Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #22627 Sitting 350 2016-01-27 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Għawdex – Enemalta – fuel

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 21146, fejn fit-tweġiba tiegħu l-Ministru qal “li ġie nfurmat li l-informazzjoni mitluba għandha valur kummerċjali għall-Enemalta plc u ntqal ukoll li l-iżvelar tat-tagħrif mitlub jista' jippreġudika n-negozju tal-istess kumpanija”, jista' l-Ministru jgħid x'valur kummerċjali għandha l-informazzjoni dwar il-proċedura li tintuża mis-sezzjoni tal-Enemalta f'Għawdex meta jiġu biex jagħżlu l-post minn fejn ikun fornut il-fuel lill-vetturi u informazzjoni minn fejn inxtara l-fuel, xahar b'xahar? Jista' jgħid b'liema mod din l-informazzjoni tista' tippreġudika n-negozju tal-istess kumpanija? Jista' jagħti l-informazzjoni hekk kif mitluba fil-mistoqsija oriġinali?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ġejt infurmat mill-Kumpanija Enemalta plc li l-iżvelar ta’ tagħrif marbut mal-operat kummerċjali tal-istess kumpanija jista’ jippreġudika l-pożizzjoni kummerċjali u s-servizzi tal-istess entita’. It-tagħrif mitlub jinkludi wkoll dettalji dwar relazzjonijiet kummerċjali bejn Enemalta plc u entitajiet privati terzi. Enemalta mhijiex awtoriżżata tagħti dettalji dwar dwar it-tranżazzjonijiet.

Għawdex — Transport Malta – fuel

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 21147, jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament tistax tforni fuel bis-sistema ta' fuel buttons? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid meta ġiet stallata din is-sistema?

Response (MIZZI, JOE)

Nikkonferma li l-kumpanija msemmija tissuplixxi fuel bis-sistema ta’ fuel buttons. Mhux possibli li jingħad meta din ġiet installata minħabba li din hija kumpanija privata. Madanakollu din is-sistema kienet diġa qed topera meta Transport Malta bdiet tuża s-servizzi ta’ din il-kumpanija f’Diċembru 2015.

Sajjieda – bastimenti – saħħa tal-magni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk f'każ li sajjied jiġi biex jibdel il-magni tal-bastiment tiegħu, kemm dik tan-nofs u t-tnejn tal-ġnub, x'saħħa ta' magni ġodda jkun jista’ jarma?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li meta sid ta’ bastiment professjonali jkun irid ibiddel il-magna prinċipali, dik ġdida qatt ma tista’ tkun ta’ saħħa akbar minn ta’ dik irreġistrata. Fil-każ ta’ tibdil ta’ magni awżiljarji, is-saħħa konġunta tagħhom għandha tkun dejjem inqas mis-saħħa ta’ dik prinċipali. Dawn il-miżuri jittieħdu sabiex ma tiżdidx il-kapaċità tas-sajd tal-bastiment.

Toroq rurali – fondi ewropej

Question

B' referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17261 u konsegwentament għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21154, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta li tindika għal kull triq rurali jew parti minn triq rurali li sar ix-xogħol fiha jekk din hijiex art pubblika jew art privata?

Response (MIZZI, JOE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 21151, ninfurmah li t-toroq indikati huma kollha aċċess pubbliku.
Leg 12 PQ #22619 Sitting 349 2016-01-26 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Toroq rurali – fondi ewropej

Question

B' referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21153, jista’ l-Prim Ministru jgħid min hu responsabbli mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA)?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Kif inhu magħruf pubblikament u kif stqarr l-Onor Interpellant innifsu f’mistoqsija parlamentari oħra li ressaq iktar kmieni din l-gimgħa, l-Awtorita ta’Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, taqa taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Leg 12 PQ #22620 Sitting 349 2016-01-26 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — Żvilupp tal-Eko-Turiżmu – lista ta’ miżuri

