Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #22814 Sitting 357 2016-02-16 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Toroq rurali – fondi ewropej

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21153, peress illi hu huwa l-Ministru responsabbli mill-MEPA, u b’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17261, jista’ jgħid jekk għal kull triq rurali li sar ix-xogħol fiha, saritx applikazzjoni lill-MEPA qabel ma beda x-xogħol? Jekk fl-affermattiv, x’tip ta’ applikazzjoni saret u x’inhu n-numru tal-permess għal kull triq? Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess tal-MEPA għal kull triq?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nitlob lill Onor Interpellant biex jirreferi il-mistoqsija lill Ministru tat-Trasport u Infrastruttura.

Trasport Pubbliku – ħlas lill-ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jivverifika jekk hux minnu illi ħaddiema barranin mat-Trasport Pubbliku qed jitħallsu aktar mill-ħaddiema Maltin li qed jagħmlu l-istess xogħol? Jekk dan hu minnu, x’inhi r-raġuni għal din id-diskrepanza fir-rata tal-ħlas bejn ħaddiema barranin u ħaddiema Maltin?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ssir l-ebda diskriminazzjoni abbażi ta’ nazzjonalita’, bejn ħaddiema tal-Malta Public Transport.

Birżebbugia – il-bajja tal-Qajjenza

Question

Jista’ l-Ministru jara illi jsir xi tip ta’ taraġ jew sellum fil-bajja tal-Qajjenza f’Birżebbuġia faċċata fejn qabel kien hemm it-tankijiet l-antiki tal-gass, biex persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jinżlu u jitilgħu mill-baħar?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #22805 Sitting 356 2016-02-16 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għat-Turiżmu

Birżebbugia – il-bajja tal-Qajjenza

Question

Jista’ l-Ministru jara illi jsir xi tip ta’ taraġ jew sellum fil-bajja tal-Qajjenza f’Birżebbuġia faċċata fejn qabel kien hemm it-tankijiet l-antiki tal-gass biex persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jinżlu u jitilgħu mill-baħar?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi, l-Awtorita’ Maltija għat-Turizmu qegħda tikkollabora mal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’Dizabbilta’ (KNPD) sabiex jitjieb l-aċċess f’numru diversi bajjiet, inkluz f’bajjiet fin-nofsinhar ta’ Malta. Ngharraf lill-Interpellant illi minn informazzjoni li ġbarna, ġejna mgħarrfa illi l-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura għandu proġett ta’ titjib propju f’dan il-lokal u għalhekk l-Awtorita’ ser titlob lill-Ministeru kkoncernat sabiex jikkonsidra din ir-rikjesta. Hekk kif ikkommettejna ruhna sabiex intejbu l-infrastruttura u l-facilitajiet fil-bajjiet taghna ghal persuni b’diffikulta’ t’access, fil-Politika Nazzjonali għat-Turizmu 2015-2020, l-Awtorita’ Maltija għat-Turizmu ghaddejja b’hidma sabiex jizdiedu n-numru ta’ siggijiet specjali fuq ir-ramel u anke sabiex jitjiebu rampi f’Marsaskala u f’San Pawl il-Bahar.

Siġġiewi – triq tas-Salib tal-Għolja — tarmac

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta t-triq li twassal għas-Salib tal-Għolja fil-limiti tas-Siġġiewi ser tingħata t-tarmak?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #22807 Sitting 356 2016-02-16 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Siġġiewi – triq tas-Salib tal-Għolja – main tad-drenaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ippjanat li jsir main tad-drenaġġ fit-triq li twassal għas-Salib tal-Għolja fil-limiti tas-Siġġiewi?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nitlob lill-Onor. Intepellant biex jagħti aktar informazzjoni, permezz ta’ site plan, li turi fejn jinsab l-iżvilupp fejn qed issir it-talba biex din tiġi studjata.

Bollards li twaħħlu quddiem residenza

Question

Jista’ l-Ministru jara illi bollards li twaħħlu quddiem il-bieb ta’ residenza li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jiġu mneħħija mill-aktar fis possibli għaliex qed jostakolaw id-dħul u l-ħruġ liberu mid-dar ta’ dawn ir-residenti li huma persuni anzjani, speċjalment f’każ li jkun hemm bżonn ta’ ambulanza?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infumat mill-Kunsill Lokali tal-Imqabba li ddeċieda li jeħlu dawn il-barrikati biex vetturi pparkjati perpendikularment mal-bankina ma jostakolawx l-istess bankina għall-ġid ta’ dawn ir-residenti anzjani, u fl-istess waqt il-vetturi ma jkunux kostretti li jibqgħu ipparkjati ’l barra mill-parkeġġi indikati u jostakolaw it-triq minħabba li dawn l-anzjani poġġew qsari kbar fi tliet parkeġġi pubbliċi. Din ir-residenza, li tinsab f’kantuniera ma’ Triq id-Duluri, fiha tliet aċċessi (eskluż il-garaġġ) u propju bieb minnhom m’għandu l-ebda bollard quddiemu. L-għan tal-Kunsill hu li jinħoloq bilanċ bejn it-traffiku u l-pedestrian. Intant infurmat ukoll li l-Kunsill Lokali tal-Imqabba waħħal tabella quddiem din ir-residenza biex ħadd ma jipparkja bis-silencer tal-vetturi ’l ġewwa u talab lil Transport Malta biex din il-familja jsirilha reserved parking għal raġunijiet ta’ saħħa. Sal-lum il-ġurnata, sfortunatament, minkejja li l-Kunsill informa lir-residenti ta’ din id-dar partikolari biex ineħħu il-pjanti li poġġew fi tliet parkeġġi pubbliċi li qed joħolqu ostakolu għal vetturi, il-qsari għadhom ma tneħħewx, għaldaqstant jidher li se jkollu jintalab l-intervent tal-Pulizija sabiex dan l-inkonvenjent li ma tneħħiex bil-kelma t-tajba, jitneħħa.

