Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #20128 Sitting 311 2015-10-23 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Wied iż-Żurrieq – parking area – street lighting

Question

Jista’ l-Ministru jara illi jiżdied l-istreet lighting fil-parking area ta’ Wied iż-Żurrieq g għax għalkemm dan il-post turistiku jżuruh diversi Maltin kif ukoll turisti , jinsab fid-dlam?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Żurrieq – Vjal l-Indipendenza – zebra crossing

Question

Jista’ l-Ministru jara li ssir zebra crossing fi Vjal l-Indipendenza kantuniera ma’ Triq il-Passjuż-Żurrieq peress li din it-triq hi perikoluża u traffikuża għal min jipprova jaqsam min- naħa għall-oħra tat-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta diġa’ kellha talba għal tlett zebra crossings ġewwa din it-triq, liema talba saret mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq u din it-talba ġiet milqugħa. Madanakollu, l-ebda waħda minn dawn it-tlett zebra crossings ma qiegħda eżatt fil-post li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant.

Wied iż-Żurrieq – parking area – street lighting

Question

Jista’ l-Ministru jara illi jiżdied l-istreet lighting fil-parking area ta’ Wied iż-Żurrieq għax għalkemm dan il-post turistiku jżuruh diversi Maltin kif ukoll turisti, jinsab fid-dlam?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Qrendi li x-xogħol imsemmi huwa mistenni li jsir fil-futur qarib.
Leg 12 PQ #17978 Sitting 297 2015-10-06 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għal Għawdex

Ix-Xlendi – slipway – tneħħija ta’ karozzi u karrijiet

Question

Jista’ l-Ministru jara li fuq is-slipway tax-Xlendi ma jitħallewx diversi karozzi u karrijiet vojta għax dawn qed itellfu lis-sajjieda Għawdxin milli jagħmlu xogħlhom?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li saret talba lill-Pulizija sabiex tieħu l-azzjonijiet neċessarji fil-konfront tal-allegat abbuż..

Bdiewa – sussidju għall-prodotti agrikoli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x' inhi r-raġuni li s-sussidju li ħadu l-bdiewa għall-prodotti agrikoli li daħħlu fil-Pitkalija għas-sena 2014 kien bil-wisq inqas minn dak li ħadu fl-2013?

Response (BRINCAT, LEO)

Jidher li l-kelliem tal-Oppożizzjoni fuq l-Agrikoltura u s-Sajd ftit li xejn jaf dwar it-trattat ta’ adeżjoni ta’ Malta mal-UE iffirmat fl-2004 mill-amministrazzjoni preċedenti u li kien jinkludi l-programm ta’ sussidju magħruf bħala SMPPMA (Special Market Policy Programme for Maltese Agriculture) li kien ġie mfassal u negozjat, fost oħrajn, minn Dr. Simon Busuttil, illum Kap tal-Oppożizzjoni u li dak iż-żmien kien Kap tal-MIC (Malta-EU Information Centre). Jien ċert li jekk l-Onor. Interpellant jikkonsulta mal-Kap tiegħu stess, dan jagħtih l-informazzjoni kollha u dettaljata ta’ kif kien imfassal dan il-programm tal-SMPPMA li bħala prinċipju bażiku kellu d-degressività b’massimi ffissati għal kull settur, kull sena, b’terminu sal-2014. Fil-qosor ħafna, ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-każ tal-ħaxix frisk (fresh vegetables), is-sussidju fl-2004 kien ta’ 25.0 Euros/tonne u li dan is-sussidju niżel, sena wara sena, għal 7.5 Euros/tonne fl-2013 u 3.8 Euros/tonne fl-2014; jiġifieri fl-2014 kien 51.7% ta’ dak milli kien fl-2013 u 15.2% ta’ dak li kien fl-2004. Fil-każ tal-frott frisk, is-sussidju fl-2004 kien ta’ 125 Euros/tonne li baqa’ niżel, sena wara sena, sakemm fl-2013 is-sussidju kien ta’ 37.5 Euros/tonne u fis-sena 2014 kien 18.8 Euros /tonne; jiġifieri fl-2014 kien 51.7% tas-sena 2013 u 14.2% ta’ dak li kien fl-2004. Inżid ngħid li skond it-trattat iffirmat f’Mejju 2004 mhux ħa jkun hemm sussidju wara l-2014. Nispera li l-Onor. Interpellant aktar tard fis-sena mhux ha jistaqsini għaliex il-bdiewa mhux ser jieħdu xejn din is-sena u fis-snin li ġejjin!! Il-bdiewa u l-għaqdiet tagħhom kienu ġew avżati b’ dan sa minn qabel l-2004 permezz ta’ numru ta’ laqgħat li kienu saru qabel l-adeżjoni; kif ukoll permezz ta’ edizzjoni speċjali tal-“Aġġornat”, miktub minn Simon Busuttil u Edward Demicoli f’isem il-Malta-EU Information Centre (MIC), estratt għas-settur indikat (ħaxix u frott) qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f’Tabella.

