Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Biċċerija – ħaddiema ingaġġati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu nies jaħdmu l-Biċċerija minn April 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F'liema gradi daħlu jaħdmu dawn il-ħaddiema ġodda? Min huma dawn il-ħaddiema u minn liema lokalitajiet ġejjin? Xi kwalifiki/esperjenza għandhom dawn il-ħaddiema? X'pagi u perkaċċi oħra għandhom? Dawn ġew ingaġġati fuq kuntratt indefinit jew definit u għal kemm tul?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lilli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Animal Welfare — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jew jiċħad li dawk l-individwi li ġew impjegati mal-Animal Welfare minn wara April 2013, wara sitt xhur f’dan l-impjieg ġew tal-post?

Response (BRINCAT, LEO)

Fil-waqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 22641 ninsab infurmat mill-Ufficcju tas-Segretarjat Parlamentari li l-ingaġġi in kwistjoni saru skont il-prassi stabbilita.

Il-Biċċerija — cleaners

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu cleaners minn barra biex jaħdmu fil-Biċċerija minn April 2013 sa Diċembru 2015? Veru li kontra kull prassi, dawn wara tliet xhur saru ħaddiema tal-Gvern b'kuntratt indefenit? Min huma dawn il-ħaddiema u mil-liema lokalitajiet ġejjin? X'inhu l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom?

Response (BRINCAT, LEO)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22643, ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li l-ingaġġ ta’ cleaners sar skont il-prassi. Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat ukoll li l-cleaners jaħdmu ħinijiet differenti determinati mill-ħtiġijiet u n-natura tax-xogħol tal-biċċerija liema ħinijiet ivarjaw skont il-jum tal-qatla, l-ispeċi maqtula u n-numru ta’ bhejjem maqtula.

Il-Biċċerija — promozzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu promozzjonijiet fil-Biċċerija minn April 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F'liema gradi ħarġu dawn il-promozzjonijiet? Min huma dawn l-individwi li ħadu dawn il-promozzjonijiet? Xi grad kienu dawn l-individwi qabel ma ħadu dawn il-promozzjonijiet? Xi kwalifiki/esperjenza għandhom dawn l-individwi li ħadu promozzjoni?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti minn April 2013 sal-lum, fil-Biċċerija Pubblika, ħarġu erba’ sejħiet li magħhom kien hemm marbuta opportunità ta’ promozzjoni hekk kif definita f’paragrafu 1.3.1.1 tal-Public Service Management Code. Dawn is-sejħiet saru għall-gradi ta’ Boiler Attendant (Group III), Senior Operative (Maintenance Works - Group IV) li ħarġet darbtejn, u Assistant Technical Officer (Maintenance), fejn il-proċess tal-għażla għadu għaddej. B’riżultat ta’ dawn is-sejħiet ingħatat promozzjoni waħda fejn uffiċjal fil-grad ta’ General Hand inħatar Senior Operative (Maintenance Works). Il-kwalifiki u l-esperjenza li għandu l-individwu kkonċernat huma kif stipulati mill-ftehim tal-klassi industrijali u ħaddiema superviżuri.

