Legislature:
Category:
Reset
Active:

Baħar iċ-Ċagħaq – Triq il-Kosta – pjanti tal-landscaping

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tal-landscaping li se jsir fi Triq il-Kosta, Baħar iċ-Ċagħaq?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 16044 fejn ġie ndikat li l-preparamenti tal-proposti ta’ landscaping għadhom għaddejjin.

Baħar iċ-Ċagħaq – Triq il-Kosta – bini ta’ ġiebja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ġiebja nbniet fi Triq il-Kosta, Baħar iċ-Ċagħaq biex ikun jista’ jinġabar l-ilma tax-xita biex jintuża għat-tisqija u kemm-il metru kubu ta’ ilma jesgħu dawn il-ġwiebi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul il-proġett huwa ppjanat li jkun hemm 6 ġwiebi għall-ġbir tal-ilma tax-xita, li ser jiġbru total ta’ 405 metru kubu ta’ ilma.
Leg 12 PQ #16078 Sitting 271 2015-06-02 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA – talba għal żona għall-użu tas-sajjieda riżervata fil-Magħluq

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 15225 fir-rigward ta' talba li saret mis-sajjieda biex titħalla żona fil-Magħluq li tkun użata esklussivament mis-sajjieda biex ikunu jistgħu jsewwu u jnaddfu l-inġenji tal-baħar tagħhom bħal xbieki, konzijiet, eċċ., jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk din it-talba ġietx aċċettata mid-Direttorat tal-Ippjanar fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjannar?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-talbiet kollha li saru fil-perjodu ta' konsultazzjoni pubblika qed jigu ikkonsidrati mid-direttorat ta' l-ippjanar fl-ambitu tal-ppreparazzjoni ta’ abbozz rivedut. Dan għandu jitressaq għal konsiderazzjoni tal-Bord ta’ L-Awtorità fil-ġejjieni.

Birżebbuġa – Bini ta’ toroq u tarmak

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 15221, peress li issa għaddew kważi xahrejn mit-tweġiba tal-Ministru u għalhekk Transport Malta kellha żmien biżżejjed biex tagħmel lista ta' toroq ġodda skont il-prijoritajiet, jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq f'Birżebbuġa li se jinbnew mill-ġdid u/jew se jingħatalhom it-tarmak mill-Gvern ċentrali fis-snin li ġejjien? Jista’ jpoġġi fuq l-Mejda tal-Kamra l-lista li ġiet ippreparata minn Transport Malta bil-prijoritajiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta tfassal programm ta’ xogħlijiet fuq toroq skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Pitkalija – Prodotti impurtati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux isiru spezzjonijiet fil-Pitkalija biex jiġi assigurat li ma jinbigħux prodotti impurtati minn barra l-pajjiż mill-Pitkalija? Kemm saru spezzjonijiet ta' dan it-tip fl-aħħar sena minn meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kien hemm okkażjonijiet fejn instab li kienu qegħdin jinbiegħu prodotti impurtati minn barra l-pajjiż mill-Pitkalija? X'miżuri ttieħdu fil-konfront ta' min biegħ dawn il-prodotti impurtati minn barra l-pajjiż mill-Pitkalija?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari u kif jaf huwa stess, l-iskema tas-sussidju magħrufa bħala SMPPMA (Special Market Policy Programme for Maltese Agriculture) spiċċat, u għalhekk m’hemmx x’jattira li prodott impurtat jiddaħħal fil-Pitkalija bħala prodott lokali u jikkwalifika illegalment għal dan is-sussidju, kif allegatament kien isir fis-snin preċedenti. Nonostante dan, spezzjonijiet biex ikun issalvagwardat il-bidwi Malti u Għawdxi, isiru b’mod regolari u għal għarrieda. F’dawn l-ispezzjonijiet, li f’ċertu każi jsiru anki minn persuni indipendenti, jittieħdu kampjuni li jiġu analizzati morfoloġikament u fl-aħħar sena ma nstabu l-ebda prodotti impurtati fil-Pitkalija.

