Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Safi – Triq il-Kaċċaturi — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitlestew ix-xogħlijiet fuq Triq il-Kaċċaturi f'Ħal Safi peress illi x-xogħol ilu li beda fuq tliet snin u f'dawn l-aħħar sentejn u nofs ma sar l-ebda progress ta' xogħol bir-riżultat illi r-residenti ta' din it-triq qegħdin ibatu inkonvenjenti kbar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ir-rekords ta’ Transport Malta ma hemm l-ebda permessi għal xogħlijiet kbar f’din it-triq. Il-permessi li kien hemm fuq din it-triq huma ta’ xogħlijiet żgħar tal-Korporazzjoni tal-Ilma.

Siġar tad-dwieli – ġbir ta’ għeneb

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn siġar tad-dwieli f’Malta u Għawdex u kemm jinġabar għeneb minnhom kull sena, lokalità b’lokalità?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari.

Għammieri — serer

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm serer fl-Għammieri u x’jitkabbar fihom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari ninsab infurmat li fl-Għammieri hemm totali ta’ 8 serer li waħda minnhom hija kklassifikata bħala ‘shading house’. Fihom jitkabbru fjuri, pjanti endemiċi inkluż ħwawar u ħxejjex varji bi prova. Serra minnhom tintuża biex isiru wirjiet u diskussjonijiet fuq l-agrikoltura lill-istudenti minn diversi skejjel u gruppi ta’ studenti barranin li minn żmien għal żmien iżuru l-Għammieri.

Għammieri – tkabbir ta’ qamħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jitkabbar qamħ fl-Għammieri kull sena minn Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u x’qed isiru minnu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, fl-Għammieri kull sena jitkabbar il-qamħ bħala mgħalef għal konsum mill-bhejjem (baqar, mogħoż u nagħaġ) li jinżammu fl-Għammieri stess. Ta’ kull sena l- produzzjoni annwali titla ghal madwar 4,000 balal miż-żgħar jew madwar 80,000kg.

Għammieri — Prodotti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi prodotti jitkabbru l-Għammieri?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari ninsab infurmat li fl-Għammieri jitkabbru diversi prodotti fosthom dwieli, mgħalef, żebbuġ, bajtar tax-xewk, basal, qaqoċċ, pastard, tadam, bettieħ, ġdur, kurrat, qarabagħli, ful, lewż u qoton.

MCAST – Studenti – taħriġ fl-Għammieri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm studenti tal-MCAST li qed jagħmlu t-taħriġ tagħhom l-Għammieri u fuq liema setturi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari ninsab infurmat li preżentament m’hemm l-ebda studenti tal-MCAST li qed jagħmlu it-taħriġ tagħhom mad-Dipartiment tal-Agrikoltura, fl-Għammieri. Min-naħa l-oħra jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-Istitut tal-MCAST li hemm fil-kumpless tal-Għammieri allura nitolbu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Skema tad-Dilettanti tal-Ġardinaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li terġa’ titwaqqaf l-iskema tad-dilettanti tal-ġardinaġġ li ntemmet sentejn ilu fuq art mhux użata fl-Għammieri?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari ninsab infurmat li m’hemmx ħsieb li terġa’ titwaqqaf l-iskema tad-dilettanti tal-ġardinaġġ fl-Għammieri. Ninsab infurmat ukoll fl-Għammieri l-art tintuża kollha.

Bdiewa reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma ċ-ċifri ta’ bdiewa reġistrati bil-lokal, settur, sess, u età f’Malta u f’Għawdex separatament?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari n-numru ta’ bdiewa reġistrati mal-Aġenzija ARPA (Agriculture and Rural Payments Agency) fi ħdan dan il-Ministeru, huwa kif jidher fit-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninfurmah ukoll li ma tinżammx informazzjoni dwar is-settur u l-età ta’ dawn il-bdiewa.

Festi tal-prodotti Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid humiex se jerġgħu jibdew jiġu organizzati festi tal-prodotti Maltin bħal pereżempju tal-ħalib, tal-majjal, tal-ħaxix, tal-frott, tal-għasel eċċ. biex il-prodotti Maltin ikollhom l-exposure neċessarju?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-festi ta’ prodotti Maltin diġà qed jiġu organizzati f’diversi rħula madwar Malta u Għawdex. Din is-sena organizzajna u anki assistejna diversi għaqdiet u attivitajiet fosthom: Festa Ħut fiż-Żurrieq, Festa Frawli fl-Mġarr, Casal Fornaro f’Ħal-Qormi, Festa Rkotta f’Ħal Kirkop, Festa tal-Għeneb fis-Siġġiewi, Ħidma Agrarja u Tradizzjonijiet f’Ħad-Dingli u Żejt iż-Żejtun fiż-Żejtun. Dawn apparti l-Imnarja li hija l-festa prinċipali tal-prodotti u l-bdiewa Maltin. Hawnhekk jieħdu sehem bdiewa minn kull parti tal-gżejjer tagħna.

Għammieri – bajtar tax-xewk — esperiment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għadhomx isiru esperimenti fuq il-varjetajiet tal-bajtar tax-xewk li kienu jsiru fl-Għammieri?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari qatt ma kienu jsiru esperimenti fuq is-siġar tal-bajtar tax-xewk. Li kien sar hu li tħawlu diversi varjetajiet ta’ bajtar tax-xewk u nbniet kollezzjoni ta’ dawn il-varjetajiet, kollezzjoni li għadha eżistenti

Baqar, Ngħaġ u Mogħoż – produzzjoni ta’ ħalib

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie prodott ħalib mill-baqar, ngħaġ u mogħoż kuljum f’dawn l-aħħar ħames snin, sena b’sena? Għal xiex qed jintuża dan il-prodott?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari d-Direttorat tal-Agrikoltura jżomm biss informazzjoni fuq bażi annwali tal-produzzjoni tal-ħalib tal-baqar skond kif muri fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, hekk kif ikkomunikata mill-MDP (Malta Dairy Products). Rigward produzzjoni tal-ħalib ta’ nagħġ u mogħoż din l-informazzjoni ma tinżammx mill-Ministeru tiegħi. Għall-aħħar parti tal-mistoqsija, id-Direttorat tal-Agrikoltura ma jżommx tali informazzjoni peress li din hija materja ta’ natura kummerċjali.