L-Għammieri — promozzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu promozzjonijiet fl-Għammieri minn April 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F'liema gradi ħarġu dawn il-promozzjonijiet? Min huma dawk l-individwi li ħadu dawn il-promozzjonijiet? Xi grad kienu dawn l-individwi qabel ma ħadu dawn il-promozzjonijiet? Xi kwalifiki/esperjenza għandhom dawn l-individwi li ħadu promozzjoni?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal-liema Dipartiment jew Direttorat fl-Għammieri qiegħed jirreferi.
Leg 12 PQ #22636 Sitting 352 2016-02-02 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Stabbilimenti tal-ikel u wine bars – promozzjonijiet ta’ nbejjed Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet li tibda ssir promozzjoni biex fi stabbilimenti tal-ikel u wine bars jibda jsir bejgħ ta' inbid ta' Malta? Jekk fl-affermattiv, x' tip ta' branding se jibda jintuża?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-promozzjoni tal-inbid Malti huwa magħmul indirettament mill-inizjattiva tal-Quality Assured Seal għar-ristoranti, tal-Awtorità Maltija tat-Turizmu. Din l-inizjattiva, li bdiet fit-2015, tikkonsisti f’marka ta’ kwalità u tinkludi numru ta’ kriterji li r-ristoranti jridu jissodisfaw. Waħda minn dawn il-kriterji hija li r-ristorant irid ikollu minimu ta’ 30% jew għoxrin tip ta’ inbejjed b’għenba mkabbra f’Malta jew f’Għawdex. Il-Politika Nazzjonali għat-Turizmu 2015-2020 hija bbazata fuq il-premessa relatata mal-ġestjoni u l-ippjanar tal-industrija tat-turiżmu tagħna, inkluż l-importanza tal-prodott turistiku. Hekk kif ikkommettejna fil-Politika Nazzjonali għat-Turiżmu 2015-2020, qed niffukaw fuq dawk is-segmenti tas-suq li għandhom potenzjal kbir illi jikbru kif ukoll li jirrispondu tajjeb għall-offerta Maltija fejn jidħol prodott lokali, fosthom il-gastronomija.

Persuni – investiment fit-tkabbir tad-dwieli — għajnuna

Question

Peress li minn jinvesti fit-tkabbir tad-dwieli jkun se jinvesti fit-tul u jrid idum madwar erba’ snin biex jieħu r-return tal-prodott tiegħu, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Gvern jgħin finanzjarjament lil dawk il-bdiewa li jħawwlu d-dwieli?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, naħseb li ma jagħmilx sens li l-Gvern, minn fond Nazzjonali, jgħin finanzjarjament lil dawk il-bdiewa li jħawlu d-dwieli meta min hu verament interessat jinvesti f’dan is-settur jista’ japplika għall-fondi tal-UE għall-istess għan. Dawk interessati jistgħu jintervjenu b’investiment fid-dwieli permezz ta’ għajnuniet mill-miżura ta’ investiment taħt il-Programm tal-Iżvilupp Rurali 2014-2020. Tali proposti jiġu kkunsidrati u evalwati flimkien ma’ proposti oħra għall-investiment fis-settur tal-biedja meta jinħarġu l-miżuri għall-applikazzjonijiet minn dawk interessati.

Għenba Maltija – inbid — flus u kwantità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm jiġi pproduċut inbid fi flus u kwantità mill-għenba Maltija u x' tipi ta' nbid jiġi pproduċut?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li dwar l-ewwel parti ta’ din il-mistoqsija dan il-Ministeru ma jiġborx informazzjoni dwar valur ta’ flus li jiġi pproduċut mill-inbid, għax hija statistika ta’ natura kummerċjali u għalhekk nitolbu jirreferi din it-talba lill-Ministru kkonċernat. Fir-rigward tat-tieni parti ta’ din l-mistoqsija l-Onor. Interpellant huwa mitlub jispeċifika aktar x’informazzjoni għandu bżonn.

Bdiewa – tkabbir ta’ dwieli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn bdiewa li qegħdin ikabbru d-dwieli? Kemm hawn dwieli għall-inbid? X'varjetajiet ta' dwieli huma? X'tip ta' ħamrija hi li fiha qed jitkabbru dawn id-dwieli u f'liema partijiet ta' Malta u Għawdex jinsabu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari f’Malta hawn madwar 1,872 bidwi li qegħdin jikkultivaw id-dwieli. Għat-tieni parti tad-domanda nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 20161 Rigward it-tielet parti tad-domanda qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-varjetajiet ta’ dwieli f’Malta. Għar-raba’ domanda, ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat ma jżommx informazzjoni f’liema tip ta’ ħamrija qed jitkabbru dawn id-dwieli li huma mifruxa ma’ Malta u Għawdex kollha.