Marsaxlokk – bajja tal-Magħluq – dredging tar-ramel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min iddeċieda li d-dredging tar-ramel li sar fil-bajja tal-Magħluq, Marsaxlokk, jerġa’jintefa’ fil-viċinanzi bil-konsegwenza li l-baħar qed jerġa' jieħdu minn fejn ikun ġie dredged? Jista’ jinnota li b'konsegwenza t'hekk, diversi bastimenti tas-sajd qed jaħbtu l-qiegħ tagħhom mas-sodda tal-baħar meta jkunu mimlija bid-diesel?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-permess li jinħareġ mill-MEPA għal maintenance dredging jitlob li l-materjal irid jerġa jintefa fl-istess żona.

Marsaxlokk – bini ta’ toroq u għoti ta’ tarmak

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 15229, peress li issa għaddew kważi xahrejn mit-tweġiba tal-Ministru u għalhekk Transport Malta kellha żmien biżżejjed biex tagħmel lista ta' toroq ġodda skont il-prijoritajiet, jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq f'Marsaxlokk li se jinbnew mill-ġdid u/jew se jingħatalhom it-tarmak mill-Gvern ċentrali fis-snin li ġejjin? Jista’ jpoġġi fuq l-Mejda tal-Kamra l-lista li ġiet ippreparata minn Transport Malta bil-prijoritajiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta tfassal programm ta’ xogħlijiet fuq toroq skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Birżebbuġa – Wied il-Buni — irmiġġi

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 15214, peress li issa għadda aktar minn xahar mil-laqgħa li saret bejn Transport Malta u l-Kunsill Lokali ta' Birżebuġġa fejn skont il-Ministru stess kienu diskussi diversi possibilitajiet, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanta li turi kemm u fejn sejrin jiġu l-irmiġġi l-ġodda f'Wied il-Buni u jekk hemmx xi ħsieb li jsiru rmiġġi oħra mad-dawra tax-xatt ta' Birżebbuġa (inkluż il-Qajjenza)?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjanta tal-irmiġġi proposti qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Birżebbuġa — irmiġġi

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 15216, jista’ l-Ministru jgħid xi proċedura se tintuża biex jingħataw l-irmiġġi l-ġodda li se jsiru f'Birżebbuġa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li wara diskussjonijiet bejn Transport Malta u l-Għaqda Dilettanti Dgħajjes ta’ Birżebbuġa, ġie deċiż li l-irmiġġi se jiġu allokati skont kif ġie maqbul bejn iż-żewġ partijiet.

Sajjieda – taxxa fuq il-liska

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fis-snin 2011, 2012, 2013, 2014 u 2015 kienx hemm, u jekk hemmx fil-preżent, xi taxxa fuq il-liska li tintuża mis-sajjieda biex jistadu biha? Jekk fl-affermattiv, kemm kienet din it-taxxa fis-snin indikati, sena b'sena?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #16077 Sitting 270 2015-06-01 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Talba mis-sajjieda għal parkeġġ riservat għas-sajjieda fil-Magħluq

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 15224, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk it-talba tas-sajjieda biex mat-tul tal-moll fil-Magħluq f'Marsaxlokk jiġi ffurmat parkeġġ riservat għalihom ħalli jkunu jistgħu jaħdmu bla diffikultà, ġietx aċċettata mid-Direttorat tal-Ippjanar fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-talbiet kollha li saru fil-perjodu ta' konsultazzjoni pubblika qed jigu ikkunsidrati mid-direttorat ta' l-ippjanar fl-ambitu tal-preparazzjoni ta’ abbozz rivedut. Dan għandu jitressaq għal konsiderazzjoni tal-Bord ta’ L-Awtorità fil-gejjieni.

Organic Farming – Għajnuna lill-bdiewa

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14302, jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsistu l-għajnuniet taħt il-programm il-ġdid għall-iżvilupp rurali? Se tiġi pprovduta xi għajnuna lill-bdiewa biex ikunu jistgħu japplikaw?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat. Madankollu ninfurmah li mit-tagħrif mogħti lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, permezz tal-one stop shop li hemm ġewwa Ta’ Qali, tingħata wkoll għajnuna lill kull bidwi li jitlobha fuq kull ħaġa li tikkonċċerna l-biedja.