Question

Jista' l-Ministru jelenka lista ta' miżuri u inizjattivi li għamel il-Ministeru tiegħu sabiex jikkumplimenta l-iżvilupp tal-Ekoturiżmu ġewwa pajjiżna minn April 2013 sa meta tiġi imwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid ukoll xi pjanijiet għandu għax-xhur li ġejjin?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi waħda mill-isfidi ewlenin li destinazzjonijiet bħal Malta jaffaċċjaw hija kif tiżdied, b'suċċess, id-domanda matul ix-xhur tax-xitwa. Hekk kif qed jirnexxielna niksbu suċċess fil-qasam turistiku anke f’dawn ix-xhur kajmana, f’diversi niċeċ, l-eko-turiżmu hija niċċa oħra illi hemm potenzjal kbir illi tikber. Permezz tal-Politika Nazzjonali għat-Turiżmu 2015-2020, dan il-Gvern hu kommess illi jara li bi ppjanar u nċentivi siewja u meħtieġa, issaħħaħ dan is-settur filwaqt li nindirizzaw l-istaġġjonalita’ b’mod sostenibbli. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant illi l-inizjattiva tal- ECO certification għal-lukandi, li hi organizzata mill-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu, ġiet mgħotija għarfien mill-Global Sustainable Tourism Council (GSTC) f’Awissu 2013. F’Diċembru ta’ dik is-sena, ġie organizzat ukoll seminar fejn ġew spjegati l-benefiċċji li hemm meta wieħed jidħol fil-GSTC. F’Ottubru 2013, nhedejna ECO certification għall-irziezet li joffru akkomodazzjoni u fl-2014 tajna ċ-ċertifikat lill-ewwel irziezet. Fl-2014 u l-2015 ġie organizzat taħriġ ta’ 4 sezzjonijiet dwar kif wieħed iwassal il-messaġġ ta’ sostenibilita’ lill-klijenti. Dan it-taħrig ġie organizzat għal-lukandi, irziezet u ristoranti. Il-kelliem f’dan it-taħriġ kien Dr Xavier Font minn Leeds Beckett University li huwa espert f’dan il-qasam. Fil-bidu tas-sena 2016 ħa jieħdu dan iċ-ċertifikat żewġ lukandi oħra.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — Żvilupp tal-Eko-Turiżmu – lista ta’ miżuri

Question

Jista' l-Ministru jelenka lista ta' miżuri u inizjattivi li għamel il-Ministeru tiegħu sabiex jikkumplimenta l-iżvilupp tal-Ekoturiżmu ġewwa pajjiżna minn April 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid ukoll xi pjanijiet għandu għax-xhur li ġejjin?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #22622 Sitting 349 2016-01-26 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Żvilupp tal-Eko-Turiżmu – lista ta’ miżuri

Question

Jista' l-Ministru jelenka lista ta' miżuri u inizjattivi li għamel il-Ministeru tiegħu sabiex jikkumplimenta l-iżvilupp tal-Ekoturiżmu ġewwa Għawdex minn April 2013 sa meta tiġi imwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid ukoll xi pjanijiet għandu għax-xhur li ġejjin?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bil-lista ta’miżuri u inizjattivi li l-Ministeru għal Għawdex ħa minn April 2013 sal-lum, kif ukoll il-pjanijiet għax-xhur li ġejjin f’dan il-qasam.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — Żvilupp tal-Eko-Turiżmu – lista ta’ miżuri

Question

Jista' l-Ministru jelenka lista ta' miżuri u inizjattivi li għamel il-Ministeru tiegħu fejn jikkonċerna trasport u infrastruttura sabiex jikkumplimenta l-iżvilupp tal-Ekoturiżmu ġewwa pajjiżna minn April 2013 sa meta tiġi imwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid ukoll xi pjanijiet għandu għax-xhur li ġejjin?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex ikun iktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.
Leg 12 PQ #22612 Sitting 348 2016-01-25 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Villa Francia — Attivitajiet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk is-Sinjura Muscat u hu, flimkien jew separatament, ġieli organizzaw riċevimenti jew attivitajiet oħra fid-dar uffiċjali tal-Gvern imsejjħa Villa Francia, f’Ħal Lija u jekk iva, jista’ l-Prim Ministru jagħti break down ta’ liema kienu dawn l-attivitajiet jew riċevimenti, meta saru, u kemm kienet l-ispiża biex saru f’kull każ?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.
Leg 12 PQ #22613 Sitting 348 2016-01-25 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Villa Francia – użu tal-proprjetà