Għammieri – Siġar taż-żebbuġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm siġar taż-żebbuġ fl-Għammieri? X’qed isir mill-prodott?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari fl-Għammieri hemm total ta’ 257 siġra taż-żebbuġ li jitkabbru b’mod organiku. Iż-żebbuġ li jinqata’ jintgħasar, jiġi ibbottiljat fi fliexken u jinbiegħ lill-pubbliku mill-Għammieri.

Dipartiment tal-Agrikoltura u Sajd — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tqabbdu konsulenti mad-Dipartiment tal-Agrikoltura u Sajd? Min huma? F’liema oqsma u x’inhu l-ħlas annwali mogħti lilhom inkluż perkaċċi u allowances oħra?

Response (BRINCAT, LEO)

Nittama li l-Onor. Interpellant huwa konxju li d-Dipartiment tal-Agrikoltura u Sajd illum il-ġurnata ilu għal xi żmien jopera bħala żewġ Dipartimenti partikolari, wieħed għall-Agrikoltura u l-ieħor għas-Sajd. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal-liema perjodu jixtieq it-tweġiba u jekk hux minn xi dipartiment minn dawn it-tnejn partikolari.

Għajnuna fuq ħsarat tal-uċuh tar-raba’ minħabba maltemp

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li terġa’ tibda’ tingħata għajnuna fuq ħsarat minħabba maltemp fuq uċuh tar-raba’, mogħdijiet tal-bdiewa u tiswija fuq ħitan tas-sejjieħ?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 12276.

Proġett tal-Infrastruttura għall-ilma tat-tisfija tad-drenaġġ — ħlas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-infrastruttura għall-ilma tat-tisfija tad-drenaġġ? Il-bdiewa se jindew jintalbu ħlas għal użu ta’ dan l-ilma?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Programm Leader Plus – komunitajiet tal-bdiewa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-komunitajiet tal-bdiewa li bbenefikaw mill-programm Leader Plus?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari l-iskop tal-Programm Leader Plus huwa li jkompli l-iżvilupp f’Żoni Rurali billi jgħin lill-għaqdiet mhux governattivi, Kunsilli Lokali u anke bdiewa sabiex itejbu u jkattru l-iżvilupp fiż-żona tagħhom permezz ta’ diversi attivitajiet. Sabiex imexxu dan il-Programm ġew magħżula tlett Gruppi Azzjoni Lokali – Majjistral, Xlokk u Għawdex – li jkopru iż-żoni Rurali kollha ta’ Malta, dan wara sejħa pubblika li kienet ħarġet fl-20 ta’ Frar sad-9 ta’ Mejju 2009. L-applikazzjonijiet għall-għajnuna ġew mingħand dawn it-tliet gruppi.

Farmers’ markets

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm infetħu Farmers’ Market minn Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u fejn?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari minn Marzu 2013 sal-lum infetaħ ‘Farmers Market’ wieħed, li huwa dak tal-Birgu. Dan infetaħ f’Awissu 2013.

Direttorat tal-Agrikoltura — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-karigi u s-snajja nkluż in-numru, settur settur, li jeżistu bħalissa fid-Direttorat tal-Agrikoltura? Kemm minn dawn il-karigi għandhom edukazzjoni terzjarja?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, fid-Direttorat tal-Agrikoltura, hemm gradi li joħorġu mill-klassi tal-general service (8 uffiċjali), mill-klassi tal-ħaddiema industrijali u superviżuri (34 uffiċjal), mill-klassi tal-Agrikoltura (12 -il uffiċjal), mill-klassi Xjentifika (uffiċjal wieħed) u mill-klassi tal-gradi tekniċi (uffiċjal wieħed). Hemm ukoll 6 uffiċjali li huma ngaġġati f’pożizzjoni għall-perjodu ta’ żmien definit u 2 uffiċjali li jagħmlu xogħol ta’ messaġġiera. Fil-klassi tal-ħaddiema industrijali u superviżuri u fil-klassi teknika s-snajja tal-ħaddiema jinkludu l-bini tal-ħitan tas-sejjiegħ, il-biedja, il-ġardinaġġ u kif ukoll is-snajja ta’ mastrudaxxa, ta’ fitter tal-vetturi, ta’ plumber u ta’ plasterer and painter . Hemm ukoll Heavy Plant Driver. Minn fost il-gradi msemmija, dawk li joħorġu mill-klassi tal-Agrikoltura, fejn l- entry grade hija ta’ Agricultural Officer, jeħtieġu edukazzjoni terzjarja fil-livell 5 jew 6 tal-MQF. Dan jgħodd ukoll għall-grad ta’ Scientific Officer li huwa l- entry grade fil-klassi Xjentifika; f’dan il-każ il-kwalifika meħtieġa hija f’livell 6 tal-MQF. F’dak li jirrigwardja l-gradi tal- general service u b’mod ġenerali l-ingaġġ f’pożizzjonijiet fuq kuntratt definit, id-dħul isir bi kwalifika terzjarja (f’livelli 5, 6 jew 7 skond kif japplika) u / jew bi snin ta’ servizz jew esperjenza relevanti.