Produzzjoni tal-Ħalib u trobbija ta’ għoġġiela – rziezet

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 14305, jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn irziezet, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex, li għandhom konnessjoni mal-produzzjoni tal-ħalib u mat-trobbija tal-għoġiela għall-qatla? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' dawn l-irziezet u jagħti l-lokalità fejn qegħdin?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Biċċerija – qatla ta’ majjali

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 14306, jista’ l-Ministru jgħidkemm inqatlu majjali fil-biċċerija f'Malta u Għawdex fl-aħħar ħames snin, xahar b'xahar,?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Qasam tat-trobbija tal-majjal – rziezet

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 14308, jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn irziezet, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex, li jrabbu l-majjal? Jista’ jpoġġi fuq l-Mejda tal-Kamra lista ta' dawn l-irziezet u jagħti l-lokalità tagħhom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Marsaxlokk – Tiswija ta’ skallijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 15208, peress li Transport Malta taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu u din hi responsabbli mill-mollijiet, jista’ l-Ministru jgħid meta se jinbidel l-injam tal-iskallijiet kollha li hemm fir-raħal ta' Marsaxlokk li għandhom l-injam miksur peress li dan qed joħloq inkonvenjent u danni kbar lis-sajjieda Xlukkajri?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Marsaxlokk — Xatt is-Sajjieda - tarmak

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 15210, jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li Triq is-Sajjieda, Marsaxlokk (in-naħa tal-Magħluq) ma ngħatatx it-tarmak kollha kemm hi bil-konsegwenza li f'partijiet ta' din t-triq se jinġema’ ħafna ilma kull meta tagħmel ix-xita?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk li, wara li evalwa s-sitwazzjoni tal-parti tat-triq imsemmija u l-ammont ta’ fondi li l-Kunsill Lokali seta’ jalloka għal xogħlijiet ta’ tarmak, inħarġet sejħa għall-offerti biex jingħata t-tarmak fuq parti minn Triq Xatt is-Sajjieda flimkien ma' xogħlijiet ta’ major patching. Il-Kunsill Lokali alloka s-somma ta’ €70 000 għax-xogħlijiet imsemmija.

Malta Public Transport – karozzi tal-linja bojod

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14285, jista’ l-Ministru jgħid meta nbeda x-xogħol fuq disa’ karozzi tal-linja biex dawn ġew sprayed bojod? Jekk il-Gvern kien jaf li l-kumpanija Malta Public Transport Services kienet se tiġi f'idejn il-privat, għaliex sar dan ix-xogħol bi spejjeż għall-Gvern Malti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ix-xogħol fuq id-disa’ karozzi tal-linja sabiex dawn ikunu miżbugħin bojod kien inbeda lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet. Fil-perjodu meta dawn il-karozzi tal-linja bdew jinżebgħu, kienu għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet dwar is-servizz tat-trasport pubbliku mal-Autobus de Leon u peress illi dak iż-żmien ma kienx hemm data stabbilita meta dan il-ftehim kien se jiġi milħuq, il-kumpanija tal-Gvern kienet bdiet il-proċess sabiex tibda tiżbogħ dawn il-karozzi tal-linja. Tant hu hekk illi dawn il-karozzi tal-linja ġew miżbugħin bojod, u mhux bil-kulur tal-kumpanija li eventwalment ingħatat il-kuntratt.

