Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għammieri — Farm Esperimentali - konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm konsulenti tekniċi li joperaw mill-Farm Esperimentali tal-Għammieri u f’liema oqsma qegħdin joperaw? X’inhi l-ispiża tas-salarji tagħhom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari fi ħdan id-Direttorat tal-Agrikoltura ma hemm l-ebda konsulent tekniku li jopera miċ-Ċentru ta’ Riċerka Agrikola Nazzjonali tal-Għammieri. L-unika konsulenza teknika li topera mill-Għammieri hi l- Farm Advisory Services Consortium , li hija entità li tħaddmet permezz ta’ esperti tekniċi u field workers imħallsin b’rati ta’ €13 u €8.50 fis-siegħa abbażi tas-sejħa ta’ espressjoni ta’ interess fiċ-ċirkolari tal-Gvern PAHRO 12/2011.

Farm Advisory Services Consortium

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm il-Gvern għandu ishma fil-Farm Advisory Services Consortium? X’inhu s-servizz li qed jingħata lill-bdiewa mill-FASC? Kemm-il site visit saret mit-twaqqif tal-FASC sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Sal-lum kemm ingħataw pariri mill-FASC? Kemm il-pjan ta’ fertilizazzjoni ġie komplut sal-lum? X’inhu l-ħlas mitlub lill-bdiewa għal dan is-servizz?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-Gvern għandu 25% sehem fil-Farm Advisory Services Consortium (FASC) skond ftehim iffirmat fl-2010. Il-FASC ġiet imwaqqfa taħt il-qafas tal-programm tal-iżvilupp rurali 2007-2013 sabiex tkun tista’ tagħti servizz ta’ parir tekniku lill-bdiewa u raħħala biex jilħqu r-rekwiżiti kollha li huma obbligatorji taħt ir-regolamenti Ewropej u nazzjonali tal-cross compliance, li huma mifruxa fuq lista ta’ 32 il-strument leġiżlattiv Ewropew u 44 strument leġiżlattiv domestiku. Il-FASC sal-lum wettqet site visits fuq l-oqsma ta’ 239 numru ta’ bdiewa, li kollha ngħataw il-parir assoċjat mal-attività tagħhom, inkluż 3279 ammont ta’ pjanijiet ta’ fertilizzazzjoni. Is-servizzi tal-FASC normalment jingħataw b’xejn lill-bdiewa permezz ta’ finanzjament issussidjat taħt miżuri tal-programm ta’ żvilupp rurali u skemi ta’ parir tekniku, iżda minħabba talbiet konsiderevoli wieħed ikun irid jistenna sakemm imissu. F’każijiet partikolari, il-klijent ikun dispost li jħallas sabiex isiru testijiet ta’ ħamrija minn laboratorju indipendenti sabiex iħaffef il-proċess. F’dawn il-każijiet jitħallsu €40 (mingħajr VAT) għal kull pjan ta’ fertilizzazzjoni li jinkludi t-test tal-ħamrija jew €18 (minghajr VAT) mingħajr test tal-ħamrija.

Bdiewa – tagħrif fuq il-pjan ta’ Azzjoni fuq in-Nitrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm bdiewa li ngħataw it-tagħrif neċessarju fuq il-pjan ta’ azzjoni fuq in-nitrati? Kif qed jiġi implimentat dan il-pjan?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari kien hemm madwar 1,300 bidwi li bbenefika mill-programm ta’ informazzjoni taħt il-Proġett tal-LIFE+. Liema proġett kien speċifikat dwar informazzjoni u tagħrif dwar l-użu tan-Nitrati skond il-proviżjonijiet tal-liġi nazzjonali fuq in-nitrati kif ukoll il-Pjan ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati li bħalissa qed jiġi implimentat. Dan il-pjan qed jiġi implimentat mid-Direttorat tal-Agrikoltura, (taħt id-Dipartiment tal-Iżvilupp Rurali) speċifikament mis-sezzjoni Regolatorja li tagħmel spezzjonijiet matul is-sena fir-raba’ u fuq l-irziezet, fejn il-persuni kkonċernati huma infurmati dwar l-obbligi relatati mal-liġi tan-nitrati kif ukoll jiġi spjegat kif f’każ ta ksur, dan irid jiġi rimedjat. Id-direttorat għandu ‘Standard Operating Procedure’ biex jiġu infurzati il-penalitajiet u jekk hemm bżonn il-passi legali meħtieġa biex b’hekk il-pajjiż ikun qed isegwi il-Pjan ta’ Azzjoni biex Malta tiġi konformi mad-Direttiva tan-nitrati 91/676/EEC. Mgħarraf ukoll li madwar 1,154 bidwi attendew korsijiet dwar l-użu tan-nitrati taħt miżura M111, liema miżura tiffoka fuq taħriġ ta’ nies f’dan is-settur flimkien mat-tqassim ta' tagħrif u informazzjoni relatata.

