Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba tħallset sussidju l-Malta Public Transport Ltd. minn meta l-ġestjoni tagħha daret għal fuq il-kumpanija Spanjola? Għalkemm kien jammonta kull pagament u meta għadda għand il-kumpanija Malta Public Transport? Tnaqqsu xi ammonti ta' sussidju għal rotot maqbuża fil-perjodu ta' kull pagament ta' sussidju li sar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Jannar u Lulju ta’ din is-sena l-kumpanija Malta Public Transport tħallset is-somma ta’ € 1,916,666 f’sussidju kull xahar, jiġifieri seba’ pagamenti għal total ta’ €13,416,662.
Simili għall-kuntratt illi kien ġie ffirmat mal-kumpanija Arriva, il-kuntratt iffirmat mal-Malta Public Transport jikkontempla perjodu ta’ żmien transitorju fejn l-operatur tat-trasport pubbliku jkun jista’ jadatta l-operat tiegħu sabiex ikun jista’ jottjeni r-rekwiżiti mitluba fil-kuntratt. F’dan il-perjodu transitorju, l-operatur huwa eżentat minn kull penali kontemplata fil-kuntratt.
Għaldaqstant, ma sar l-ebda tnaqqis minn dan is-sussidju.
Produtturi tat-tadam – proposti għall-prezz ta’ sussidju
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-bdiewa li jipproduċu t-tadam għamlulux proposta għall-prezz tas-sussidju li jibda minn din is-sena? Fiex kienet tikkonsisti din il-proposta? Kemm kienet it-talba tal-bdiewa f'sussidji għal kull kilo tadam? Il-Gvern ħa jew se jieħu konsiderazzjoni l-proposti ta' dawn il-bdiewa?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif mogħti lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, is-settur tat-tadam, fid-dawl li s-sussidju nazzjonali fuq il-produzzjoni taħt it-trattat ta’ adeżjoni (SMPPMA) kienu ser jispiċċaw wara l-2014, għamel talba lill-Gvern Malti biex jinnegozja mal-Unjoni Ewropea għajnuna volontarja akkopjata (Voluntary Coupled Aid) taħt il-qafas tal-għajnuniet diretti mill-fondi Ewropej.
L-amministrazzjoni preżenti innegozjat qbil finali b’suċċess sabiex jiġu allokati €900,000 fis-sena għall-produzzjoni f’dan is-settur, liema ammont jirrifletti l-proposti li saru mill-għaqdiet tal-bdiewa kkonċernati.
Skond ir-regoli tal-Unjoni Ewropea l-għajnuna taħt l-iskema volontarja akkopjata ma tinħadimx fuq il-kilo iżda fuq kejl ta’ raba li jintuża biex jitkabbar it-tadam għall-iproċessar.
Karozzi tal-linja — numru ta’ passiġġiera f’kull karozza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma n-numru ta’ passiġġieri bil-qiegħda u passiġġiera bil-wieqfa għal kull karozza tal-linja li bħalissa qed tintuża għall-provvista tas-servizz tat-trasport pubbliku?? Jista’ jagħti din l-informazzjoni separatament għall kull qies differenti ta' kull karozza tal-linja?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ passiġġieri bil-qegħda u passiġġieri bil-wieqfa għal kull karozza tal-linja li bħalissa qed tintuża fuq is-servizz tat-trasport pubbliku huwa hekk kif gej:
Mudell ta’ vettura
Tul
Passiġġieri bil-qegħda
Passiġġieri bil-wieqfa
King Long
9 meter
28
18
King Long
12 meter
41
30
Optare Solo
8.8 meter
30
12
Volkswagen Blue Bird
Minibus
15
0
Vetturi li kienu jintużaw qabel ir-riforma tal-2011
11 meter
38/46
12
Mercedes Benz Citaro
12 meter
32
46
Optare Solo SR
8.8 meter
32
24
Volvo Eclips
12 meter
43
52
Otokar
9.6 meter
31
37
Ftehim bejn il-Gvern u l-kumpanija Spanjola – multi applikabbli
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx multi applikabbli f' każ ta' ksur ta' xi waħda mill-kundizzjonijiet tal-kuntratt li ġie ffirmat bejn il-Gvern Malti u l-kumpanija Spanjola? X' inhuma dawk l-istanzi li jiġu kkunsidrati bħala ksur ta' waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet tal-kuntratt u li fuqhom il-kumpanija Malta Public Transport Ltd. tiġi mmultata penali? Għalkemm jammontaw dawn il-penali f'kull istanza?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt li ġie ffirmat bejn il-Gvern Malti u l-kumpanija Spanjola jikkontempla l-applikazzjoni ta’ multi f’kaz ta’ ksur ta’ kundizzjonijiet tal-kuntratt. Hekk kif kien intqal fit-tweġiba illi kienet ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari bin-numru 13935, il-kuntratt iffirmat mal-Autobuses de Leon ser ikun qiegħed jiġi mpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ġaladarba l-poplu jkun infurmat b’dak kollhu li għandu jkun jaf fuq is-servizz tat-trasport pubbliku l-ġdid.
