Legislature:
Category:
Reset
Active:

Birżebbuġa – Għar Dalam traffic Junction

Question

Peress li fit-22 ta' April 2013, għall-mistoqsija parlamentari 503 dwar Għar Dalam traffic junction f'Birżebbuġa, il-Ministru kien weġibni li x-xogħol kellu jibda f'Ġunju tal-2013 u għall-mistoqsija parlamentari 4625 b'referenza għall-istess traffic junction ir-risposta tal-Ministru fit-2 ta' Ottubru tal-2013 kienet li l-proġett imsemmi kien fi stadju ta' tendering, jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għalkemm għaddew madwar sena u nofs mill-aħħar risposta li tani, ix-xogħol fuq din il-junction għadu ma bediex? Peress li għadda daqshekk żmien min meta suppost beda x-xogħol, jista’ jgħid jekk din il-junction tant importanti għaż-żona ta' quddiem Għar Dalam f'Birżebbuġa, anke wara diversi aċċidenti tat-traffiku fatali li seħħew f'din l-area, f'dawn l-aħħar xhur għadhiex fil-pjanijiet tal-Gvern? Jekk fl-affermattiv, meta fil-konkret se jibda u jispiċċa x-xogħol relatat ma’ din t-traffic junction f'Birżebbuġia?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol tal-junction fi Triq Għar Dalam diġa nbeda skont il-pjanti approvati. Ninsab infurmat li x-xogħol ser ikun qed jitkompla u jitlesta fl-aħħar ġimgħa ta’ April.

Birżebbuġa – toroq — tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq li se jinbnew mill-ġdid u/jew se jingħatalhom it-tarmak mill-Gvern ċentrali f'Birżebbuġa għall-perjodu mill-2015 sal-2018?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta qiegħda fil-proċess li tibni partijiet minn Triq il-Port Ħieles kif ukoll Triq Ġdida fi Triq il-Kus. Transport Malta tagħmel l-lista ta’ toroq għas-snin li ġejjin skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Sajjieda — insurances

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li fil-bidu ta' din il-leġi¿latura, il-Gvern preżenti kien wiegħed lis-sajjieda li, minflok il-ħlas ta’ nofs il-bolla, kien se jagħmlilhom insurance li tkopri kemm lis-sajjieda kif ukoll l-opri u l-inġenji tas-sajd? Il-Gvern se jżomm kelmtu? Meta se tiġi mwettqa din il-wegħda?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, mhux veru li l-Gvern preżenti wiegħed dak li qed jgħid l-Onor. Interpellant, tali skema ma kinitx imwiegħda fil-programm elettorali tal-Gvern preżenti. F’laqgħat mal-Koperattivi li jirrapreżentaw lis-sajjieda dwar dan is-suġġett kien diskuss bħala parti minn diskussjonijiet usa’. Fil-konklużjonijiet ta’ dawn id-diskussjonijiet intlaħaq ftehim wiesgħa fuq diversi materji, fosthom ftehim li l-proposta ta’ skema simili ma tibqax tingħata konsiderazzjoni.

Sajjieda – Spejjeż fuq Liska

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet tiswa l-liska li tintuża mis-sajjieda biex jistadu biha fis-snin 2011, 2012, 2013, 2014 u 2015?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-lixka tinxtara b’mod privat mis-sajjieda nnifishom u d-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura mhux involut fil-proċess.
Leg 12 PQ #15224 Sitting 252 2015-03-18 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Talba għal moll fil-Magħluq

Question

B'referenza għall-Environment and Development Brief for Marsaxlokk Inner Harbour Area li nħareġ mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippajanr għall-konsultazzjoni, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk it-talba li saret minn diversi sajjieda, li mat-tul tal-moll fil-Magħluq jiġi ffurmat parkeġġ riservat għas-sajjieda biex dawn ikunu jistgħu jaħdmu bla diffikultà, ġietx aċċettata mill-MEPA?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-talbiet kollha li saru fil-perjodu ta' konsultazzjoni pubblika bħalissa qed jigu kkunsidrati mid-direttorat ta' l-ippjanar. Meta dan il-proċess jintemm l-abbozz finali flimkien mas-sottomissjonijet li saru jitressqu lill-bord ta' l-awtorita' għall-konsiderazzjoni tagħha.
Leg 12 PQ #15225 Sitting 252 2015-03-18 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA – talba għal żona għas-sajjieda fil-Magħluq

Question

B'referenza għall-Environment and Development Brief for Marsaxlokk Inner Harbour Area li nħareġ mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-konsultazzjoni, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-MEPA aċċettatx it-talba tas-sajjieda li titħalla żona fil-Magħluq li tkun użata esklussivament mis-sajjieda biex ikunu jistgħu jsewwu u jnaddfu l-inġenji tal-baħar, bħal xbieki, eċċ.?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-talbiet kollha li saru fil-perjodu ta' konsultazzjoni pubblika bħalissa qed jigu kkunsidrati mid-direttorat ta' l-ippjanar. Meta dan il-proċess jintemm l-abbozz finali flimkien mas-sottomissjonijet li saru jitressqu lill-bord ta' l-awtorita' għall-konsiderazzjoni tagħha.

