B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17261, jista’ l-Ministru jgħid kull triq rurali li sarilha wiċċ ġdid, kemm swiet flus u jagħti dan separatament?? X'tip ta' wiċċ sar f'kull triq, konkos, asfalt jew xi materjal ieħor? Kemm intefqu flus f'materjal (bħal konkos, torba, asfalt, eċċ.), għal kull triq separatament, bl-ispiża għal kull materjal li ġie użat, mogħtija separatament? Liema procurement method ġie addottat biex sar ix-xogħol fuq kull triq mogħti separatament?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat illi x-xogħolijiet imsemmija qed isiru wara sejħa pubblika skont ir-regolamenti tal-procurement. L-Onor.Interpellant jifhem li ġa ladarba dan il-proġett għadu fi stadju ta’ implimentazzjoni u x-xogħol għadu għaddej, din l-informazzjoni mitluba mhux disponibli.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17261, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk għal kull triq rurali li sar ix-xogħol fiha, saritx applikazjoni lill-MEPA qabel ma beda x-xogħol? Jekk fl-affermattiv, x'tip ta' applikazzjoni saret u x'inhu n-numru tal-permess għal kull triq? Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess tal-MEPA għal kull triq?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill Ministru kkonċernat.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17261, jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta li tindika kull triq rurali jew parti minn triq rurali li sar ix-xogħol fiha u min hu l-propjetarju tagħha?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Peress li x-xogħol fuq dawn it-toroq rurali sar minn Transport Malta, nitlob lill-Onorevoli Membru jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 17980, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta’ tender sabiex jingħata servizz ta’ konsulenza relatat mal-istudju u konservazzjoni sostenibbli ta’ varjetajiet lokali ta’ pjanti? Jekk dan it-tender ingħata, minn ħa dan it-tender u x'esperjenza għandu f'dan is-settur?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, it-tender sabiex jingħata servizz ta’ konsulenza relatat mal-istudju u konservazzjoni sostenibbli ta’ varjetajiet lokali ta’ pjanti issa jinsab fi stadju ta’ ċċekkjar, skrutinju u approvazzjoni sabiex ikun jista’ jinħareġ it-tender, fil-ġimgħat li ġejjin, u sabiex jiġu identifikati l-esperti meħtieġa għal dan l-istudju.
Għaqda Bdiewa Produtturi tat-Tadam Maltin u Għawdxin
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li waqt il-Laqgħat Ġenerali tal-Għaqda Bdiewa Produtturi tat-Tadam Maltin u tal-Għaqda Għawdxija Produtturi tat-Tadam, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Agrikoltura u Sajd kien iddikjara li għall-2015, is-sussidju kien ser ikun marbut ma’ kull kilo tadam u dan is-sussidju ma kellux ikun inqas minn €0.10 kull kilo? Jekk fl-affermattiv, x’inhi r-raġuni li l-ftehim finali dwar is-sussidju li ser jingħataw il-bdiewa għall-2015 jgħid illi s-sussidju hu marbut ma kemm tipproduċi tadam tomna raba’? X'wassal biex finalment is-sussidju mhux ser jinħadem kif kien indikat lilhom mis-Segretarju Parlamentari waqt il-Laqgħat Ġenerali Annwali li għalihom kienu preżenti diversi bdiewa?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lilli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari ta’ min ifakkar illi l-mod kif ikun ikkalkulat is-sussidju huwa marbut f’qafas regolatorju speċifiku tal-UE. Forsi l-Onorevoli Interpellant nesa illi s-sussidju dirett fuq it-tadam għall-ipproċessar spiċċa hekk kif spiċċa il-programm SSMPMA fl-aħħar tas-sena tal-2014 fejn permezz ta’ din l-iskema l-aħħar sena li tħallset kienet fil-fatt l-2014 fejn it-tadam tħallas bir-rata ta’ €0.09 kull kilo. Mis-sena 2015 ‘l quddiem il-Gvern ħa ħsieb biex ikun jista’ jgħin lil dan is-settur permezz ta’ skema speċifika msejħa Għajnuna Akkoppjata