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk hu u s-Sinjura Muscat jużawx id-dar li hi proprjetà tal-Gvern, magħrufa bħala Villa Francia, bħala residenza tagħhom?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tweġiba hija fin-negattiv.
Leg 12 PQ #22614 Sitting 348 2016-01-25 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Villa Francia – ħaddiema full-time u part-time

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm nies jaħdmu full-time jew part-time fid-dar li hi proprjeta tal-Gvern magħrufa bħala Villa Francia, f’Ħal Lija?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol f’Villa Francia u fil-Palazz tal-Girgenti jsir minn tim wieħed, li jikkonsisti f’impjegat wieħed full time u żewġ impjegati part time. Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li qabel Marzu 2013 ix-xogħol fuq iż-żewġ postijiet kien isir minn tlett impjegati full-time u żewġ impjegati part time.
Leg 12 PQ #22615 Sitting 348 2016-01-25 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Villa Francia – suldati full-time u part-time

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm suldati jaħdmu full-time jew part-time fid-dar proprjeta tal-Gvern magħrufa bħala Villa Francia, f’Ħal Lija?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pre¿enza ta’ membri tal-Forzi Armati f’Villa Francia huwa element li diġa kien jitħaddem f’legiżlaturi preċedenti. Illum f’Villa Francia hemm jaħdmu 3 suldati f’kull xift u suldat ieħor bil-ġurnata.
Leg 12 PQ #22616 Sitting 348 2016-01-25 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Villa Francia – żamma tal-proprjetà

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm intefqu flus fuq iż-żamma tad-dar proprjetà tal-Gvern magħrufa bħala Villa Francia, f’Ħal Lija bejn Marzu 2013 u Diċembru 2016?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ħal Safi – Triq il-Kuċċard — xogħlijiet

Question

Jista l-Ministru jghid meta se jitkomplew u konsegwentament jitlestew ix-xogħlijiet fi Triq il-Kuċċard, Ħal Safi, peress li x-xogħol ilu li beda fuq tliet snin u f'dawn l-aħħar sentejn u nofs ma sar l-ebda progress ta' xogħol bir-riżultat li r-residenti ta' din it-triq qegħdin ibatu inkonvenjenti kbar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi Triq il-Kuċċard, Ħal Safi, waqt li kienu għaddejjin xogħlijiet ta’ twessiegħ, instabu fdalijiet arkeoloġiċi. Din is-sejba wasslet għal tibdil fid-disinn tat-triq. Kif issemma’ fil-Budget, il-Gvern huwa mpenjat ukoll li jwessa’ Vjal ix-Xarolla fiż-Żurrieq li tmiss mal-imsemmija triq. Għaldaqstant, bħalissa qed isiru l-preparamenti neċessarji sabiex issir pjanta waħda għaż-żewg toroq. Din is-sena għandhom jiġu finalizzati dawn il-proċessi u jitkompla x-xogħol.

Toroq rurali – fondi ewropej

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17261, jista’ l-Ministru jgħid jekk qattx kien ikkonsultat qabel ma ntgħażlu dawn it-toroq rurali biex isir xogħol fihom peress illi l-Ministeru tiegħu hu responsabbli mill-bdiewa u r-raħħala li għandhom l-għelieqi u/jew irziezet tagħhom f'dawn it-tip ta' toroq? Jekk fl-affermattiv, kien il-Ministeru tiegħu li ta l-lista ta' toroq li kellu jsirilhom wiċċ lill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura?