Dipartiment tal-Agrikoltura u Sajd — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm/ kien hemm ħaddiema mad-Dipartiment tal-Agrikoltura u s-Sajd, grad b’grad, fis-snin 2013, 2014 u 2015? Kemm iddaħħlu ħaddiema ġodda mad-Dipartiment tal-Agrikoltura u Sajd, sena b’sena mill-2013 sal-2015? Mil-liema lokalitajiet ġejjin?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni miġbura qed tiġi vverifikata mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, li qed jimpenja ruħu li jagħti l-informazzjoni korretta u t-tweġiba tingħata minnufih.

Birżebbuga – grawnd tal-futbol — xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-grawnd tal-futbol ta’ Birżebbuġa u meta hu pprogrammat li jitlesta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan ix-xogħol kien ilu żmien twil imwiegħed mill-amministrazzjoni preċedenti, tant li ninsab infurmat, li l-applikazzjoni għall-permess tal-MEPA kienet saret fl-2011. Fl-aħħar kwart tas-sena 2013 saret is-sejħa għall-offerti. Wara l-proċess ta’ evalwazzjoni ingħata l-kuntratt lill-kuntrattur f’nofs l-2014. Bħalissa il-proġett wasal fi stadju fejn ix-xogħol strutturali qabad ir-ritmu u dak fuq ic- changing rooms mistenni jitlesta sal-aħħar tas-sena. Il-proġett kollu mistenni jitlesta sal-aħħar ta’ Marzu li ġej.

Mixtla tal-Gvern ta’ San Vinċenz

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tnisslu siġar fil-mixtla tal-Gvern ta’ San Vinċenz fl-2013, 2014 u 2015? Kemm ġew impurtati xtieli fl-istess perjodu? Kemm kien il-bejgħ mill-istess mixtla fl-istess perjodu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Għammieri — Ċentru esperimentali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ esperimenti saru jew qegħdin isiru fiċ-Ċentru Esperimentali tal-Għammieri minn Marzu 2013 sal-lum?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Għammieri – art agrikola

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta’ art agrikola fl-Għammieri? Kemm hemm minnha li qiegħda tinħadem?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-ammont ta’ art agrikola li hemm fl-Għammieri tammonta għal 152,443m2 u li barra minn dawn hemm 2,200m2 art taħt serer. Ninfurmah ukoll li l-art kollha tinħadem.

Għammieri — annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm bovini, nagħġ, mogħoż, majjal, fniek, tjur u għasafar bħalissa fl-Għammieri?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari ġewwa l-Għammieri preżentement hemm bhejjem u tajr hekk kif murija fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Apiary — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’attività hemm fl-Apiary bħalissa? Kemm hemm ħaddiema assenjati?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-attività li hemm fl-Apiary bħalissa hija marbuta mal-produzzjoni tal-għasel. Bħalissa hemm persuna li tiddedika ħafna mill-ħin tagħha sabiex tassigura li n-naħal li hemm jinżamm f’saħħtu.

Żurrieq – Vjal l-Indipendenza – zebra crossing

Question

Jista’ l-Ministru jara li ssir zebra crossing fi Vjal l-Indipendenza kantuniera ma’ Triq il-Passju ż-Żurrieq peress li din it-triq hi perikoluża u traffikuża għal min jipprova jaqsam min-naħa għall-oħra tat-triq?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq li ser jiddiskuti t-talba fil-laqgħa li jmiss.

Ħal Kirkop – karozzi tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-karozzi tal-linja bin-numri 72,73 u 201 jibdew jagħddu wkoll minn Ħal Kirkop peress li n-nies li joqgħodu Ħal Kirkop mhux qed jirnexxilhom jirkbu fuq il-karozza tal-linja numru 71 peress li meta tgħaddi minn Ħal Kirkop tkun mimlija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa ppjanat li fuq in-network il-ġdid tat-trasport pubbliku, ir-rotta 72 ser tiġi modifikata sabiex isservi il-lokalita’ ta’ Ħal Kirkop minn Triq ir-Ramlija u Triq San Pietru. Ir-rotta 73 ser tiġi modifikata sabiex fit-traġitt tagħha tipprovdi servizz għaċ-ċentru ta’ Ħal Safi u Triq iż-Żebbiegħ/Triq il-Lewżiet ġewwa Ħal Kirkop. Ninforma ukoll lill-Onor. Interpellant li waqt id-diskors tiegħi tal-budget, poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra CD bl-informazzjoni kollha fuq ir-rotot il-ġodda kif ser jiġu implimentati fin-network il-ġdid.

