Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Gvern preżenti jrid iwaħħal meters ma’ spieri antiki meta dawn ma jieħdux ilma mill-water table iżda mill-ilma żejjed ta’ fuq it-tafal?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi b’mod ġenerali l-meters qegħdin jitwaħħlu skont Leġislazzjoni Sussidjarja 423.40.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux veru li ħarġet ordni mill-Ministeru tiegħu jew tas-Segretarju Parlamentari li jaqa taħt ir-responsabilità tiegħu jew minn rappreżentant tiegħu li l-ebda Membru Parlamentari m’għandu jitħalla jidħol fil-Pitkalija? Min kienet il-persuna li ħarġet din l-ordni? X’inhi r-raġuni li nħarġet din l-ordni?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab mgħarraf mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li sakemm ma tkunx impjegata tad-Dipartiment, persuna tista’ tidħol fil-Pitkalija hekk kif tkun reġistrata mal-management tal-Pitkalija bħala pitkal, jew bħala bidwi jew inkella bħala xerrerj/a u tkun tista’ tidħol biss għal dak l-iskop li tkun reġistrata għalih. F’każijiet eċċezzjonali jingħataw permessi ad hoc lil xi persuni oħra sabiex iżuru l-Pitkalija, iżda kull każ ikun itrattat skond iċ-ċirkostanzi u tkun trid issir talba minn qabel lill-management.
L-Imnarja – Raħħala li jrabbu l-baqar — kompetizzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li fl-attivitajiet li saru fil-Buskett għall-okkażjoni tal-Imnarja, ir-raħħala li jrabbu l-baqar ma ħadux sehem fil-wirja u l-kompetizzjonijiet li jsiru għal din l-okkażjoni bħalma kien isir fis-snin imgħoddija?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, l-organizzaturi ta’ din il-wirja ma ħarġu l-ebda invit / stedina lil xi raħħal jew bidwi individwali, iżda stiednu lill-għaqdiet ikkonċernati biex jekk iridu, b’mod volontarju, jipparteċipaw. Id-deċiżjoni dwar parteċipazzjoni tħalliet f’idejn l-għaqdiet infushom.
Dipartiment tal-Agrikoltura — permess biex jinqalgħu siġar protetti
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il permess inħareġ mid-Dipartiment tal-Agrikoltura sabiex siġar protetti jiġu maqlugħa mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Fejn dawn s-siġar ġew maqlugħa bil-kondizzjoni li jitħawlu siġar oħra sabiex jikkompensaw, jista’ jgħid jekk id-Dipartiment tal-Agrikoltura jagħmilx moniteraġġ ta' fejn dawn is-siġar ikunu tħawwlu u kemm minnhom għadhom ma mietux?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u jingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn raħħala full-time u part-time reġistrati f'kull raħal f'Malta u Għawdex? Jista’ jpoġġi lista ta' dawn ir-raħħala fuq l-Mejda tal-Kamra?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ ma żżomx tagħrif dwar raħħala distint minn dak tal-bdiewa. L-informazzjoni hi kif tidher fit-tabella li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16872.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn sajjieda full-time u part-time reġistrati f'kull raħal f'Malta u Għawdex? Jista’ jpoġġi lista ta' dawn is-sajjieda fuq l-Mejda tal-Kamra?
