f'overtime li bbenefikaw minnu, xahar b'xahar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi fi ħdan il-Ministeru tiegħi bejn it-13 ta’ Marzu 2013 u Jannar 2015 inħadem b’ ekwivalenti ta’ €1006 f’overtime għal kull ras. Il-komplament tal-informazzjoni ma tistax tingħata minħabba kwistjoni ta’ Data Protection.

Traffic Lights – xiri ta’ parts

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li riċentament hawn nuqqas kbir ta' parts tat-traffic lights (fosthom belisha lights u pelican crossings)? Jista’ jgħid kemm intefqu flus f'parts tat-traffic lights mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din l-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li bħalissa m’hemm l-ebda nuqqas ta’ parts tat-traffic lights tal-pelican crossings. Mit-13 ta’ Marzu 2013 sas- 17 ta’ Frar 2015, intefqu €34,788 fi spare parts.

Traffic Lights – backup battery

Question

Jista’ l-Ministru jikkonsidra li f'junctions importanti fil-pajjiż, it-traffic lights isirilhom bħal UPS (backup battery) ħalli meta f'dik l-area partikolari ma jkunx hemm dawl, dawn jibqgħu jaħdmu u jiġi evitat xi inċident jew inkella konġestjoni tat-traffiku?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li skont informazzjoni mgħoddija lili minn Transport Malta, dawk it- traffic lights u controllers li huma kkunsidrati mportanti fil-pajjiż ser ikunu parti integrali mill-proġett tal-MODUS u dawn ser ikollhom installazzjoni ġdida li ser tinkludi UPS (backup battery).