Imqabba – water culverts u ġibjuni

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsiru l-water culverts kif ukoll ġibjun / ġibjuni tal-ilma neċessarji biex Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija, Triq il-Franka, Triq Mons. A. Caruana u t-toroq tal-madwar fl-Imqabba ma jkomplux jegħrqu kull meta tagħmel ftit xita, anke għall-fatt illi ż-żona msemmija hija kkunsidrata mill-Awtorità għall-Ambjent u l-Ippjanar bħala area prone to flooding?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt din it-talba tiegħu lill-Kunsill Lokali tal-Imqabba li nformawni kif ġej: “Meta infetħet il-By-Pass, Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija, fl-Imqabba, kien kostruwit ġibjun fl-aktar partijiet baxxi tal-Imqabba. L-i¿vilupp kien tali illi l-awtoritajiet baqgħu joħorġu l-permessi tal-bini anke fil-partijiet l-oħra tal-Imqabba aktar baxxi minn dan il-ġibjun. Mhux biss, iżda l-permessi bdew joħorġu biex anke jitħaffru basements ‘l isfel mil-livell tat-triq. Dan mill-ewwel xegħel bozza f’dak li hu ppjanar (jew aħjar nuqqas ta’ ppjanar) relatat ma’ housing u toroq. Infatti fir-Rapport għan-Nofsinhar ta’ Malta tal-MEPA, April, tal-2005, kien propost ġibjun addizzjonali indikat fuq is-site plan bħala ‘area prone to flooding’ u saret uffiċjalment il-proposta ta’ bini ta’ ġibjun addizzjonali biex jilqa’ għall-ilma tax-xita. Sorpri¿i għal fatt illi anke kif rappurtat fil-ħarġa tal-fuljett 35 ‘Kunsill Lokali Mqabba’ f’paġni numri 11 u 14, f’Ġunju tal-2005, meta sar xogħol ta’ bini ta’ toroq, mill-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, ewlenin fosthom Triq Ġanni Darmanin u Triq Xandru Farrugia li tmiss ma’ Triq Monsinjur Alfons Caruana, ma’ sar l-ebda’ culvert fit-toroq. Dak iż-żmien lanqas ma’ kien inbena xi ġibjun biex jilqa’ l-ilma tax-xita minn dawn it-toroq ġodda. Wieħed kien jimmaġina li toroq ġodda jkunu kkumplimentati minn storm water management sabiex dan l-ilma ma’ jitħalliex nie¿el fl-għelieqi u jifqa’ l-prodotti tar-raba – kif qed isir ma’ kull bexxa xita, għaliex il-ġibjun eżistenti illum il-ġurnata sar żgħir wisq, komparat mal-iżvilupp u l-bini li sar fl-Imqabba. Wieħed irid iqis li l-ilma tal-Imqabba kollu jinżel f’din iz-zona. Intant, il-Kunsill Lokali tal-Imqabba ma qagħadx b’idejh fuq ¿aqqu u applika mal-MEPA (PA3160/15) biex jinbena dan il-ġibjun kif u fejn propost mill-MEPA stess fl-2005. Propju l-ġimgħa li għaddiet kellna laqgħa fuq is-sit biex ikun relokat l-istess ġibjun mingħajr ma jintmessu l-ħitan tas-sejjiegħ fl-għelieqi. Persważi li għad fadlilna biex insolvu l-problema għaliex l-ewwel nett skont il-BOQ tal-Perit tal-Kunsill Lokali tal-Imqabba, l-ispiża tilħaq il-€1,098,440 u din hija madwar erba’ darbiet u nofs l-allokazzjoni annwali finanzjarja tal-Kunsill Lokali tal-Imqabba u aktar minn hekk, xorta jibqa’ problema bl-overflow tal-istess ġibjun; mhux se titfgħu fl-għelieqi iżda jrid jmur lejn lokalita’ aktar fil-baxx mill-Imqabba – iż-Żurrieq.” Il-Kunsill tenna li qed jagħmel pressjoni “sabiex ikunu vvutati fondi biex jinbeda’ l-proġett possibilment bil-prospetti li jkunu ittappjati fondi mill-Unjoni Ewropeja, biex l-istess ilma miġbur ikun jista’ jiġi utilizzat mill-bdiewa tagħna. B’hekk mhux biss insolvu l-problema tal-ilma jiġri fit-toroq iżda wkoll intaffu mill-problema li għandu l-pajjiż ta’ nuqqas ta’ ilma.”