Response (BARTOLO, EVARIST)
B'risposta għal din il-mistoqsija, ninsab infurmat li l-istatistika li tidher fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra hija skont il-formoli ta` bidu ta` mpjieg li rċeviet il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ li l-okkupazzjoni tax-xogħol tagħhom hija bħala Fishermen u Deep Sea Fishery Workers. Din l-informazzjoni hija sal-aħħar ta` Diċembru 2014, li huma l-aħħar figuri ppubblikati. Fit-tabella jidher in-numru ta` sajjieda full-time u part-time maqsuma f`kull raħal f’Malta u Għawdex.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-livell ta’ melħ fl-ilma tax-xorb ipprovdut mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f’Għawdex hux jiġi mmoniterat? Kull kemm isir tali moniteraġġ u f’liema lokalitajiet Għawdxin qed isir? Jista’ jagħti r-riżultati tat-testijiet li saru bejn Settembru 2014 u Frar 2015 li jindikaw il-livell ta’ melħ fl-ilma tax-xorb f’kull lokalità Għawdxija?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid kif kien imqassam l-użu tal-pestiċidi (ammont totali skont il-kategorija u skont il-kimika) bejn industrija, agrikoltura, settur pubbliku u ċittadini, sena b’sena f’dawn l-aħħar ħames snin sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-MCCAA m'għandhiex informazzjoni dwar l-ammonti ta’ pestiċidi importati billi l-Awtorita’ hi biss responsabbli li tawtorizza dawk il-prodotti ta’ pestiċidi li jistgħu jitpoġġew fis-suq u jintużaw. Madankollu l-MCCAA tagħmel spezzjonijiet regolari biex tassigura li l-pestiċidi użati huma reġistrati u qegħdin jintużaw biss minn persuni awtorizzati. Ninforma lil Onor Interpellant li aktar informazzjoni tista’ tintalab lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatiska.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15263, jista’ l-Ministru jgħid fiex se tkun tikkonsisti l-politika agrikola nazzjonali hekk kif ġiet proposta mill-Ministru fir-risposta tiegħu? Jista’ jgħid fiex tikkonsisti l-konsultazzjoni nazzjonali u wiesgħa li ssuġġerixxa l-Ministru fit-tweġiba? Minn meta bdiet din il-konsultazzjoni u ma’ min saret s’issa? Min se jkun involut f’din il-konsultazzjoni wiesgħa?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif mogħti lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-politika agrikola nazzjonali ser tkun tikkonsisti f’dak li ser joħroġ mill-eżerċizzju hekk kif prevvist fit-termini tat-tender MSDEC 4/2015 kif ipubblikat iżjed kmieni dis-sena. Il-konsultazzjoni ser tkun ibbażata wkoll skond dak il-proċess, u beda b’konsultazzjoni ma’ entitajiet pubbliċi nvoluti fl-aspetti diversi relatati mal-agrikoltura li twassal għall-pubblikazjoni ta’ issues paper sabiex tiggwida avveniment ta’ konsultazzjoni nazzjonali mifrux fuq jumejn li għalih ikunu jistgħu jattendu l-istakeholders kollha interessati.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' bdiewa, full-time u part-time rispettivament li llum huma reġistrati mad-Dipartiment tal-Agrikoltura? Minn liema lokalitajiet ġejjien dawn il-bdiewa, f'Malta u Għawdex?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ ma jkollhiex informazzjoni dwar min hu reġistrat mad-Dipartiment tal-Agrikoltura. Il-Korporazzjoni tiġbor l-informazzjoni tagħha skont il-formoli ta' bidu tal-impjieg, kif tidher fit-tabella li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentri 16872.
Baħar iċ-Ċagħaq – Triq il-Kosta – landscaping — siġar u arbuxelli
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm u x’tip ta’ siġar u arbuxelli se jitħawwlu bħala parti mill-landscaping fi Triq il-Kosta, Baħar iċ-Ċagħaq?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 16044 fejn ġie ndikat li l-proposti għal-landscaping għadhom qed jiġu ppreparati. Pero’, ta’ min isemmi wkoll li f’dawn il-proposti se tingħata preferenza lil speċi ta’ siġar u arbuxelli ndiġeni, meta u fejn dan ikun possibli u għaqli.
Kastilja – qlugħ ta’ siġar fil-pjazza — ħlas lill-konsulent
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallas il-konsulent li nġieb mill-Ingilterra li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għal xogħol li għamel fil-qlugħ tas-siġar li kien hemm fil-pjazza ta’ quddiem Kastilja? X’inhi r-raġuni li ma ntużawx konsulenti Maltin għal dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħlas sa issa li ngħata lill-konsulent li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament huwa ta’ €4832.52. Dan il-konsulent ġie mqabbad fuq ċaqliq tas-sigar bi qbil bejn il-GHRC u Flimkien għal Ambjent Aħjar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-ispejjeż inkluż l-akkomodazzjoni biex il-konsulent li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jinġieb Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispejjeż sa issa biex il-konsulent li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, jinġieb Malta, inkluż l-akkomodazzjoni kienu ta’ €2117.89.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew maqlugħa siġar mill-pjazza ta' quddiem Kastilja u x'tip ta' siġar kienu? Dawn reġgħu tħawlu x'imkien ieħor? Jekk fl-affermattiv, jista’ l-Ministru jgħid fejn tħawwlu dawn is-siġar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li 33 minn 45 siġra li kien hemm fil-pjazza fid-data li beda jaħdem il-kuntrattur kienu fil-pjan li jintmissu. Dan ifisser li 12-il siġra ma ntmissux filwaqt li 2 siġriet mit-33 li ntmissu ma ġewx salvati. Is-siġar ġew imħawwla mill-ġdid kif ġej:
- 3
Cupressus Sempervirens
/ 2
Pinus Halipensis
fi pjazza Kastilja, Valletta
- 3
Olea Mediterranea
/ 9
Cercis Silliquastrum
fil-ġnien ta’ Hastings, Valletta
- 1
Ficus Elastica
fi Triq Aldo Moro, Marsa
-
4 Ficus Nitida
ħdejn Bieb is-Sultan, Żabbar
- 1
Laurus
/ 1
Cicas
fil-Barrakka ta’ Fuq ,Valletta
- 1
Pinus Halipensis
fil-Pinetum, Pieta’
- 3
Phoenix Canariensis
/ 2
Wasingtonia Filifera
/ 1
Phoenix Dactylifera
fi ġnien Herbert Ganado, Valletta.