trasport pubbliku — sussidju

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jew jiċħad li l-kumpanija Spanjola li ħadet f'idejha t-tmexxija tat-trasport pubbliku qed titlob żieda sostanzjali fis-sussidju li jingħata mill-Gvern? Jekk dan hu minnu, jista’ jgħid għal kemm tammonta din it-talba?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mhux minnu li l-kumpanija Spanjola li ħadet f'idejha t-tmexxija tat-trasport pubbliku qed titlob xi żieda fis-sussidju li jingħata mill-Gvern. Mistoqsijiet bħal dawn jikkonfermaw x’ inhi l-intenzjoni vera tal-Oppożizzjoni. Ingħatat ukoll informazzjoni fuq il-media tal-Partit fl-Oppożizzjoni, li l-unika għan tagħha kien li tiżgwida lill-poplu, speċjalment fejn jidħlu nollijiet fuq vjaġġi. Għaldaqstant nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal diversi tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari preċedenti fejn intqal li ġaladarba l-poplu ikun infurmat b’dak kollu li għandu jkun jaf fuq is-servizz tat-trasport pubbliku ġdid, u dan mingħajr tfixkil min-naħa tal-Oppożizzjoni, li jidher biċ-ċar li l-unika għan tagħha hu li tħawwad l-imħuħ, il-kuntratt iffirmat mal-Autobuses de Leon jiġi mpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Nassigura lill-Onorevoli Interpellant li dan mhux ser idum ma jiġri daqs kemm dam biex tpoġġa l-kuntratt li Gvern preċedenti kien għamel mal-kumpanija Arriva. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li l-kuntratt li sar mal-kumpanija Arriva Malta Ltd ħa kważi ħdax-il xahar biex tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra minn meta kien ġie iffirmat. Infakkru li l-kuntratt kien ġie iffirmat nhar l-20 ta’ Novembru 2010 u tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-3 t’Ottubru tas-sena ta’ wara. Infakkru ukoll li dan il-kuntratt kien tpoġġa fuq il-Mejda b’ xi informazzjoni imneħħija minnu hekk kif stqarr l-istess Ministru responsabbli mit-trasport ta’ dak iż-żmien. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27764 ta’ l-aħħar leġiżlatura biex tivverifika dan kollu. Madankollu nerġa inserraħ ras l-Onorevoli Interpellant li l-kuntratt mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fil-mument opportun. Fil-ġimgħat li għaddew tnehdiet kampanja estensiva ta’ informazzjoni u dan sabiex ninfurmaw lill-poplu fuq is-servizz tat-trasport pubbliku l-ġdid. Qed nagħmlu l-affarijiet kif għandhom isiru, biex ma nirrepetux l-istess żbalji li saru mill-Gvern preċedenti fil-perjodu meta l-Arriva ħadet f’ idejha l-operat tat-trasport pubbliku f’pajjiżna fl-2011. Għaldaqstant nixtieq infakkar ukoll lill-Onorevoli Interpellant fil-kampanja negattiva li ilha għaddejja min-naħa tal-Oppożizzjoni li l-uniku għan tagħha, kien u għadu, li tiżra’ d-dubji fost il-poplu. Infakkru fl-istorja maħluqa mill-Oppożizzjoni dwar ir-raġuni li wasslet lill-Arriva biex twaqqaf l-operat tagħha ġewwa pajjiżna. Infakkru li l-kumpanija Arriva kienet talbet €45 miljun f’sussidju biex topera rotot proposti mill-Gvern preżenti, liema rotot ser jiġu maħduma mill-operatur il-ġdid b’sussidju ta’ €29 miljun. Konna wasalna f’punt fejn l-Arriva Malta Ltd. riedet li tillikwida l-kumpanija. Għaldaqstant aħna għamilna dak kollu possibli sabiex impedejna milli dan iseħħ billi xtrajna il-kumpanija għal Euro u waqqafna kumpanija