Volontarja u dan taħt is-sistema ta’ għajnuniet diretti fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni l-ġdida. L-għajnuna taħt din l-iskema għandha tkun f'forma ta ' pagament annwali b’allokazzjoni ta’ €900,000 li għandu jitqassam fil-limiti kwantitattivi stabbiliti u bbażati fuq l-għelieqi speċifiċi u l-produzzjoni, hekk imsejħa yield. Dan għaliex il-ħlas huwa bbażat fuq produzzjoni li hu kkalkulat fuq l-għelieqi kkultivati mill-bidwi għat-tadam għall-ipproċessar kif marbut mal-kuntratt li l-bidwi jkun iffirmat mal-PO/ Kooperattiva fis-settur. Dan il-metodu ta’ pagament hu stabbilit mir-regoli tal-Unjoni Ewropea, u meta wieħed jagħmel estimi bbażati fuq il-massimi totali prodotti f’dawn l-aħħar snin, jinduna li r-rata medja ta’ ħlas kull kilo għandha tkun ogħla minn dawk preċedenti. Il-figura msemmija mill-Onorevoli Interpellant għandha tittieħed f’dan il-kuntest globali u mhux kif qed jalludi hu. Il-punt jibqa’ li l-Gvern sab mezz kif jibqa’ jgħin lill-bdiewa u ma nafx għaliex l-Onorevoli Interpellant donnu jrid jagħmel ballun politiku anke minn din il-ħaġa.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra u jgħid x'inhi l-proċedura li tintuża mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, meta jiġu biex jagħżlu l-post minn fejn ikun fornut il-fuel lill-vetturi li jintużaw minn dawn id-dipartimenti? Minn fejn, xahar b'xahar, inxtara l-fuel mill-1 ta' April 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab nfurmat li minkejja li regolamenti governattivi jippermettu li d-dipartimenti jixtru fuel mill-pompi tal-petrol ta’ l-għazla tagħhom u li huma l-aktar viċin id-dipartiment, il-Ministeru għal Għawdex jixtri l-fuel fuq bażi ta’ rotazzjoni minn pompi tal-petrol varji f’Għawdex.
Qed npoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi minn fejn nxtara l-fuel fil-perijodu msemmi.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra u jgħid x'inhi l-proċedura li tintuża, mis-sezzjoni tal-Enemalta f'Għawdex, meta jiġu biex jagħżlu l-post minn fejn ikun fornut il-fuel lill-vetturi li jintużaw minn din is-sezzjoni? Minn fejn, xahar b'xahar, inxtara l-fuel mill-1 ta' April 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li l-informazzjoni mitluba għandha valur kummerċjali għal Enemalta plc. L-iżvelar tat-tagħrif mitlub jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess kumpanija.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra u jgħid x'inhi l-proċedura li tintuża, mis-sezzjoni ta' Transport Malta f'Għawdex, meta jiġu biex jagħżlu l-post min fejn ikun fornut il-fuel lill-vetturi li jintużaw minn din is-sezzjoni? Minn fejn, xahar b'xahar, inxtara l-fuel mill-1 ta' April 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta m’għandha l-ebda proċedura li tistabilixxi liema petrol station għandha tintuża anki minħabba li m’hemm l-ebda varjazzjoni fil-prezzijiet bejn petrol station u oħra.
Minn April 2013 sa Novembru 2014 il-fuel kien jiġi fornut minn Azzopardi Enterprises Ltd. Wara dan iż-żmien, Transport Malta ntroduċiet l-użu ta’ fuel buttons u minħabba li din il-petrol station ma kinitx toffri din il-faċilità, intagħżlet petrol station oħra li hi JF Attard Service Station.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17261, jista’ l-Ministru jgħid liema kriterji ntużaw biex intgħażlu dawn it-toroq rurali biex isir ix-xogħol fihom? Min issuġġerixxa li jsiru dawn it-toroq rurali fil-lista mogħtija fil-mistoqsija parlamentari hawn fuq imsemmija? Jista’ jgħid kemm hemm bdiewa full-timers u part-timers, għal kull triq separatament, li ser igawdu jew gawdew mix-xogħol li sar jew ser isir f'dawn it-toroq rurali?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat illi l-kriterji li ntużaw huma :
- Id-daqs tal-komunitajiet rurali
- Il-kundizzjoni tat-triq
- Il-valur tax-xogħol skont l-istima.