Frott tat-tin u tut — skarsezza

Question

Jista’ l-Ministru jinvestiga x'qed iwassal biex il-frott tat-tin u tat-tut ikunu-skars u jekk dawn hux qegħdin jitlaqtu minn xi marda jew insett partikolari?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mill-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, b’żieda mat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 16997, il-Ministeru qiegħed fil-proċess li jistabilixxi inventarju ta’ siġar biex ikun f’pożizzjoni li jevalwa aħjar is-sitwazzjoni u l-istat ta’ siġar f’ riskju ta’ estinzjoni. Dan se jkun parti minn sistema ġdida tal-informatika li qed tiġi żviluppata u li tifforma parti minn proġett dwar konservazzjoni ta’ siġar. Huwa ppjanat ukoll li dan il-pjan jiskatta hekk kif jingħalaq il-proġett dwar l-istudju u konservazzjoni sostenibbli ta’ varjetajiet lokali ta’ pjanti li huwa ffinanzjat taħt il-Programm tal-Iżvilupp Rurali, u meta jiġu kkonfermati l-fondi għal dan il-pjan taħt il-Programm il-ġdid tal-Iżvilupp Rurali. Huwa ppjanat li jiġu mkabbra madwar 3000 pjanta tat-tin u li jitqassmu bejn wieħed u ieħor 18 –il xahar wara li jkun beda l-proġett. Qegħdin fil-proċess ta’ ppreparament ta’ tender sabiex ningħataw servizz ta’ esperti f’dan il-qasam.

Imqabba – Triq Mons. Alfons Caruana – tindif ta’ triq

Question

Jista’ l-Ministru jintervjeni permezz tad-Dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu biex parti minn Triq Mons. Alfons Caruana kantuniera ma’ Triq George Martin fl-Imqabba fejn nofs it-triq għadha mhux mibnija, din tiġi mnaddfa u mwittija kif ukoll jittella’ ħajt fuq il-linja hekk kif stabbilit mill-MEPA biex jiġi evitat li jkompli jinġema’ iktar ħmieġ li qed iġib miegħu ħafna ġrieden u konsegwentament t' hekk jista’ wkoll iġib il-mard?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sar tindif mill-Kunsill Lokali Mqabba fiż-żona imsemmija, fejn tneħħa ammont ta’ skart li intrema illegalment. Saret ukoll ħidma mid-Direttorat għat-Tindif sabiex jinqata ħaxix ħażin li kien hemm f’għalqa fil-viċinanzi, li kienet ukoll ta’ periklu sabiex jitqabbdu xi nirien. Infurmat li f’dawn il-ġranet qed jittella’ fencing sabiex idawwar din l-għalqa, ħalli ma jintremix iktar skart f’din iż-żona.
Leg 12 PQ #381 Sitting 296 2015-10-05 Written · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Imqabba – Triq Mons. Alfons Caruana – tindif ta’ triq

Question

Jista’ l-Ministru jintervjeni, anke ma’ Ministeri oħra, biex parti minn Triq Mons. Alfons Caruana kantuniera ma’ Triq George Martin fl-Imqabba fejn nofs it-triq għadha mhux mibnija din tiġi mnaddfa u mwittija kif ukoll jittella’ ħajt fuq il-linja hekk kif stabbilit mill-MEPA biex jiġi evitat li jkompli jinġema’ iktar ħmieġ li qed iġib miegħu ħafna ġrieden u konsegwentament t' hekk jista’ wkoll iġib il-mard?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ħaddiema mit-Taqsima tal-Pest Control Unit bħala prekawzjoni għamlu t-trattamenti għal kontra l-ġrieden fit-toroq indikati.