Jista’ l-Ministru jagħti garanzija li l-ilma trattat ma jkollux melħ miegħu peress li jekk ikollu l-melħ, dan jinżel fil-ħamrija u l-ħamrija mielħa titlef nofs il-produzzjoni tal-prodott li tagħti? Barra minn hekk, il-Ministru ħa inkonsiderazzjoni li jekk l-ilma trattat ma jkunx 100% ħieles mill-melħ, il-melħ ser jipperkola mill-ħamrija u għalhekk jikkontamina l-perched aquifer?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ilma trattat (new water) se jkollu valuri ta’ mluħa f’livelli baxxi komparabbli mal-aħjar kwalità tal-ilma tal-perched aquifer u għalhekk mhux se jikkawża kontaminazzjoni għal perched aquifer.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 14309, jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn bdiewa full-time u part-time reġistrati f'kull raħal f'Malta u Għawdex? Jista’ jpoġġi lista ta' dawn l-bdiewa fuq l-Mejda tal-Kamra?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fl-istatistika li żżomm il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ ma jkunx hemm distinzjoni bejn bdiewa u raħħala. Skont il-formoli ta' bidu ta' mpjieg li rċeviet il-Korporazzjoni, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi n-numru ta' bdiewa u raħħala li jaħdmu f'kull lokalità f'Malta u f'Għawdex fl-aħħar ta' Diċembru 2014, li huma l-aħħar figuri ppubblikati.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-bdiewa għadhom ma tħallsux is-sussidju fuq it-tadam li nqata’ fis-sena 2014 meta l-gvern preċedenti dejjem ħallas dan is-sussidju sa Marzu, meta issa diġà qegħdin f’Ġunju?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, l-istqarrija tiegħu li l-gvern preċedenti dejjem ħallas f’Marzu ma tirriżultax korretta, u li fil-fatt meta wieħed iħares lejn il-leġiżlatura preċedenti jinnota li:
· Fl-2009 tħallas sussidju bl-arretrati tas-snin ta’ qabel matul Marzu, April, Lulju, Settembru u Ottubru,
· Fl-2010 tħallas f’Jannar b’bilanċi mħallsin anki f’April u Mejju;
· Fl-2011 tħallas f’Mejju,
· Fl-2012 tħallas f’April,
· Fl-2013 sa Marzu ma kienux għadhom thallsu mill-gvern precedenti
Jien infurmat ukoll li s-sussidju tal-2014 dam ftit iżjed mill-prevvist minħabba li dan huwa l-aħħar sussidju taħt il-programm SMPPMA u għalhekk kien meħtieġ li jsiru l-verifiki amministrattivi kollha neċessarji sabiex jingħalaq il-programm u jibda reġim ġdid ta’ ħlasijiet ġodda akkopjati taħt Fondi Ewropej.
Huwa mistenni li l-ħlas approvat isir fil-jiem li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li x-xogħol fuq il-bini tal-grawnd tal-futbol f’Birżebbuġa ilu wieqaf għal dawn l-aħħar xahrejn b’inkonvinjent kbir għar-residenti tal-madwar minħabba t-trabijiet kif ukoll b’detrement għall-klabb tal-futbol ta’ Birżebbuġa? Meta hu pproġettat li jitlesta x-xogħol fuq dan il-grawnd tal-futbol?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fuq Triq Għar u Casa fil-Mellieħa peress li din it-triq għadha bla tarmak, u l-ilma tax-xita qiegħed jiskula minn din it-triq u jmur fuq wara ta’ blokkok ta’ appartamenti li jinsabu fi Triq il-Wied Ruman il-Mellieħa? Peress li din it-triq (Triq Għar u Casa) hi ffurmata minn tafal, jista’ jara li din it-triq ma tkompliex iċċedi u tkompli toħloq ħsarat strutturali fil-blokkok ta’ appartamenti msemmija?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 15819.