Animal Welfare – ħaddiema ingaġġati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu nies jaħdmu mal-Animal Welfare minn April 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F'liema gradi daħlu jaħdmu dawn il-ħaddiema ġodda? Min huma dawn il-ħaddiema u minn liema lokalitajiet ġejjin? Xi kwalifiki/esperjenza għandhom dawn il-ħaddiema? X'pagi u perkaċċi oħra għandhom? Dawn ġew ingaġġati fuq kuntratt indefinit jew definit u għal kemm tul?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont L-informazzjoni mgħotija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Magni tal-bastimenti tas-sajd — regoli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma r-regoli Dipartimentali Maltin u dawk Ewropej li jirregolaw il-bdil tal-magni tal-bastimenti tas-sajd?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li r-regoli li jirregolaw il-bdil tal-magni tal-bastimenti tas-sajd huma dawn li ġejjin: - Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd. - Regolament tal-Kummisjoni (KE) Nru 26/2004 dwar ir-Reġistru tal-Flotta tas-Sajd tal-Komunità - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabilixxi Sistema Komunitarja ta’ kontroll biex tkun żgurata l-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd. - Regolament ta’ Implimentazzjoni Tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 li jistabilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabilixxi Sistema Komunitarja ta’ kontroll biex tkun żgurata l-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd.

Twaqqif ta’ kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija National Oil & Gas Exploration Corporation li kellu jwaqqaf il-Gvern, twaqfitx jew le?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-kumpanija għadha ma twaqqfitx.

Tfittix għaż-żejt – pretensjoni mill-Gvern Taljan

Question

B' referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19830, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti kellux xi tip ta' risposta għat-talba li saret mill-Gvern Malti permezz tan-Note Verbale li ntbagħtet fil-15 ta' April 2013?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm tweġiba permezz ta’ Note Verbale mibgħut mill-Gvern Taljan. Permezz ta’ din it-tweġiba il-Gvern Taljan stieden lill-Gvern Malti sabiex jitkomplew id-diskussjonijiet bilaterali bejn iż-żewg pajjiżi.

Tfittix taż-żejt — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti relatati mat-tfittix taż-żejt ingaġġati mill-Ministeru tiegħu minn April 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? X' pagi u perkaċċi oħra qed jieħdu dawn il-konsulenti? Xi kwalifiki akkademiċi relatati mat-tħaffir għaż-żejt kif ukoll esperjenza f'dan il-qasam għandu/għandha kull konsulent? Kif ġew ingaġġati dawn il-konsulenti? Għalkemm tul ta' żmien sar kull kuntratt ma’ kull konsulent ingaġġat? X'kienu r-riżultati miksuba minn kull konsulent fir-rigward tal-konsulenza li qed jagħti/tagħti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #22634 Sitting 351 2016-02-01 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għall-Finanzi

Inbejjed – żieda fid-dazju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'se jsir mill-€0.75 dazju li qed jiġi ċċarġjat fuq kull flixkun inbid? Dawn il-flus qed immoru f'xi fond speċjali b'risq il-vitikultura? Jekk fl-affermattiv, minn min hu mmaniġġat dan l-fond?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant illi r-rata ta’ dazju tas-sisa fuq l-inbid kif imsemmija mill-istess Onorevoli interpellant, mhix korretta. Kuntrarju għar-rata msemmija, id-dazju tas-sisa fuq kull flixkun inbid hu biss ta €0.1537 u mhux ta €0.75. Kull dazju tas-sisa li tinġabar tidħol fil-fond konsolidat. Għal tagħrif dwar il-fond b’risq il-vitikultura Maltija, nitlob lill-Onorevoli interpellant sabirx jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #22635 Sitting 351 2016-02-01 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