Simili għall-kuntratt illi kien ġie ffirmat mal-kumpanija Arriva, il-kuntratt iffirmat mal-Malta Public Transport jikkontempla perjodu ta’ żmien transitorju fejn l-operatur tat-trasport pubbliku jkun jista’ jadatta l-operat tiegħu sabiex ikun jista’ jottjeni ir-rekwiżiti mitluba fil-kuntratt. F’dan il-perjodu transitorju, l-operatur huwa eżentat minn kull penali kontemplata fil-kuntratt.
Transport Malta – spezzjonijiet fuq it-temperatura tal-karozzi tal-linja
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għadhomx isiru spezzjonijiet minn Transport Malta fil-karozzi tal-linja biex tiġi ċċekjata t-temperatura ġewwa l-karozza tal-linja? Jekk dawn l-ispezzjonijiet għandhom isiru, kemm qegħda tkunit-temperatura mill-1 ta' Mejju 2015 sa meta se tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm suppost tkun l-ogħla temperatura fil-karozza tal-linja? Jekk dan il-limitu jinqabeż, il-kumpanija li qed tipprovdi s-servizz tat-trasport pubbliku qed tiġi mmultata minħabba dan in-nuqqas?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċċjali ta’ Transport Malta jwettqu b’mod regolari spezzjonijiet abbord il-karozzi tal-linja fejn fost oħrajn tiġi ċċekkjata t-temperatura. Minn spezzjonijiet illi saru mill-istess uffiċċjali jirriżulta illi t-temperatura medja illi ġiet imkejla waqt dawn l-ispezzjonijiet kienet ta’ 25.3 gradi celcius.
It-temperatura rikjesta skont il-kuntratt għandha tkun ta’ bejn l-20 u l-24 grad celcius. Madanakollu, din is-sitwazzjoni mistennija titjieb fil-ġimgħat li ġejjin bl-introduzzjoni tal-karozzi tal-linja l-ġodda fuq is-servizz.
Infakkar ukoll li kif intqal fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari oħra, il-kuntratt iffirmat mal-Malta Public Transport jikkontempla perjodu ta’ żmien transitorju fejn l-operatur tat-trasport pubbliku jkun jista’ jadatta l-operat tiegħu sabiex ikun jista’ jottjeni ir-rekwiżiti mitluba fil-kuntratt. F’dan il-perjodu transitorju, l-operatur huwa eżentat minn kull penali kontemplata fil-kuntratt.
Jista’ l-Ministru jiċċekja jekk hux minnu li fl-iskall tad-dgħajjes li hemm ix-Xlendi Għawdex hemm dgħajjes li ilhom ma jiġu varati l-baħar għaxar snin flimkien ma’ diversi karrijiet battala u għalhekk sajjieda li jixtiequ jpoġġu d-dgħajjes tagħhom f’dan l-iskall mhux qed isibu spazju?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tajt struzzjonijiet lil Transport Malta sabiex tittieħed azzjoni f’dan ir-rigward.
Ix-Xlendi – slipway – tneħħija ta’ karozzi u karrijiet
Question
Jista’ l-Ministru jara li fuq is-slipway tax-Xlendi ma jitħallewx diversi karozzi u karrijiet vojta għax dawn qed itellfu lis-sajjieda Għawdxin milli jagħmlu xogħlhom?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ħidma ta’ dan it-tip ser issir b’ kollaborazzjoni mal-Pulizija.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti li jaħdmu mas-Segretarjat għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali? X'inhu l-pakkett finanzjarju ta' dawn il-konsulenti inkluż paga, allowances u perkaċċi oħra?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif mogħti lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Pitkalija – kontribuzzjoni tal-bdiewa, pitkala u xerrejja
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jgħolli l-kontribuzzjoni tal-bdiewa, pitkala u xerrejja bħala persentaġġ mill-valur ta' bejgħa li jbiegħu fi prodotti agrikoli mill-Pitkalija biex tmur għal ħasil, irranġar u bdil fejn meħtieġ tal-kaxxi tal-Pitkalija? Kemm se tiġi tiswa din il-kontribuzzjoni? Jista’ jgħid jekk hux se jikkonsulta mal-bdiewa, pitkala u xerrejja qabel ma jiddeċiedi li jibdel l-ammont ta' din il-kontribuzzjoni, jekk din se tinbidel?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif mogħti lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari l-kontribuzzjoni ser tiżdied minn €.003 għal €.009 għal kull Ewro ta’ bejgħ. Din iż-żieda ser tiġi mħallsa mill-bdiewa u mix-xerrejja.