tranżitorja, il-Malta Public Transport Services Ltd. sakemm jintagħżel l-operatur il-ġdid. B’hekk salvajna l-impjiegi tal-ħaddiema u bqajna noffru servizz ta’ trasport pubbliku aħjar minn dak li sibna. Saret kritika distruttiva għall-aħħar min-naħa tal-Oppożizzjoni, minkejja li kull statistika miġbura kienet turi mod ieħor, fil-perjodu li l-operat tat-trasport pubbliku kien f’idejn il-kumpanija tal-Gvern. Matul dan il-perjodu kien hemm żieda fil-passiġġieri li jużaw it-trasport pubbliku, żieda fil-bejgħ ta’ biljetti, kif ukoll żieda fil-manutenzjoni tal-karozzi li wasslet għal inqas inċidenti. Rajna ukoll tnaqqis drastiku fl-ilmenti. Akkużaw lill-MPTS li kienet waqqfet ċertu Night Routes, meta fil-fatt dawn kienu twaqqfu żmien qabel, meta t-trasport kien għadu f’ idejn l-Arriva. L-istess ġara meta l-Arriva, f’lejliet l-ewwel tas-sena, fl-aħħar jiem tal-operat tagħha f’ pajjiżna, talbet €5 għal kull vjaġġ . Li ma qalitx l-Oppożizzjoni hu li l-ftehim iffirmat mill-istess Oppożizzjoni, dak iż-żmien fil-Gvern, kien jippermetti li jsir dan. Infakkru ukoll fl-istorja mibnija mill-Oppożizzjoni fir-rigward tal-kumpanija Skoċċiża McGill’s li qalu rtirat l-interess tagħha minħabba l-intoppi li sabet min-naħa tal-Gvern. Infakkru li meta l-kumpanija McGill’s kienet bagħtet rappreżentanti tagħha ġewwa pajjiżna biex jagħmlu laqgħat max-xufiera, il-Partit Nazzjonalista kien ipprova jagħti l-impressjoni li l-Gvern żamm din il-laqgħa mistura. Dan meta il-Ministeru tiegħi lanqas biss kien jaf b’din il-laqgħa aħseb u ara kemm stajna konna involuti f’din l-istess laqgħa. L-istess Partit Nazzjonalista kien qal li b’ McGill’s f’ Malta, kien ser ikollna Arriva oħra, u dan minħabba l-fatt li d-direttur maniġerjali ta’ din il-kumpanija qabel kien jaħdem mal-Arriva. L-istess ġara fil-konfront tal-kumpanija National Express. Il-Partit Nazzjonalista anke f’ dan il-każ, permezz tal-kelliema tiegħu, qal li kien diffiċli li taħdem mal-Gvern u li l-istess Gvern kien qed juża politika ta’ ħabi. Kontradizzjoni fl-għola livell, meta tqis li l-kumpanija li illum qed tmexxi t-trasport pubbliku f’ pajjiżna hija kumpanija sussidjarja ta’ l-istess National Express . Kampanja negattiva saret ukoll fuq żjara ta’ verifikazzjoni li saret ġewwa Spanja fuq l-operat tal-kumpanija Autobuses de Leon, bi klawsola fl- Expression of Interest kienet tippermetti li jsir dan. U dan sar peress li d-differenza fit-talba għas-sussidju mill-kumpanija Arriva, dik Spanjola u dik Maltija kienet waħda sostanzjali. Filwaqt li l-iSpanjoli talbu sussidju ta’ 29 miljun ewro, it-talba tal-Arriva kienet ta’ 45 miljun ewro u tal-Maltin kienet ta’ 40 miljun ewro. Ridna nivverifikaw li din id-differenza fit-talba ma jkolliex impatt negattiv fis-servizz offrut. L-Oppożizzjoni mill-ewwel ħarġet bl-attakki tagħha fuq din il-kumpanija Spanjola biex ibeżżgħu lill-poplu, fosthom li din hija kumpanija provinċjali u tħaddem ftit nies. Beżżgħu li ser ikun hemm tkeċċija ta’ ħaddiema mill-istess Spanjoli, kif ukoll li l-impjiegi tal-Maltin kien ser jiġi meħuda mill-ħaddiema Spanjoli, meta l-fatti qed juru mod ieħor. Mhux talli ma tkeċċewx ħaddiema, iżda saru sejħiet biex jiġu ingaġġati aktar ħaddiema ma’ dawk li diġa’kien hemm. U l-Oppożizzjoni bl-aġir tagħha kompliet tippersisti bin-negattivita’ tagħha. Tant