ITS – korsijiet tal-Wine Tasting

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fl-Istitut għas-Servizzi Turistiċi (ITS) jibda jsir course dwar il-wine tasting tal-inbid ta' Malta?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kurrikulu tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi diġa’ jinkludi moduli, f’diversi programmi ta’ studju, fejn l-istudenti jiġu mgħallma fuq inbejjed Maltin kif ukoll dawk barranin. Tajjeb infakkar lill-Onorevoli illi matul is-sena li għaddiet saret ħidma u nvestiment fit-teknologija sabiex jgħola l-livell akkademiku tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi. Introduċejna sistemi ġodda ta’ rekords sabiex permezz tagħhom inżidu l-effiċjenza fl-amministrazzjoni fejn ħadna ħsieb li tinżamm informazzjoni korretta u aġġornata relatata mal-istudenti u l-korsijiet li jsegwu fiż-żewġ capuses f’Malta u f’Għawdex. Ġiet installata wkoll verżjoni aġġornata tas-sistema OPERA, illi hija sistema użata b’mod wiesa fis-settur tal-lukandi, u li l-istudenti tal-Istitut jitgħallmu fuqha. B’hekk jintlaħqu l-bżonnijiet u r-rekwiżiti marbutin mal-industrija tal-ospitalita’. Fil-ħidma ta’ ristrutturar u titjib tal-Istitut, qtajna spejjeż sostanzjali żejda, frott ta’ deċizjonijiet ħżiena li ttieħdu fil-passat. Biżżejjed insemmu nefqa ta’ €51,120 illi l-Istitut ser ikun qed jiffranka fl-erba’ snin li ġejjin għas-servizzi ta’ WI-FI fil-kampus, wara li tterminajna kuntratt mgħoti mill-amministrazzjoni preċedenti b’direct order li kien jammonta għal €14,160 fis-sena. Dan jikkuntrasta l-mod għaqli li bih qed immexxu fejn, abbażi tal-kuntratt preżenti, is-somma issa tammonta għal €1,380 fis-sena. Ġew regolarizzati l-liċenzji ta’ software li kien ilhom mhux validi, għal diversi snin. Sar ukoll arranġament mal-MITA li permezz tiegħu l-Istitut ġie irrikonoxxut bħala wieħed edukattiv u b’hekk komplejna niffrankaw spejjez akbar. Il-Ministeru żamm ukoll il-wegħda tiegħu li jipprovdi ‘laptops’ u kompjuters ġodda għal l-għalliema tal-Istitut. Sabiex inħajru u nħeġġu aktar studenti jistudjaw it-turiżmu u l-ospitalità mal-Istitut ghall-Istudji Turistici introduċejna grant ta’ €233 fis-sena għal kull student. Saret ukoll ħidma biex inwessgħu l-kurrikulu u ninkludu setturi ġodda tal-industrija li ma kienux qed jigu ndirizzati, billi nagħtu opportunita’ ta’ studju fuq is-sitt u s-seba’ livell fi gradi ta’ Bacellerat u Masters. Tnieda wkoll Kumitat Xjentifiku immexxi mill-Istitut u li ser jiddentifika ‘skill gaps’ fl-industrija li għandhom jiġu indirizzat kif ukoll nuqqasijiet fil-ħiliet eżistenti. Il-kumitat se jservi biex janalizza wkoll il-kurrikulu u jaghmel riċerka biex titjieb l-esperjenza edukattiva u l-programmi ta’ taħriġ fi ħdan l-ITS. B’dan il-mod il-kurrikulu jkun konsolidat b’inizjattivi akkademiċi bbażżat fuq karrieri differenti fl-industrija. L-għan tagħna mhux biss li nkomplu nħarrġu lill-istudenti u nippreparawhom għall-Industrija, imma li noffru wkoll taħriġ għal persuni li diġà jaħdmu fl-industrija, ħalli ngħollu l-istandards b'mod ġenerali. Għal dan il-għan l-ITS ser ikun qed iniedi kors ta' taħriġ part-time b'xejn bl-isem ta' Introduction to Hospitality. Il-viżjoni ta’ dan il-Gvern hija li l-Istitut għall-Istudji Turistiċi ikompli jikber professjonalment u li nkomplu nżidu n-numru ta' studenti li jagħżlu li jiżviluppaw il-karriera tagħhom fis-settur tat-turiżmu għas-sena skolastika. Dan filwaqt illi nżommu kuntatt mill-qrib ma’ diversi partijiet interessati fosthom l-Universita, MCAST, ETC u anke MHRA. Għalhekk dan il-Gvern ser jinvesti aktar minn €56M f’kampus ġdid għall-Istitut għall-Istudji Turistiċi, li ser jħalli frott kbir fis-settur turistiku li bih se nbidlu l-kwalita’ fit-tagħlim u apprentistat fl-ospitalita’. Dan ser ikun kampus state of the art illi ser iservi mhux biss fl-operazzjoni attwali tal-Istitut, imma l-Gvern se jkun qed jirreloka għal darb'oħra mudell ta' negozju ġdid ta' kampus internazzjonali fin-nofsinhar ta’ pajjiżna.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u t-Twettiq tal-Manifest Elettorali — Eko-Turiżmu – lista