Infurmat ukoll li l-lista mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra bħala parti mit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 17261 hija iffinalizzata skont il-kriterji msemmija. Kien hemm konsultazzjoni mal-kunsilli lokali fit-territorji rurali u mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, fost entitajiet oħrajn.
L-Onor. Interpellant jifhem li peress li dawn l-interventi saru f’żoni rurali u bejn l-għelieqi, hemm numru kbir ta’ bdiewa u raħħala li qed jibbenefikaw minn dawn l-interventi.
Jista’ l-Ministru jikkunsidra li jsiru CCTV cameras fit-tul tal-Promenade ta' Triq Wied iż-Żurrieq, Żurrieq/Qrendi biex il-vandaliżmu fuq din il-Promenade jonqos?
Response (MIZZI, JOE)
Ser nitlob lid -Diparment konċernat jikkunsidra s-suġġeriment tal-Onorevoli Interpellant .
Jista’ l-Ministru jikkunsidra li jsiru CCTV cameras fit-tul tal-Promenade ta' Triq Wied iż-Żurrieq, Żurrieq/Qrendi biex il-vandaliżmu fuq din il-Promenade jonqos?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat mill-Kunsilli Lokali tal-Qrendi u taż-Żurrieq li ser jiddiskuti t-talba fil-laqgħa li jmiss.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hawnx baqar morda bil-mard tal-brucellosis jew TB f'Malta u Għawdex? Jekk fl-affermattiv, kemm hu n-numru ta' baqar li huma milquta minn dan il-mard f'Malta u f'Għawdex separatament? X'passi qed jieħu l-Gvern u kif qed jiġu megħjuna r-raħħala biex, jekk hawn xi baqar milquta minn dan il-mard, dawn jiġu kkontrollati u konsegwentament eliminati kompletament?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari f’Malta u f’Għawdex ma hawnx baqar morda bil-mard tal-brucellosis jew TB.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il scholarship ingħata mis-CIHEAM lill-istudenti/professjonisti Maltin u Għawdxin, sena b'sena, mill-2005 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mis-Segretarju Parlamentari li l-mistoqsija tiegħu ma tistgħax titwieġeb mill-Gvern minħabba li tikkonċerna informazzjoni li tirrigwarda korsijiet li jidħlu għalihom ċittadini privati ma’ istituti privati.
Ninsab infurmat ukoll dawk li japplikaw u jirċievu
scholarships
jagħmlu hekk direttament mal-istituti kkonċernati, bla ħtieġa li jgħaddu minn ebda proċess tal-Gvern Malti. Għaldaqstant l-informazzjoni mitluba ma hix f’kompetenza ta’ dan il-Ministeru.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17980, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess li jistabbilixxi inventarju ta’ siġar biex ikun f’pożizzjoni li jevalwa aħjar is-sitwazzjoni u l-istat ta’ siġar f’riskju ta’ estinzjoni?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti qiegħed preżentament fi stadju ta’ ttestjar u familjarizzazzjoni ta’ din is-sistema ġdida tal-informatika li saret referenza għaliha fit-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 17980. Din l-istess sistema għandha tkun kompletament funzjonabbli sal-aħħar ta’ Novembru u dan il-Ministeru ħa jkun qed javża meta u fejn ser issir ir-reġistrazzjoni biex jibda jiġi stabbilit l-inventarju ta’ siġar tat-tin u eventwalment ta’ varjetajiet ta’ siġar oħrajn.
Peress illi fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17980 saret referenza għall-proġett dwar konservazzjoni ta’ siġar, jista’ l-Ministru jgħid fid-dettal fiex jikkonsisti dan il-proġett?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, fl-2013 id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti ffirma ftehim għall-implimentazzjoni tal-proġett bl-isem “Studju u l-Konservazzjoni Sostenibbli ta’ Varjetajiet ta’ Pjanti Lokali”, li ġie ffinanzjat taħt il-Pjan ta’ żvilupp Rurali għal Malta 2007-2013, permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, b’valur ta’ madwar 2.2 Miljun Ewro. L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jnaqqas milli ssir iktar degradazzjoni u jippromwovi wkoll bosta landraces ta’ varjetajiet ikkultivati u selvaġġi ta' numru ta' pjanti li huma magħrufa li jkunu ġew ġenetikament imdgħajfa kif ukoll huma f’riskju ta’ estinzjoni.