Imqabba – Triq Mons. Alfons Caruana – tindif ta’ triq

Question

Jista’ l-Ministru jara x'passi jistgħu jittieħdu biex parti minn Triq Mons. Alfons Caruana kantuniera ma’ Triq George Martin fl-Imqabba fejn nofs it-triq għadha mhux mibnija din tiġi mnaddfa u mwittija kif ukoll jittella’ ħajt fuq il-linja hekk kif stabbilit mill-MEPA biex jiġi evitat li jkompli jinġema’ iktar ħmieġ li qed iġib miegħu ħafna ġrieden u konsegwentament t' hekk jista’ wkoll iġib il-mard?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Imqabba li wara l-laqgħa pubblika fil-lokalità ssejjħet laqgħa speċifika mar-residenti fi Triq Monsinjur Alfons Caruana. Wara dik il-laqgħa, fejn ir-residenti semmew diversi problemi li jesperjenzaw il-Kunsill għamel kuntatt mal-MEPA bit-telefon (fit-30 ta’ Marzu 2015) bil-għan li jkun identifikat sid l-għalqa privata, jintalbu jieħdu l-passi meħtieġa billi jmorru fis-sit indikat u jaraw xi problemi kien hemm, u jitolbu lis-sid itella’ l-ħajt. Kien hemm diversi okkażżjonijiet oħra li sar kuntatt mal-MEPA, iżda baqgħat ma ttieħdet ebda azzjoni u s-sid qatt ma ġie mġiegħel inaddaf l-għalqa u jtella’ l-ħajt skont il-liġi. F’Lulju, fuq is-sit soċjali, ir-residenti tal-inħawi tellgħu ritratti ta’ skart fi Triq Mons Alfons Caruana. Hemmhekk is-Sindku personalment marret mal-kollettur tal-iskart biex tidentifika ż-żona problematika, u rriżulta li r-ritratti li tellgħu ir-residenti onlajn kienu meħudin mill-gallariji, u kienu jirreferu għal skart f’nofs plot privata, mimlija ħaxix għoli ħafna, b’tali mod illi l-boroż suwed setgħu jispiċċaw f’nofs l-għalqa biss billi jitwaddbu minn fuq xi bejt, gallarija jew min nofs it-triq. Eventwalment, ir-residenti tellgħu onlajn anke filmati ta’ ġrieden, li bdew iduru għall-iskart mormi fl-istess għalqa privata. Il-Kunsill aġixxa immedjatament fuq dawn l-ilmenti, billi kkuntattja lis-Central Regional Health Inspectorate. Filfatt, aktar minn darba, intefa’ l-velenu tal-ġrieden fiż-żona in kwistjoni. Ġew ikkuntattjati wkoll il-Pulizija mill-għassa taż-Żurrieq, li marru fuq il-post mas-Sindku, u li ntalbu jgħinu biex ikun identifikat sid l-għalqa u jkun imġiegħel itella’ ċ-ċint madwar l-għalqa tiegħu skont il-liġi. Biex jiġi evitaw li jibqa’ jintefa’ l-iskart fi plots privati, il-Kunsill qiegħed ukoll skip ħadra magħluqa bejn Triq Monsinjur Alfons Caruana u Triq George Martin. Din l-iskip għandha tintuża mir-residenti li ma jkunux jistgħu joħorġu l-iskart qabel jgħaddi l-kollettur, biex il-boroż suwed ikunu f’kontenitur magħluq u ma jkunux faċilment aċċessibbli għall-annimali bħall-ġrieden. Il-kunsill qiegħed ukoll jieħu stimi biex fiż-żona jinstalla sistema ta’ CCTV cameras, bil-għan li dawk li jiksru l-liġu, speċjalment fejn jidħol ir-rimi tal-iskart, iħallsu għal għemilhom. Intalab wkoll is-servizz tal-Green Wardens, biex min jinqabad jikser il-liġi jkun immultat. Għalkemm mhux kompitu tal-Kunsill li l-plot privata infestata bil-ġrieden titnaddaf, il-Kunsill Lokali tal-Imqabba qed iġib stimi ta’ kemm se jiswa x-xogħol, bil-għan li issa li l-ġrieden inqerdu bil-velenu, l-annimali mejtin jitneħħew minn din iz-zona residenzjali u ma jxerrdux mard. Peress li l-Gvern Ċentrali hu kommess li fil-futur qrib jasfalta it-triq li tmiss kantuniera mas-sit in kwistjoni, jiġifieri Triq George Martin, il-Kunsill Lokali tal-Imqabba se jinsisti biex din il-parti tat-triq quddiem il-plot imsemmi, tieħu wkoll saff qatran biex jinqata’ l-ħmieġ. Dan kollu fl-isfond illi qiegħdin f’kuntatt mal-MEPA biex ikunu identifikati l-wisgħa tat-triq fil-parti fejn qed jintefa’ l-iskart, ġaladarba ma nafux l-identita’ ta’ sid il-plot.