L-amminstrazzjoni tal-Pitkalija kemm il-darba laqgħet il-kummenti tal-bdiewa u x-xerrejja fuq dan il-punt u l-fehma ġenerali kienet favur żieda ladarba dan ikun jista’ jgħin biex jitjieb is-servizz tal-kaxxi.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari żdiedux ħaddiema mal-Gvern li jaħdmu fil-Pitkalija? Jekk fl-affermattiv, kemm żdiedu ħaddiema, f' liema grad, kemm għandhom paga u minn liema lokalitajiet ġejjin dawn il-ħaddiema?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif mogħti lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari li mit-13 ta' Marzu 2013 s’issa mill-Pitkalija telqu 3 senior clerks li kienu parti mill-Amminstrazzjoni tal-Pitkalija. Bħala ħaddiema ġodda inħatar Principal Security Officer Scale 11 li qiegħed jaħdem mal-Amminstrazzjoni tal-Pitkalija, Principal Skala 9 li qed taħdem mal-Farmers Markets, Senior Engineer Skala 5 li qed jaħdem mal-Pitkalija Ltd. Intant peress li qed tinbidel is-sistema tal-ħasil tal-kaxxi, sabiex ma tibqax immexxija minn entitajiet ta’ terzi persuni, minn Mejju tal-2015 bdew jaħdmu mal-Pitkalija 9 Crate Operators Skala 20.
Dawn il-ħaddiema ġejiin mill-lokalitajiet tal-Mosta, mir-Rabat minn Ħaż Żebbuġ, minn Ħal Qormi, mill-Gudja u mis-Siġġiewi.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jibdel il-kaxxi eżistenti li qed jintużaw bħalissa fil-Pitkalija? Ta' liema materjal se jkunu dawn il-kaxxi ġodda?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif mogħti lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, bir-Riforma tal-Pitkalija hemm il-ħsieb li l-kaxxi ser jinbidlu biex ikollhom ċippa inkorporata ġol-kaxxa sabiex il-kaxxi jkunu aktar traċċabli, tiżdied l-informazzjoni kif tiżdied ukoll it-trasparenza fil-mod kif il-kaxxa tiddaħħal ġewwa l-Pitkalija u kemm iddum barra. Rigward il-materjal, dan ser ikun tal-istess kwalità tal-kaxxi li qed jintużaw bħalissa.
Pitkalija – bdil ta’ sistema ta’ tqassim ta’ kaxxi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li tinbidel is-sistema ta' kif jiġu mqassma l-kaxxi tal-Pitkalija lill-bdiewa? Jekk se jkun hemm xi tibdil, jista’ jgħid kif se jiġu affettwati l-bdiewa, xerrejja u pitkala b'dan it-tibdil? Jista’ jgħid jekk il-bdiewa, pitkala u xerrejja ġewx ikkonsultati jekk se jsir xi tibdil fil-proċedura eżistenti?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif mogħti lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, is-sistema ta’ kif jiġu mqassma l-kaxxi tal-Pitkalija qed tiġi studjata fid-dettal u titħabbar bħala parti mir-Riforma tal-Pitkalija.
Peress li l-iskallijiet kollha li hemm fir-raħal ta’ Marsaxlokk għandhom l-injam miksur u dan qed joħloq inkonvenjent u danni kbar lis-sajjieda Xlukkajri, jista’ l-Ministru jgħid meta dawn l-iskallijiet se jitranġaw u jinbidlilhom l-injam tagħhom?
Response (BRINCAT, LEO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari 16985
Peress li l-iskallijiet kollha li hemm fir-raħal ta’ Marsaxlokk għandhom l-injam miksur u dan qed joħloq inkonvenjent u danni kbar lis-sajjieda Xlukkajri, jista’ l-Ministru jgħid meta dawn l-iskallijiet se jitranġaw u jinbidlilhom l-injam tagħhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk qed jippjana li jkollu laqgħa mad-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tas-Sajd bl-għan li s-sitwazzjoni tiġi ratifikata fl-iqsar żmien possibbli.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hu jew is-Segretarju Parlamentari li jaqa taħt ir-responsabilità tiegħu ġewx ikkonsultati mill-MEPA meta ġie fformulat il-Masterplan għall-Magħluq f'Marsaxlokk? X'inhi r-raġuni li fit-tfassil ta' dan il-Masterplan, is-sajjieda ta’ Marsaxlokk ma tħallilhomx spazju fejn ikunu jistgħu jipprattikaw is-sengħa tradizzjonali tagħhom, bħal tiswija ta’ konzijiet, xbieki, u diversi inġenji tal-baħar oħra kif ukoll parkeġġ adekwat fejn is-sajjieda jkunu jistgħu jipparkjaw il-vetturi tagħhom li fihom iġorru l-inġenji tal-baħar fejn jorbtu l-opri tal-baħar tagħhom?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li għalkemm f’risposta għall-mistoqsija parlamentari 2457 li saret fit-12 ta’ Ġunju 2013 dwar meta se tinfetaħ il-Pixkerija l-ġdida, kien stipula li d-data tal-ftuħ kellha tkun Marzu tal-2014, u għalkemm diġà għaddew sena u tliet xhur mid-data ta’ meta suppost kellha tiftaħ il-Pixkerija,din għadha magħluqa sal-ġurnata tal-lum?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Mistoqsija Parlamentari 2457 kienet fuq ix-xogħolijiet li kienu qed isiru fuq il-pixkerija.