Birżebbuġa – Wied il-Buni — irmiġġi

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta li turi kemm u fejn sejrin jiġu l-irmiġġi l-ġodda f'Wied il-Buni u jekk hemmx xi ħsieb li jsiru rmiġġi oħra mad-dawra tax-xatt ta' Birżebbuġa (inkluża l-Qajjenza)?

Response (MIZZI, JOE)

Fid-dawl tal-laqgħa riċenti li saret bejn Transport Malta u l-Kunsill Lokali ta Birżebbugia qegħdin ikunu diskussi diversi possibilitajiet.

Birżebbuġa – irmiġġi

Question

B'referenza għall-irmiġġi li se jsiru f'Birżebbuġia, jista’ l-Ministru jikkonferma li dawn l-irmiġġi mhux se jidħlu fl-area fejn hu riservat għall-għawm? X'se tkun id-distanza mis-shoreline għal dawn l-irmiġġi? Jekk id-dgħajjes li se jkunu marbuta ma’ dawn l-irmiġġi jridu jintlaħqu b'tender (dgħajjes żgħar), fejn se jiġu marbuta/storjati dawn it-tenders?

Response (MIZZI, JOE)

Fid-dawl tal-laqgħa riċenti li saret bejn Transport Malta u l-Kunsill Lokali ta Birżebbugia qegħdin ikunu diskussi diversi possibilitajiet.

Birżebbuġa — irmiġġi

Question

B'referenza għall-irmiġġi ġodda li se jsiru f'Birżebbuġa, jista’ l-Ministru jgħid xi proċedura se ssir biex jingħataw dawn l-irmiġġi?

Response (MIZZI, JOE)

Fid-dawl tal-laqgħa riċenti li saret bejn Transport Malta u l-Kunsill Lokali ta Birżebbugia qegħdin ikunu diskussi diversi possibilitajiet.
Leg 12 PQ #15217 Sitting 251 2015-03-17 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Marsaxlokk – Tanker għall-ħażna tal-LNG

Question

Jista’ l-Ministru jagħti garanzija li meta jkun maltemp minn Nofsinhar, ix-xlokk sal-Lbiċ, it-tanker li se jservi bħala ħażna tal-LNG li se jkun sorġut fil-port ta' Marsaxlokk, ma ssirlux ħsara u lanqas jaqta’ ċ-ċimi bis-saħħa tal-baħar?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11156 (ħdax-il elf, mija, sitta u ħamsin).

Birżebbuġa – yacth marina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ssir yacth marina fl-area ta' San Ġorġ, f'Birżebbuġa? Jekk fl-affermattiv, meta hemm il-ħsieb li din issir?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament, ma hemm l-ebda ħsieb li ssir xi yacht marina fl-inħawi ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa.

Produzzjoni tal-fniek – traceability

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-produtturi tal-fniek ilhom sitt xhur jiġru wara l-Gvern biex jagħtihom s-siġill li jużawh bħala traceability ta' prodott lokali? Jekk dan hu minnu, jista’ l-Ministru jinnota li tort ta' dan in-nuqqas, ir-raħħala ilhom sitt xhur ibigħu l-fniek mingħajr traceability?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, huwa l-operatur li għandu jimplimenta sistema ta’ traceability fejn il-prodott jiġi segwit f’kull stadju mill-produzzjoni sal-bejgħ finali.

Marsaxlokk — skallijiet

Question

Peress li l-iskallijiet kollha li hemm fir-raħal ta’ Marsaxlokk għandhom l-injam miksur u dan qed joħloq inkonvenjent u danni kbar lis-sajjieda Xlukkajri, jista’ l-Ministru jgħid meta dawn l-iskallijiet se jitranġaw u jinbidlilhom l-injam tagħhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura mhux responsabbli mill-manutenzjoni tal-parati li jinsabu f’numru ta’ skallijiet madwar il-kosta. L-uniku drabi meta d-Dipartiment biddel xi parati hu meta jkunu qed jitwettqu xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fuq xi skall partikolari jew f’każi fejn jinbnew skallijiet ġodda. Madankollu, wieħed jara kif nistgħu nagħtu l-għajnuna tagħna.