hu hekk, li waqt programm fuq l-istazzjon televiżiv nazzjonali, waqt diskussjoni li kont preżenti għaliha jien, kien hemm rappreżentanta tal-Partit Nazzjonalista li ppruvat tiżvija u titfa’ d-dubji, speċjalment fejn jidħlu t-tariffi l-ġodda li ser jiġu introdotti f’ Lulju li ġej. Biex is-servizz u l-effiċjenza tat-trasport pubbliku tkompli titjieb il-Gvern ser jibqa’ impenjat li jnaqqas l-inkonvenjent ikkawżat mill-konġestjoni tat-traffiku. Anke hawn, l-Oppożizzjoni m’għamlitx dmirha sewwa kif kien mistenni li tagħmel. Bil-ftuħ ta’ Dock 7, indirizzajna b’mod konkret il-problema tat-traffiku fin-naħa t’ isfel ta’ Malta. Iżda anke hawn, l-Oppożizzjoni beżżet lill-poplu biex ma jużax Dock 7 għax skont huma, il-karozzi li kienu ser jagħmlu użu mid-Dock, ma kienux inxurjati. Baqgħu jinsistu li l-Bendy Buses għandhom jibqgħu jiċċirkolaw fit-toroq tagħna, meta kienu jafu li dawn kienu wieħed mill-fattur li kien qed jikkawża il-konġestjoni fit-traffiku, apparti l-inċidenti ta’ ħruq li kellhom l-istess karozzi, b’sogru għall- passiġġieri u għal sewwieqa oħra. L-istess Kap tal-Oppożizzjoni akkużana li s-sitwazzjoni tat-traffiku kienet marret għal agħar, iżda meta mistoqsi xi ħsieb għandu kif jista’ jsolvi din il-problema, it-tweġiba tiegħu kienet li hu qiegħed fl-Oppożizzjoni u r-risposti għandhom jiġu mingħand il-Ministru responsabbli u mhux mingħandu. Ta’ min ifakkar li minn studju li kien sar mill-Institute for Climate Change and Sustainable Development tal-Universita’ ta’ Malta bil-kollaborazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea rappreżentata f’Malta, is-sitwazzjoni tat-traffiku f’pajjiżna fil-perjodu ta’ Gvern preċedenti kienet ħafna aktar imwiegħra milli kienu jippruvaw ipinġuha. Dan l-istudju sar fl-2012, fit-tieni sena tal-operat tal-kumpanija Arriva. Hawnhekk rajna nuqqas fin-numru ta’ passiġġieri li jużaw it-trasport pubbliku, bil-konsegwenza li rajna żieda fil-karozzi privati fit-toroq tagħna, kif ukoll żieda drastika f’ inċidenti tat-traffiku. Dan kollu kien konsegwenza tal-falliment fir-riforma tat-trasport pubbliku. Ta’ min wieħed jinnota li waħda mill-persuni li għamlu dan l-istudju hija l-istess persuna li tmexxi wieħed mid-disa’ fora maħtura mill-Partit Nazzjonalista. Dan kollu juri li l-għan ewlieni tal-Oppożizzjoni kien li tfixkel il-ħidma tal-Gvern biex jinstab operatur ġdid tat-trasport pubbliku , minflok li tagħti is-sehem tagħha, kif kellha d-dmir li tagħmel. Kumbinazzjoni waqt id-diskors tal-aħħar budget, dak inhar il-UBS għamlu talba għall-mandat li temporanjament kien ġie milqugħ. Fil-bidu tas-seduta, l-Oppożizzjoni dehret sodisfatta li kien sar dan il-mandat, meta jien lanqas biss kont għadni naf li sar. Dan seta’ ipperikola il-ftehim milħuq mal-operatur il-ġdid. Tajjeb li nfakkar ukoll li dan il-mandat inqata’ favur il-Gvern, bl-Oppożizzjoni ma tantx turi li hija sodisfatta b’ din id-deċiżjoni. Intopp ieħor mill-Oppożizzjoni kienet meta l-kuntratt bejn l-Autobuses de Leon u l-UBS ma ġiex imġedded minħabba nuqqas ta’ qbil bejn iż-żewġ naħat. Il-kumpanija Spanjola għamlet arranġamenti oħra biex is-servizz setgħa jkompli bl-inqas inkonvenjent għall-passiġieri. Hawnhekk l-Oppożizzjoni permezz tal-media tagħha tat l-impressjoni li ntużaw mini-buses minflok coaches, meta dawn l-istess mini-buses