Fil-fatt skond kif ninsab mgħarraf mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari x-xogħolijiet infrastrutturali hekk kif kienu maħsuba fit-tender li kien ħareġ il-Gvern preċedenti huma konklużi. Dawn ix-xogħolijiet ġew konklużi anke wara numru ta’ nuqqasijiet fil-pjanti oriġinali li ġew indirizzati.
Tajjeb li wieħed isemmi l-fatt li l-Gvern preċedenti ma kellu l-ebda pjan għall-operat ta’ din l-istruttura. Biżżejjed ngħid li kien hemm nuqqasijiet fejn jidħlu standards rikjesti mill-liġi għal stabbilimenti tal-ikel u ma kienx hemm sistema ta’ tikketjar jew traċċabiltà. Kien hemm ukoll nuqqasijiet ta’ faċilitajiet sanitarji mill-aktar bażiċi u kien hemm nuqqas kbir fis-sistema ta’ sigurtà fid-dħul u ħruġ mill-Pixkerija, inkluż nuqqas kbir ta’ faċilitajiet ta’ parkeġġ. Jidher ċar li l-ħsieb, jew in-nuqqas tiegħu, kien li tiġi replikata sistema arkajka tal-Pixkerija l-antika ġo binja ġdida mingħajr ebda avvanz fil-prattiċi preżenti, anzi b’disaġġ kbir għas-sajjieda, peress li tinsab il-bogħod mill-baħar. Insemmi wkoll li ma kinitx saret konsultazzjoni mas-settur u ma kienux ser jiġu ndirizzati l-ħtiġijiet regolatorji mitluba mill-Unjoni Ewropea għas-settur.
Fuq l-operat tal-pixkerija nixtieq ngħid li wara konsultazzjonijiet mas-settur ġejna mitluba li din tinfetaħ wara l-istaġun tal-lampuki u meta jkunu tlestew ix-xogħlijiet kollha biex jiżguraw operat effiċjenti u effettiv.
Fil-fatt huwa ppjanat li l-pixkerija, apparti s-servizz bażiku ta’ rkant tkun qed toffri aktar akkontabilità kif ukoll servizzi bħal dawk tat-traċċabiltà, standards tas-suq u tikketjar li huma mitluba bil-liġi.
L-importanti hu li l-pixkerija ser tkun ukoll registrata bħala stabbiliment ta’ l-ikel mal-awtoritajiet tas-saħħa ambjentali u dawk tal-veterinarja, ħaġa li ma kinitx maħsuba mill-awtoritajiet preċedenti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-aħħar jiem kienx hemm okkażżjoni fejn il-friża tal-biċċerija ta' Għawdex tħalliet mitfija bil-konsegwenza li diversi prodotti kellhom jintremew? Min kien responsabbli minn dan l-iżball? X'passi ttieħdu kontra l-persuna responsabbli minn dan?
Response (REFALO, ANTON)
Nixtieq ninfroma lill-Oner. Interpellant li dwar dan il-kaz saret investigazzjoni interna u ser jitieħdu l-passi kollha opportuni.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu pazjenti bl-ambulanza fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei fil-lejl tas-26 ta' Gunju 2015 mill-kwarta ta' filgħodu sat-tlieta u kwart ta' filgħodu?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li kien tnax in-numru ta’ pazjenti irregistrati li waslu bl-ambulanza fl-isptar Mater Dei fil-hinijiet/data indikati.
Transport Malta – L-Imqabba — Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija u Triq il-Qrendi stallazzjoni ta’ crash barriers
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li f' Settembru 2014 Transport Malta approvat l-istallazjoni ta' crash barriers fl-area tar-roundabout ta' bejn Triq il-Konvoj ta' Santa Marija u Triq il-Qrendi, l-Imqabba, li hi triq arterjali, imma s' issa dawn il-crash barriers għadhom ma ġewx stallati fuq l-post?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba li hemm numru ta’ cables għaddejjin mad-dawra tal-istatwa, ma setgħux jiġu nstallati l-crash barriers.