Sajjieda – Kumppens għall-closed season tal-Pixxispad

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li għadhom ma ħarġux l-applikazzjonijiet għall-kumpens li jieħdu s-sajjieda għal closed season tal-pixxispad? Meta se joħorġu dawn l-applikazzjonijiet?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet mal-iState Aid Monitoring Board sabiex tkun iffinalizzata l-iskema u dan fid-dawl tar-regoli applikabli tal-UE fosthom dawk tal-EMFF. L-iskema titħabbar hekk kif jingħalqu d-diskussjonijiet.

Marsaxlokk — Xatt is-Sajjieda - tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jingħata l-aħħar saff ta’ tarmak (il-wearing course) f’parti minn Xatt is-Sajjieda f’Marsaxlokk peress li din it-triq ilha diġà sentejn bis-saff ta’ taħt tat-tarmak (base course) biss għal dawn l-aħħar sentejn?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk li x-xogħol fuq din il-parti msemmija ta’ Triq Xatt is-Sajjieda għandu jkun lest fil-gimgħat li ġejjin.

sussidju lill-bdiewa li jieħdu l-prodotti l-Pitkalija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitħallas is-sussidju lil dawk il-bdiewa li jtellgħu l-prodotti tagħhom il-Pitkalija? X’inhi r-raġuni li għalkemm fis-snin preċedenti l-bdiewa kienu jirċievu ċ-cheque bl-ammont tas-sussidju fil-bidu tax-xahar ta’ Frar, issa diġà wasalna fit-tieni ġimgħa ta’ Marza u dawn il-bdiewa għadhom ma rċevew xejn?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-ħlasijiet tas-sussidju fuq il-frott u l-ħxejjex pendenti huma l-aħħar bilanċi li jkopru s-snin ta’ produzzjoni 2013 u 2014. Dawn il-ħlasijiet qed jinħadmu u ser jitħallsu flimkien sabiex ikun jista’ jingħalaq il-programm tas-sussidju ‘SMPPMA’ li kif kien previst spiċċa fl-aħħar tal-2014. Mistennija li l-qofol tal-ħlasijiet li huma verifikati jitħallsu fil-ġimgħat li ġejjin. Fl-istess waqt il-Bord li jagħmel il-verifiki ser ikun isejjaħ 66 benefiċjarju li jeħtieġ isiru verifiki ulterjuri dwar il-ħlasijiet tagħhom matul ix-xahar ta’ April. Din il-parti tal-eżerċizzju ppjanata li titlesta sabiex jgħaddu l-aħħar ħlasijiet f’Mejju 2015.

Marsaxlokk – bajja tal-Magħluq – dredging tar-ramel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min iddeċieda li d-dredging tar-ramel li qed isir fil-bajja tal-Magħluq f' Marsaxlokk qed jerġa’ jintefa fil-viċinanzi bil-konsegwenza li l-baħar qed jerġa’ jieħdu min fejn ikun ġie dredged? Jista’ l-Ministru jinnota li b'konsegwenza t'hekk, diversi bastimenti tas-sajd qed jaħbtu l-qiegħ tagħhom mas-sodda tal-baħar meta jiġu mimlija bid-diesel?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Birżebbuġa – Wied il-Buni — irmiġġi

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq l-Mejda tal-Kamra pjanta li turi kemm kien hemm irmiġġi fl-area ta' Wied il-Buni f' Birżebbuġa sas-sena l-oħra, qabel ma l-Gvern iddeċieda li jżid dawn l-irmiġġi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni mgħoddija lili minn Transport Malta, is-sena l-oħra huwa stmat li kien hemm madwar 100 irmiġġ fl- area ta’ Wied il-Buni f’Birżebbuġa.

Ftehim mal-Autobuses de Leon – kundizzjonijiet marbuta ma’ abbandun tal-kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kundizzjonijiet u multi applikabbli hemm fil-kuntratt iffirmat bejn il-Gvern Malti u l-kumpanija Autobuses de Leon f’każ li din tal-aħħar tiddeċiedi li tabbanduna l-kuntratt?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti rigward il-kuntratt iffirmat bejn il-Gvern Malti u l-operatur ġdid tas-servizz pubbliku, fejn għidt li dan se jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra fil-mument opportun.

Il-Pitkalija – proġett ta’ upgrading

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett biex tiġi upgraded il-Pitkalija u tidħol sistema ta' grading li hu ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt Miżura 123 - Investment and Processing?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 14581.