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru jelenka lista ta' Fondi Ewropej li minnhom jistgħu jibbenefikaw l-entitajiet/organizzazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam tal-Ekoturiżmu? Jista' jelenka l-proġetti li saru b'Fondi Ewropej f'dawn l-aħħar tliet snin relatati mal-ekotużimu f'pajjiżna?

Response (GRECH, LOUIS)

Ninsab infurmat li hemm il-possibilita li entitajiet/organizazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam tal-Eko Turiżmu jibbenefikaw permezz ta’ Fondi Ewropej taħt il-Programm Operattiv 1 2014/2020 Fond għall-Iżvilupp Reġjonali w Fond ta’ Koeżjoni, Programm Operattiv II 2014/2020 Fond għall-Iżvilupp Soċjali kif ukoll mill-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014/2020. Ninforma l-Onorevoli Interpellant ukoll li matul l-aħħar tliet snin kien hemm tliet entitajiet mhux governattivi li bbenefikaw mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali permezz tal-iskema mmirata għal Turiżmu Sostenibli offruta mill-Ministeru tat-Turiżmu taħt il-Programm Operattiv I.

Fisheries Management Zone – sajjieda barranin

Question

B’referenza għad-deċiżjoni li ngħatat mill-Qorti fl-14 ta’ Ottubru 2015 dwar kawża fejn żewġ sajjieda barranin kienu nqabdu jistadu b’purse-seining fil-Fisheries Management Zone Maltija u ħarġu lliberati, jista’ jgħid min ħa d-deċiżjoni li l-Gvern Malti m’għandux jappella minn din is-sentenza tal-Qorti?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, din il-mistoqsija diġa ngħatat tweġiba għaliha fuq domanda supplimentari għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 18219, ippreżentata fuq il-Mejda tal-Kamra fit-18 ta’ Novembru 2015, Seduta Numru 327, fejn qiegħed nannetti d-diskors li sar. “ANTHONY AGIUS DECELIS: Wara r-rapporti li kien hemm dalgħodu fil-media, jista’ s-Segretarju Parlamentari jelabora ftit dwar x’kienet din il-kwestjoni fejn kienu involuti xi laneċ tas-sajjieda u s-sajjieda? MR SPEAKER: Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes. ONOR. RODERICK GALDES: Biex ninforma lill-Kamra u lill-Onor. Interpellant, f’dawn l-aħħar ġranet dehru diversi artikli fuq il-ġurnal The Times of Malta, fejn bħal donnu saret ammissjoni li nħoloq xi preċedent partikolari fuq kawża li ngħatat reċentament dwar żewġ laneċ Franċiżi li fl-2008 kienu daħlu fiż-żona tal-25 mil f’Malta. Ċertament dan mhuwiex minnu. F’qafas legali, il-konċett ta’ preċedent f’Malta ma japplikax. F’dan il-każ partikolari, f’dan l-aħħar sentejn taħt dan il-Gvern, intrebħu ħames kawżi mill-Gvern f’każijiet simili fuq laneċ li daħlu fiż-żona tagħna. Ma kien hemm l-ebda każ ieħor li ma ntrebaħx mill-Gvern, ħlief dan li kien ilu jkarkar għal diversi snin fil-Qorti. Id-Dipartiment tas-Sajd ma kienx informat dwar dan u allura ma setax jappella f’dan ir-rigward. Però nixtieq inserraħ ras l-Onor. Interpellant u anke lil min qara dan l-artiklu li ma hemm l-ebda lok ta’ preċedent, għaliex f’dawn is-sentejn ta’ dan