Ninsab infurmat li s-sit ta’ madwar 4,000 metru kwadru li jifforma parti mid-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti, f’Tal-Kmand bejn Ħal Lija u Ħ’Attard ġie konvertit fi ġnien botaniku, maqsum f’abitats tipiċi Maltin iddedikati għall-konservazzjoni ta’ pjanti ex-situ. Fil-post inbena wkoll
media centre
kif ukoll faċilitajiet edukattivi bil-għan li jservi bħala katalista għal aktar studji xjentifiċi dwar is-suġġett u jkun ukoll portal ta’ informazzjoni dwar il-proġett. Iċ-ċentru ser jintuża wkoll biex jiġu organizzati żjarat għall-istudenti ta’ kull età biex tinħoloq kuxjenza u tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-Pjanti Maltin.
Ninsab infurmat ukoll li l-kumpless jinkludi laboratorju ddedikat għall-kwalità taż-żerriegħa u laboratorji dijanjostiċi tal-pjanti, li jippermettu l-identifikazzjoni ta’ pesti u mard li jagħmel ħsara lill-pjanti lokali. Inkluża fil-proġett kienet l-għażla klonali u s-sanità ta’ varjetajiet lokali ta’ speċi taċ-ċitru sabiex tittejjeb l-identifikazzjoni u l-protezzjoni ta’ dawn l-ispeċi. Għażla ta’ speċi taċ-ċitru ġew ivvalutati għall-istat tas-saħħa tagħhom u ġew prodotti siġar li huma ħielsa mill-
viruses
għal skopijiet ta’ konservazzjoni. Il-proġett jinvolvi wkoll ħolqien ta’ sistema informatika sabiex jiġi stabbilit inventarju ta’ riżorsi ġenetiċi tal-pjanti Maltin.
Xagħra Għawdex- Triq Ġnien Imrik – storm water culvert
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jibdew ix-xogħlijiet ta' kostruzzjoni għall-Storm Water Culvert fi Triq Ġnien Imrik, Xagħra skont it-tender numru MG75/2012 li ngħata lura f'Marzu tal-2012?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li x-xogħol ser jibda fil-futur qarib.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tinfetaħ l-iskola medja tal-Kulleġġ San Benedittu f'Ħal Kirkop? F' każ li ma tiftaħx għall-istudenti , fejn ser ikunu qed imorru skola dawk li llum jinsabu fis-Sitt Sena fl-istess Kulleġġ f'Settembru li ġej?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li huwa ppjanat li l-iskola l-ġdida fi ħdan il-Kulleġġ San Benedittu f'Ħal Kirkop tilqa' l-ewwel studenti tagħha f'Settembru 2016.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu illi biex sajjieda jagħmlu l-Kors tal-Kaptani qegħdin jintalbu jħallsu €115 kull persuna? X'inhi r-raġuni li l-Gvern, bħal Gvern preċedenti, ma jagħmilx tajjeb finanzjarjament biex isiru dawn it-tip ta' korsijiet, aktar u aktar meta f'dawn iż-żminijiet tas-sena, id-dħul għas-sajjieda jkun minimu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li l-kors li qed jirreferi għalih fil-fatt huwa dwar Basic Seamanship and Safe Boat handling. Dan huwa kors li jwassal biex tinkiseb il-liċenzja nawtika u huwa obbligatorju għal kull min isuq bastiment b’saħħa ta’ aktar minn 30HP, iżda min ma jkollux mhux suppost jitħalla jsuq il-bastiment.
Ninsab infurmat ukoll li sabiex ma jkollux għalfejn jinforza tali miżura d-Dipartiment tas-Sajd saħaq li min m’għandux dan il-kors, għandu jagħmlu malajr kemm jista’ jkun ħalli kulħadd ikollu l-kwalifiċi neċessarji. Peress li dan il-kors jingħata minn entitajiet privati approvati minn Transport Malta dan isir bi ħlas. Sadanittant jien infurmat ukoll li l-MCAST waslet fi ftehim mal-Koperattivi tas-Sajd sabiex jiġu organizzati sezzjonijiet apposta għas-sajjieda u bi prezz speċjali għalihom. Mgħarraf ukoll li meta rekwiżit ikun obbligatorju l-Gvern ma jkunx jista’ jagħmel tajjeb hu għaliex, taħt ir-regoli tal-UE, jikkostitwixxi għajnuna statali irregolari. Fil-fatt meta l-Gvern preċedenti għamel tajjeb għall-ispejjeż hu, dan kien fuq materji li ma kinux obbligatorji.