Transport Malta – spezzjoni u testijiet ta’ karozzi tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il karozza tal-linja ġew spezzjonati u ttestjati minn Transport Malta minn meta l-Malta Public Transport Ltd għaddiet għand il-kumpanija Spanjola? Kull kemm qed isiru dawn t-testijiet? X'inhuma r-riżultati ta' dawn it-testijiet? Kienu applikati multi minn Transport Malta f'każijiet ta' non-conformity? Għalkemm jammontaw dawn il-multi u għal liema infringements inħarġu dawn il-multi? Kemm flus ġabar s'issa l-Gvern minn dawn il-multi u kemm fadal multi li għadhom mhux imħallsa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn Jannar ta’ din is-sena sa l-aħħar t'Awwissu 2015 saru total ta' 2,529 spezzjoni fuq 355 karozzi tal-linja. Dawn it-testijiet isiru fuq bażi ta' kuljum mill-uffiċċjali ta' Transport Malta. Infurmat ukoll illi f' ċertu każijiet li jirrigwardjaw is-saħħa u sigurtà, kien hemm karozzi tal-linja li twaqqfu temporanjament mis-servizz minn Transport Malta sakemm dawn ġew irranġati. Fil-każijiet l-oħra, l-Awtorità infurmat lill-operatur b'dawn in-nuqqasijiet sabiex fejn possibbli dawn jiġu rranġati, filwaqt li l-Awtorità segwiet il-progress sakemm dawn l-infringments ġew indirizzati. Hekk kif kien intqal fit-tweġiba għall-mistoqsijja parlamentari 17962, f'dan il-perjodu kien għadu japplika iż-żmien transitorju fejn ma japplikawx multi.

Transport Malta – permessi għal booths fil-Port taċ-Ċirkewwa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux jinħarġu permessi minn Transport Malta għal booths li jservu għall-bejgħ ta' biljetti għal vjaġġi minn Malta għall-Kemmuna fil-port taċ-Ċirkewwa? Jekk fin-negattiv, x'inhi r-raġuni li mhux jinħarġu dawn il-permessi?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija Parlamentari numru 17974.
Leg 12 PQ #17974 Sitting 296 2015-10-05 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA – permessi għal booths fil-Port taċ-Ċirkewwa

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk hux qed jinħarġu permessi mill-Awtorità ta’ Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar għal booths li jservu għall-bejgħ ta' biljetti għal vjaġġi minn Malta għall-Kemmuna fil-port taċ-Ċirkewwa? Jekk fin-negattiv, x'inhi r-raġuni li mhux jinħarġu dawn il-permessi?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Fil-preżent il-MEPA ma hiex tipproċessa permessi li hemm riferenza għalihom fil-mistoqsija mressqa mill-Onor Interpellant. Fil-mument il-kwistjoni tal-lokazzjoni ta' ticket booths fiċ-Ċirkewwa qed tigi evalwata b'mod holistiku minn Transport Malta, anki f'diskussjonijiet ma ' entitajiet governattivi oħrajn.