Response (BRINCAT, LEO)

Skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, infakkar lill-Onor. Interpellant li t-toroq mhumiex responsabbiltà ta’ dan il-Ministeru u allura teknikament ma jkunx hemm il-ħtiega li nkunu kkonsultati dwar liema toroq jissewwew l-ewwel għaliex fuq mertu bħal dan isiru kunsiderazzjonijiet tekniċi minn min għandu l-kompetenza sabiex jagħmel dan. Iżda l-Onor. Interpellant jagħmel tajjeb jekk jirreferi għat-twegiba li ngħatat mill-Onor. Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura għall-Mistoqsija Parlamentari numru 21148 fejn ingħatat l-informazzjoni kollha relevanti.

Toroq rurali – fondi ewropej

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17261, jista’ l-Ministru jgħid jekk qattx kien ikkonsultat u x'kien l-involviment tal-Ministeru tiegħu qabel ma intgħażlu dawn it-toroq rurali biex isir ix-xogħol fihom peress illi l-Ministeru tiegħu hu responsabbli mill-Fondi Ewropej? Jekk fl-affermattiv, liema kienu dawk it-toroq li l-Ministeru tiegħu indika lill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura sabiex isirilhom wiċċ fihom?

Response (GRECH, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif joħrog ukoll mit-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 21148, il-lista prijoritizzata ta’ toroq kienet pprovduta minn Transport Malta fl-applikazzjoni li hija għamlet għall-fondi Ewropej. Sadanittant infakkar lill-Onorevoli Interpellant li fl-ewwel u t-tieni sejħa li ħarġu bejn l-2011 u 2013 għall-miżura 125 l-Gvern preċedenti ma kienx ikkonsulta mal-bdiewa jew raħħala peress li ħass li s-sejħiet u l-għażliet kellhom isiru direttament mill-Gruppi Azzjoni Lokali; u allura l-applikanti jkunu l-Kunsilli Lokali biss.

Toroq rurali – fondi ewropej

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17261, jista’ l-Ministru jagħti lista ta' kemm-il talba pendenti għandu mingħand bdiewa u raħħala biex isirulhom it-toroq rurali li jwasslu għall-għelieqi / irziezet tagħhom?

Response (MIZZI, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-lista ta’ toroq li ġew imressqa għall-approvazzjoni hekk kif ġiet mgħoddija lili. It-talbiet pendenti huma dawk li mhux ser ikunu qed isiru bħala parti minn dan il-proġett, minħabba limitazzjonijiet ta’ fondi.

Toroq rurali – fondi ewropej

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17261, jista’ l-Ministru jagħti, separatament għal kull triq rurali li sar ix-xogħol fiha, kemm minn dawn it-toroq saru fuq il-ħamrija, fuq it-tafal, fuq il-blat jew fuq xi wiċċ ieħor?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif mgħoddija lili, fejn it-tip ta’ resurfacing, huwa indikat. Infurmat li r-resurfacing qed isir skont il-wiċċ li kien eżistenti b’tagħli mod li ma tiġix preġudikata is-sigurta’ tas-sewwieq skont il-bżonn.

Toroq rurali – fondi ewropej

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17261, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra site plan għal kull triq separatament, li sa meta tkun imwieġba din il-mistoqsija parlamentari jkun ingħatala wiċċ jew inkella qegħda fil-proċess biex isirilha wiċċ, li tindika minn fejn sa fejn saret it-triq, kif ukoll tindika liema parti ta' kull triq kienet ħamrija, tafal, blat jew xi tip ta' wiċċ ieħor?

Response (MIZZI, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-site plans tat-toroq hekk kif mgħoddija lili ,li ngħatalhom wiċċ jew li bħalissa għaddej fihom xogħol ta’ din in-natura. Kull site plan tindika minn fejn sa fejn saret it-triq ikkonċernata. Infurmat li t-toroq ingħatalhom wiċċ skont il-wiċċ li kien eżistenti b’tagħli mod li ma tiġix preġudikata s-sigurta` tas-sewwieq skont il-bżonn.