Fil-frattemp ninsab infurmat li ilhom għaddejjin taħdidiet bejn id-Dipartiment tas-Sajd u l-Koperattivi tas-Sajd, bl-involviment ta’ Transport Malta, sabiex jiġu identifikati korsijiet oħra li huma siewja għall-operat tas-sajjieda, iżda li mhux obbligatorji. Kif ikun hemm ftehim dwarhom id-Dipartiment ikun jista’ jmexxi u anke jiffinanzjahom, possibilment anke minn fondi Ewropej, u dan għaliex nemmnu bil-qawwa li t-taħriġ tas-sajjieda, speċjalment fejn jidħlu s-saħħa u s-sigurtà, għandu jingħata l-importanza mistħoqqa.
Riċentament diversi sajjieda li għandhom aktar minn bastiment wieħed irreġistrat f’isimhom taħt Kategorija A, irċevew ittra dwar il-valur minimu ta' qbid fejn ġew informati illi jekk ma jintlaħaqx l-ammont minimu skont Skeda III li tifforma parti mir-Regolamenti dwar il-Bastimenti tas-Sajd (LS 425.07), il-bastiment jista’ jitlef ir-reġistrazzjoni f'din il-kategorija professjonali u jitniżżel fil-kategorija rikreazzjonali (MFC). Jista’ l-Ministru jgħid jekk f'każ illi sajjied għandu aktar minn bastiment wieħed irreġistrat f'ismu f'Kategorija A u jirreġistra ammont ta' qbid fuq bastiment ieħor, li jaqbeż l-ammont totali ta' qbid minimu rikjesta mill-bastimenti kollha f'daqqa, hux ser jitlef xorta r-reġistrazzjoni f'din il-kategorija professjonali ta' xi bastiment jew ieħor reġistrati f'ismu?
Response (BRINCAT, LEO)
Skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, nixtieq infakkar lill-Onor. Interpellant li s-settur tas-sajd huwa regolat ħafna mill-UE u li Malta hija obbligata li regolarment tagħti rapporti lill-Kummissjoni sabiex turi s-sostenibbiltà tas-sajd tagħha u biex turi wkoll li s-sajd qed isir skont ir-regoli inkluż traċċabilità sħiħa u konsistenti tal-qabda tal-ħut inkluż mil-liema bastiment ikun ġej. Huwa fil-kwadru ta’ dan kollu illi l-Legislazzjoni Sussidjarja 425.07 dwar Regolamenti Dwar il-Bastimenti tas-Sajd, li ilhom jeżistu sa minn żmien il-Gvern preċedenti, tesiġi li sabiex bastiment iżomm l-kategorija tiegħu dan irid jirreġistra qabda ta’ ħut li ma tkunx inqas mill-minimu stabbilit. Jekk le allura l-bastiment jitlef il-kategorija.
Jista’ l-Ministru jgħid, sena b'sena, kemm-il bastiment tas-sajd irreġistrat f'Kategorija A tilfu r-reġistrazzjoni tagħhom f'din il-kategorija professjonali u tniżżlu fil-kategorija rikreazzjonali (MFC) f'dawn l-aħħar 5 snin peress illi l-valur minimu ta' qbid ma kienx jilħaq l-ammont minimu rikjest skont ir-Regolamenti dwar il-Bastimenti tas-Sajd (LS 425.07)?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari, in-numru ta’ bastimenti tas-sajd irreġistrati f'Kategorija MFA li tilfu r-reġistrazzjoni tagħhom f'din il-kategorija professjonali u tniżżlu fil-kategorija rikreazzjonali (MFC), f'dawn l-aħħar 5 snin, peress li l-valur minimu ta' qbid ma ntlaħaqx, huwa kif ġej:
Sena
Numru ta’ Bastimenti
2010
4
2011
2
2012
0
2013
0
2014
0