il-Gvern, irbaħna ħames każi dwar laneċ Sqallin, Taljani, kif ukoll Alġerini li daħlu fiż-żona tagħna, fejn ittieħdu l-passi kemm mid-Dipartiment tas-Sajd u anke mid-Dipartiment tal-Forzi Armati. Dawn il-każi li nbdew minn dan il-Gvern u mhux minn Gvern preċedenti ntrebbħu kollha kemm huma. Aktar minn hekk, il-pożizzjoni tal-Gvern hija ċara: aħna se nibqgħu nissalvagwardjaw iż-żoni nawtiċi tagħna mogħtija lilna qabel ma’ Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea, biex b’hekk ikun hemm iż-żona ta’ konservazzjoni marittima marbuta ma’ pajjiżna. Il-ħsieb tagħna huwa li nkomplu ninsistu biex dik il-policy tiġi ssalvagwardjata f’dak li għandu x’jaqsam mal-immanniġġjar taż-żoni nawtiċi tagħna u mal-qasam tas-sajd. Għalhekk, mhux ġust li l-ġurnali jinterpretaw xi deċiżjoni bħal din bħal donnu l-Gvern ċeda din il-policy partikolari! Aktar minn hekk, l-istess ġurnal, sena u nofs ilu, irraporta storja bil-maqlub, fejn kien qed jinsisti li l-Gvern ma jibqax i¿omm din il-policy partikolari, u kkwota persuni partikolari fl-oqsma tas-sajd li bdew jikkritikaw il-Gvern għaliex ħadna l-passi kontra barranin li daħlu f’pajjiżna jistadu mingħajr il-permessi neċċessarji fiż-żoni tal-25 mil. Għalhekk ma nistax nifhem kif f’daqqa waħda, mhux biss inqaleb l-editorjal ta’ dan il-ġurnal, imma qed issir kritika kontra l-Gvern, għaliex f’dan il-każ partikolari ma sarx appell minn din il-kawża! Nerġa’ nserraħ ras lil kull min qara dan l-artiklu, li min-naħa tagħna, ma biddilniex il-policy! Tant huwa hekk li se nibqgħu niġġieldu u nsostnu l-policy tagħna li nissalvagwardjaw l-interessi ta’ pajjiżna fiż-żoni ta’ 25 mil. MR SPEAKER: L-Onor. David Agius, mistoqsija supplimentari. ONOR. DAVID AGIUS: Jista’ s-Segretarju Parlamentari jikkonferma li l-Gvern ma appellax mis-sentenza? Jekk ma appellax: Għalfejn? MR SPEAKER: Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes. ONOR. RODERICK GALDES: Kif diġà għedt, din kienet kawża antika li kienet ilha għaddejja mill-2008. Il-prosecuting officer ma informax lid-Dipartiment tas-Sajd, kif isir normalment, u allura ma konniex fil-ħin biex il-Gvern jappella minn din is-sentenza. Madanakollu, irrid ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar sentejn u nofs, kien hemm ħames kawżi oħra simili. Id-Dipartiment dejjem ħa l-passi neċċessarji mill-ewwel u fil-fatt, inqatgħu favur il-Gvern. M’hemm l-ebda każ ta’ preċedent.”
Leg 12 PQ #22626 Sitting 350 2016-01-27 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Fuel

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 21145, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont f’litri ta’ fuel li matul is-sena 2015, ġie fornut lill-vetturi li jintużaw mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteri tiegħu mingħand il-kumpaniji/service stations li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, għal kull kumpanija/service station separatament?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.