Imqabba – water culverts u ġibjuni

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsiru l-water culverts kif ukoll ġibjun / ġibjuni tal-ilma neċessarji biex Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija, Triq il-Franka, Triq Mons. A. Caruana u t-toroq tal-madwar fl-Imqabba ma jkomplux jegħrqu kull meta tagħmel ftit xita, anke għall-fatt illi ż-żona msemmija hija kkunsidrata mill-Awtorità għall-Ambjent u l-Ippjanar bħala area prone to flooding?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab informat li dan is-suġġeriment ser jiġi nvestigat.

Ħal Kirkop – karozza tal-linja bin-numru 71

Question

Jista’ l-Ministru jara li fil-ħinijiet ta’ filgħodu l-karozza tal-linja bin-numru 71 tibda titlaq kull 10 minuti minflok kull 20 minuta peress li qegħda tkun mimlija x’ħin tgħaddi minn Ħal Kirkop?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-preżent, sas-seba ta’ filgħodu, il-frekwenza fuq ir-rotot 71 u 73 hija ta’ kull nofs siegħa. Fuq in-network il-ġdid tat-trasport pubbliku, l-frekwenza fuq dawn iż-żewġ rotot ser tiżdied għal kull għoxrin minuta mill-ewwel vjaġġ ta’ filgħodu u mhux kif jiġri illum li l-frekwenza tiżdied wara is-sebgħa ta’ filgħodu. Fuq in-network il-ġdid ir-rotta 73 ser tkun qed tiġi modifikata sabiex fit-traġitt tagħha tipprovdi wkoll servizz fiċ-ċentru ta’ Ħal Safi u Triq iż-Żebbiegħ/Triq il-Lewżiet ġewwa Ħal Kirkop. Barra minhekk, ser tiżdied rotta ġdida bin-numru 74 li ser tkun qed tgħaqqad il-lokalitajiet taż-Żurrieq, il-Qrendi, l-Imqabba u Ħal Farruġ mal-Belt Valletta. Il-frekwenza ta’ din ir-rotta sas-sebgħa u nofs ta’ filgħodu ser tkun ta’ kull nofs siegħa, filwaqt li wara il-frekwenza taqleb għal kull siegħa. Ninforma ukoll lill-Onor. Interpellant li waqt id-diskors tiegħi tal-budget, poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra CD bl-informazzjoni kollha fuq ir-rotot il-ġodda kif ser jiġu implimentati fin-network il-ġdid.

Karozza tal-linja numru 71 – bdil fil-ħinijiet

Question

Jista’ l-Ministru jara li fil-Ħdud, l-ewwel karozza tal-linja bin-numru 71 tibda titlaq fil-5:30am minflok fil-5:50am peress li min ikun se jibda x-xogħol fis-6.00am mhux qed jilħaq jasal għax-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi huwa ppjanat li fin -network il-ġdid tat-trasport pubbliku, fil-Ħdud, l-ewwel karozza tal-linja fuq ir-rotta 71 tibda titlaq qabel il-5:30 ta’ filgħodu. Ninforma ukoll lill-Onor. Interpellant li waqt id-diskors tiegħi tal-budget, poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra CD bl-informazzjoni kollha fuq ir-rotot il-ġodda kif ser jiġu implimentati fin-network il-ġdid.

Pitkalija — kaxxi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid in-numru ta’ kaxxi fil-pitkalija u kemm minnhom inxtraw ġodda għax kienu mkissrin, sena b’sena mill-2012, 2013, 2014 u bejn Jannar u Settembru 2015?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari n-numru ta’ kaxxi li nxtraw għas-snin 2012, 2013 u 2014 huwa ta’ 8,000, 11,808, u 19,192 kaxxa rispettivament. Bejn il-perjodu Jannar – Settembru 2015 inxtraw 22,000 kaxxa oħra.

Pitkalija — bejgħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm sar bejgħ mill-Pitkalija, sena b’sena fl-2011, 2012, 2013, 2014 u fl-ewwel disa’ xhur tal-2015?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Ħal Safi – Triq in-Nassaba — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitlestew ix-xogħlijiet fuq Triq in-Nassaba f’Ħal Safi peress x-xogħol ilu li beda fuq tliet snin u f’dawn l-aħħar sentejn u nofs ma sar l-ebda progress ta’ xogħol bir-riżultat illi r-residenti ta’ din it-triq qegħdin ibatu inkonvenjent kbir?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta m’għandha l-ebda xogħlijiet għaddejjin f’din it-triq.