Opri tal-Baħar – liċenzja biex joperaw vjaġġi tat-turisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn opri tal-baħar li għandhom liċenzja biex joperaw vjaġġi tat-turisti kemm f'Malta kif wkoll f'Għawdex? Ta' kemm-il kumpanija/individwu huma dawn l-opri tal-baħar u min huma dawn il-kumpaniji/individwi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li n-numru ta' opri tal-baħar kummerċjali li huma liċenzjati biex iġorru l-passiġġieri f'Malta u Għawdex sa Lulju li għadda kien ta’ 351. Dan in-numru jeskludi jet skis, opri tal-baħar mingħajr mutur u dgħajjes tal-pass. In-numru ta’ operaturi ta’ dawn l-opri tal-baħar kummerċjali kien ta’ 171. Il-lista ta’ dawn l-istess operaturi qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Transport Malta – Opri tal-Baħar liċenzjati biex joperaw vjaġġi tat-turisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il spezzjoni għamlet Transport Malta fuq opri tal-baħar li joperaw vjaġġi tat-turisti kemm f'Malta kif wkoll f'Għawdex mill-bidu tal-2015 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? X'inhi l-proċedura wżata biex jiġi deċiż liema opri tal-baħar jiġu spezzjonati minn uffiċjali ta' Transport Malta? X' jiġi spezzjonat waqt dawn l-ispezzjonijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li minn Jannar sal-lum ġew spezzjonati 110 opri tal-baħar kummerċjali mid-Direttorat tal-Portijiet fi ħdan Transport Malta. Normalment, sakemm ma jkunx hemm raġuni biex tigi spezzjonajata xi opra tal-baħar speċifika (bħal per eżempju wara li l-Awtorità tkun rċeviet xi rapport), il-proċedura hi li jsiru random checks minn postijiet tat-tluq differenti (landing places / jetties) fejn opri tal-baħar kummerċjali normalment jimbarkaw il-passiġġieri. Dawn l-ispezzjonijiet ivarjaw mill-ispezzjoni taċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara, numru ta’ lifejackets, jekk hemmx fire extinguisher/s u tagħmir tas-salvataġġ abbord, kif ukoll jiġi konfermat li l-opri tal-baħar mhux qed jiġu mgħobbija b’passiġġieri iktar milli suppost. Spezzjonijiet iktar dettaljati jsiru fuq bastimenti kummerċjali akbar u jinvolvu: - ċertifikazzjoni tal-master u crew kollha abbord; - spezzjoni f’dak li jirrigwarda l-istruttura tal-bastiment u makkinjaru inkluż bibien, twieqi, non-slip decks, railings, u tagħmir ieħor skont il-bżonn; - apparat ta’ fire detection, fire alarm u fire fighting; - tagħmir ta’ salvataġġ, kwantitajiet u kif jiġu merfugħa - spezzjoni fuq apparat ta’ navigazzjoni u komunikazzjoni; - spezzjoni fuq waste oil u ġbir ta’ skart.
Leg 12 PQ #17977 Sitting 296 2015-10-05 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għal Għawdex

Ix-Xlendi – Skalli – dgħajjes

Question

Jista’ l-Ministru jiċċekja jekk hux minnu li fl-iskall tad-dgħajjes li hemm ix-Xlendi Għawdex hemm dgħajjes li ilhom ma jiġu varati l-baħar għaxar snin flimkien ma’ diversi karrijiet battala u għalhekk sajjieda li jixtiequ jpoġġu d-dgħajjes tagħhom f’dan l-iskall mhux qed isibu spazju?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministeru ikkonċernat.

Karozzi tal-linja ġodda – emergency doors

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-karozzi l-ġodda li nġabu mill-kumpanija Malta Public Transport għandhomx emergency door fuq in-naħa tax-xufier?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba illi ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 17886.

Trasport Pubbliku – rotot li qed jinqabżu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rotta qed tinqabeż kuljum mill-Malta Public Transport minn meta din il-kumpanija ħadet f'idejha il-kumpanija Spanjola? Għal kull rotta li qed tinqabeż, jista’ jgħid x'penali qed teħel din il-kumpanija li qed tipprovdi s-servizz tat-trasport pubbliku? Il-Gvern qiegħed inaqqas pro-rata s-sussidju li qed tingħata l-kumpanija tat-trasport pubbliku tar-rotot li qed jinqabżu, jew inkella l-ammont ta' sussidju miftiehem qed jingħata sħiħ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minħabba n-natura tal-operat, ikun hemm ġranet fejn xi vjaġġi illi jkunu skedati ma jsirux. Simili għall-kuntratt illi kien gie iffirmat mal-kumpanija Arriva, il-kuntratt iffirmat mal-Malta Public Transport jikkontempla perjodu ta’ żmien tranżitorju fejn l-operatur tat-trasport pubbliku jkun jista’ jaddatta l-operat tiegħu sabiex ikun jista’ jottjeni r-rekwiżiti mitluba fil-kuntratt. F’dan il-perjodu transitorju, l-operatur huwa eżentat minn kull penali kontemplata fil-kuntratt.

Trasport Pubbliku – nollijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li n-noll għal ġimgħa għat-trasport pubbliku bit-“tallinja card” għal nies li m'għandhomx karta ta' identifikazzjoni Maltija huwa ta’ €21 mentri għal dawk li għandhom karta ta' identifikazzjoni Maltija huwa ta' €6.50? Għaliex din id-differenza kbira fil-prezz għan-nollijiet tal-karozzi tal-linja bejn dawk il-persuni ta' ċittadinanza Maltija u t-turisti li jżuruna fis-sajf?