kienu ilhom jintużaw fuq diversi rotot. Sadanittant waslu 32 karozza tal-linja low floor li żdiedu mal-flotta preżenti, kif ukoll għandhom jiżdiedu numru ta’ karozzi oħra tat-tip low-floor ukoll fil-ġimgħat li ġejjin. L-Oppożizzjoni approfittat ruħha ukoll minn persuni b’ diżabilita’ u użathom bħala ballun politiku. Qajjmet l-issue tal-persuni b’ diżabilita’ li jużaw scooters. Li ma qalux hu li l-Arriva kienet ħolqot policy li ċertu scooters ma jitħallewx jitilgħu fuq il-karozzi tal-linja u din ir-restrizzjoni kienet parti mill-kundizzjoni tal-ġarr ta’ persuni. U Gvern preċedenti la qatt tkellem fuq din l-issue, aħseb u ara kemm oġġezzjona għaliha !! Fuq talba tiegħi, Transport Malta flimkien mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’ (KNPD), għamlu sensiela ta’ provi ta’ motorised wheelchairs u mobility scooters ħdejn l-uffiċċji tal-istess KNPD ġewwa Ħal-Far. Il-prova saret kemm fuq karozza li ilha fis-servizz għal dawn l-aħħar erba’ snin, kif ukoll fuq karozza li daħħlet fis-servizz ftit tal-jiem ilu pprovduti mill- Malta Public Transport. Fi stqarrija konġunta minn Transport Malta u l- KNPD, kien ġie spjegat li hemm diversi tipi ta’ motorised wheelchairs u mobility scooters. Il- motorised wheelchairs li huma simili għall- wheelchairs normali setgħu jimmanuvraw tajjeb fuq il-karozzi. Min-naħa l-oħra mobility scooters li huma ġeneralment itwal minn motorised wheelchairs, ma setgħux jimmanuvraw u għaldaqstant ma jistgħux jintużaw fuq il-karozzi. Madankollu jeżistu mobility scooters, inkluż dawk bi tlett roti, li jimmanuvraw tajjeb u b’mod sigur fuq il-karozzi u skont ċertu persuni li jużaw dawn l-istess scooters ġieli ntużaw fuq karozzi tal-linja hawn Malta. Transport Malta u l- KNPD ħabbru li sett ta’ linji gwida ser ikunu preparati biex jiddistingwu bejn mobility scooters li jistgħu jintużaw fuq il-karozzi u bejn dawk li sfortunatament ma jistgħux jintużaw minħabba id-daqs tagħhom. B’hekk dawk il- wheelchairs u scooters li kienu jużaw il-karozzi jistgħu jibqgħu jagħmlu użu minn dan is-servizz. Mezz ta’ identifikazzjoni ser jingħataw minn Transport Malta biex jitpoġġew fuq dawn l- iscooters sabiex b’hekk ikunu jistgħu jiġu identifikati mix-xufiera. Il-ħidma tal-Gvern kompliet għaddejja. Fassalna rotot ġodda wara konsultazzjoni miftuħa mal-pubbliku u mal-kunsilli lokali kollha, u dan mingħajr ma tfajna piż żejjed fuq il-poplu. Ħaddieħor nefaq miljun ewro fuq kampanja ta’ konsulenza u informazzjoni li wasslet biss għal kaos fil-pajjiż. Illum pajjiżna għandu operatur tat-trasport pubbliku ġdid u jien bħala Ministru ser nesiġi li l-istess operatur jimxi mal-ftehim biex ikollna servizz li jkun aċċettat mill-poplu Malti u Għawdxi kollu minkejja d-diffikultajiet li sibna.”

Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi – Uffiċjali tekniċi

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 14291, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-uffiċjali tekniċi (u mhux dawk fi grad professjonali) responsabbli minn kull sezzjoni fid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi fi ħdan il-Ministeru tiegħu? Xi grad għandu kull uffiċjal tekniku responsabbli minn kull sezzjoni? Min huma dawn l-uffiċjali tekniċi u kemm ilhom f'dan il-grad?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.