Il-Pitkalija – First Aid Boxes

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx First Aid Boxes fil-Pitkalija u jekk fl-affermattiv għal kemm jammonta n-numru ta' First Aid Boxes?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li fil-Pitkalija hemm ħames first-aid boxes.
Leg 12 PQ #22798 Sitting 355 2016-02-15 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Qajjenza – żona fejn kienu t-tankijiet tal-gass

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm għaż-żona fejn qabel kien hemm it-tankijiet tal-gass fil-Qajjenza? X’inhi r-raġuni li għada ma ntlaqitx it-talba tal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġia sabiex dik il-parti magħrufa bħala l-parkeġġ tat-trakkijiet ta’ Għawdex tingħata lill-Kunsill Lokali sabiex parti tkun tista’ tintuża bħala parkeġġ għall-opri tal-baħar u l-parti l-oħra bħala parkeġġ għall-vetturi?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Intepellant illi l-proċessi ta’ decommisioning qed jiġu konklużi. L-użu finali tal-post jiġi determinat wara li jitqiesu l-limitazzjonijiet u l-possibiltajiet kollha marbuta mal-istess sit, u wara konsultazzjoni mal-istakeholders.

Persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-regola li 2% tal-ħaddiema impjegati f’kull azjenda jridu jkunu persuni b’diżabilità tapplikax ukoll għas-settur pubbliku peress li persuna li marret tiċċekkja l-ETC ingħatat ir-risposta li din ir-regola ma tapplikax għas-settur pubbliku?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-liġi tapplika għal kulħadd, anke s-settur pubbliku. Jirriżulta li s-settur pubbliku huwa konformi ma’ din il-liġi hekk kif laħaq it-tnejn fil-mija.

Applikazzjoni għall-post tal-Gvern – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara fiex wasal il-każ tal-individwu li huwa persuna b’diżabilità u li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament illi applika għall-post tal-Gvern imma sallum għadu bla risposta?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ imsemmi minnu qed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.

Raħal Ġdid – Triq Vjal Sir Paul Boffa – żbir ta’ siġar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jinżabru s-siġar li jinsabu fi Triq Vjal Sir Paul Boffa f’Raħal il-Ġdid?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn is-siġar jiġu miżbura regolarment u ż-żbir tagħhom jsir skont il-programm tal-kuntratturi tagħna.

Raħal Ġdid – Triq Vjal Sir Paul Boffa – tappieri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitranġaw xi tappieri li jinsabu fi Triq Vjal Sir Paul Boffa f’Raħal il-Ġdid peress li qegħdin jagħmlu ħafna storbju meta jgħaddu l-karozzi minn fuqhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tappieri jinsabu fi Triq Vjal Sir Paul Boffa f’Raħal il-Ġdid ġew imsewwija.

Il-Biċċerija – xogħlijiet infrastrutturali u refurbishment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru xogħlijiet infrastrutturali u ta' refurbishment bħal tibjid, xogħol ta' soqfa, bankini u xogħol ieħor fil-Biċċerija minn April 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm ġiet tiswa kull biċċa xogħol? Kif ingħata dan ix-xogħol, b'tender, quotation jew direct order? Min hu l-kuntrattur/individwu għal kull biċċa xogħol li saret, qed issir jew ippjanat li ssir?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Il-Biċċerija — Proċeduri ta’ Health and Safety

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi proċeduri ta' Health and Safety ġew segwiti biex ġew maqlugħa soqfa tal-aesbestos fil-Biċċerija jew żoni li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Biċċerija?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li fil-Biċċerija jew żoni li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Biċċerija, s’issa fl-amministrazzjoni preżenti ma nqalgħu l-ebda soqfa tal-asbestos. Ninsab infurmat ukoll li nbdew proċeduri biex dak li ma sarx fl-imghoddi biex dan l-asbestos jitneħħa, isir issa.

Il-Biċċerija – Health and Safety Officer

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx Health and Safety Officer fil-Biċċerija?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fil-preżent l-funzjoni ta’ Health and Safety Officer fil-Biċċerija Pubblika ssir minn Uffiċjal f’grad ta’ Inspector (Health & Safety) li għandu rwol orizzontali fil-Ministeru kollu.

Il-Pitkalija – Healh and Safety Officer

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx Health and Safety Officer fil-Pitkalija?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fil-preżent il-funzjoni ta’ Health and Safety Officer fil-Pitkalija ssir minn Uffiċjal f’grad ta’ Inspector (Health & Safety) li għandu rwol orizzontali fil-Ministeru kollu.

Il-Biċċerija – First Aid Boxes

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx First Aid Boxes fil-Biċċerija u jekk fl-affermattiv għal kemm jammonta n-numru ta' First Aid Boxes?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, fil-Biċċerija hemm fil-fatt erba’ first aid boxes.

Il-Pixkerija – ħaddiema ingaġġati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu nies jaħdmu l-Pixkerija minn April 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F'liema gradi daħlu jaħdmu dawn il-ħaddiema ġodda? Min huma dawn il-ħaddiema u minn liema lokalitajiet ġejjin? Xi kwalifiki/esperjenza għandhom dawn il-ħaddiema? X'pagi u perkaċċi oħra għandhom? Dawn ġew ingaġġati fuq kuntratt indefinit jew definit u għal kemm tul?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lilli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.