Response (MIZZI, JOE)

Nibda sabiex ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kwalunkwe persuna, irrispettivament mill-post tar-residenza jew nazzjonalita’, għandha jew m’għandhiex karta ta' identifikazzjoni Maltija, tista tibbenefika mill-istess nollijiet, u tista’ tapplika għal “tal-linja card”. Għaldaqstant, in-noll illi japplika għal persuni li għandhom karta’ ta' identifikazzjoni Maltija u dawk li m’għandhomx huwa l-istess. In-nollijiet li qegħdin jiġu mħallsa minn persuni li jkollhom “tal-linja card” maħruġa mill-operatur tat-trasport pubbliku huwa hekk kif ġej: Validu Adulti € Studenti € Tfal, Persuni illi għandhom Karta Anzjan u persuni illi jikkwalifikaw għal Concessionary Card € Single Journey (sa limitu ta’ sagħtejn) 0.75 0.75 0.25 Ġurnata n/a n/a 0.50 Ġimgħa n/a n/a 2.00 Xahar 26.00 21.00 n/a Tliet xhur n/a 55.00 n/a Fil-każ tal-adulti, in-nefqa hija sa massimu ta’ €26 fix-xahar filwaqt li tfal sa tliet snin ma jħallsux. Mill-banda l-oħra, in-noll għal dawk il-persuni li m’għandhomx il-card tat-trasport u li jixtru il-biljett minn fuq il-karozza tal-linja huwa ta’ €1.50 fil-perjodu tax-xitwa u €2.00 fil-perjodu tas-sajf għal biljett ta’ sagħtejn. Dan huwa disinċentiv biex in-nies jixtru l-biljett qabel ma jitilgħu fuq tal-linja. Għal dawk il-persuni li ma jixtiequx japplikaw għal “tal-linja card” personalizzata, irrispettivament min-nazzjonalita’ tagħhom jew post tar-residenza tagħhom, jistgħu jagħmlu użu minn żewġ tipi ta’ cards oħra. L-“Explore 7 day card” li tiswa €21.00 għall-adulti u €15.00 għat-tfal u li tintitola lill-passiġġier sebat ijiem konsekuttivi ta’ vjaġġar bla limitu inkluż servizzi ta’ bil-lejl. “It-12 Day Journey Card” li tiswa €15.00 tintitola lill-passiġġier 12-il vjaġġ matul il-ġurnata jew 6 vjaġġi fuq is-servizz ta’ bil-lejl.

Malta Public Transport Ltd – dħul min-nollijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed tikkalkula li se jkun id-dħul min-nollijiet bir-reviżjoni tan-nollijiet li għamlet il-kumpanija Malta Public Transport Ltd?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba it-tibdil li kien hemm fis-sistema tat-ticketing għadu kmieni wisq sabiex wieħed ikun jista’ jikkalkula x’ser ikun id-dħul min-nollijiet tat-trasport pubbliku f’dan l-istadju.

Servizz tat-trasport pubbliku – differenza fil-biljetti u nollijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi d-differenza fit-tip ta' biljetti kif wkoll prezzijiet tan-nollijiet għas-servizz tat-trasport pubbliku bejn Lulju u Awwissu tal-2014 u Lulju u Awwissu tal-2015?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa preżenti għas-servizz tat-trasport pubbliku għal persuna adulta li tagħmel użu minn “tal-linja card” hija sa massimu ta’ €26 fix-xahar, kkumparat mal-istess nefqa ta’ €26 fix-xahar għas-sistema preċedenti. Fil-każ ta’ studenti u persuni li jagħmlu użu mill-concessionary card (li jinkludu tfal, persuni li għandhom Karta Anzjan, kif ukoll persuni li għandhom il-Blue Badge jew Special ID) dawn qed igawdu minn tariffi irħas meta mqabbel man-nollijiet preċedenti. Wieħed irid jinnota wkoll li fil-każ ta’ persuni bl-Special ID li dawn in-nollijiet bdew japplikaw mit-13 ta’ Ġunju ta’ din is-sena. Fil-każ ta’ studenti, dawn se jħallsu €55 għal 90 ġurnata minflok €60, filwaqt li persuni li jagħmlu użu mill-Concessionary Card se jibbenifikaw ukoll fuq it-tariffa ta’ sebat ijiem li titla’ sa massimu ta’ €2 ikkumparat man-noll preċedenti ta’ €2.30 għall-istess perjodu. Apparti minn dan kollu, bis-sistema preżenti, wieħed jista’ wkoll jivvjaġġa ġewwa Malta kif ukoll f’Ghawdex mingħajr il-ħtieġa ta’ biljett differenti. Tabella iktar dettaljata li tikkumpara n-nollijiet hekk kif mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.