Legislature:
Category:
Reset
Active:

St. Vincent De Paul — laundry

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jew jiċħad illi l-laundry ta’ St. Vincent De Paul (SVDP) ser tiġi trasferita għal mal-privat? Jekk dan hu minnu, x’inhi r-raġuni li ser isir dan u x’ser isir mill-ħaddiema ta’ SVDP li bħalissa qegħdin jaħdmu fil-laundry?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor Interpellant li, ma hemm l-ebda ħsieb u intenzjoni li l-laundry tar-Residenza San Vinċenz de Paule, tiġi privatizzata. Dan l-aħħar sar investiment sabiex jitjieb l-operat, u jinħoloq ambjent aktar sigur u attrezzat. Il-ħaddiema jinsabu ferm kuntenti u sodisfatti li wara tant snin ta’ telqa, fl-aħħar qed jaħdmu f'ambjent li hu miżmum tajjeb apparti servizz ferm aktar effiċjenti għar-residenti kollha.

Allowance lill-ħaddiema li jaħdmu mal-pazjenti fis-swali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li għalkemm il-ħaddiema li jaħdmu mal-pazjenti fis-swali kienu mwegħdin li ser jingħataw allowance ta’ €300 fis-sena, sa issa dawn għadhom ma ħadux din l-allowance? Meta hemm il-ħsieb illi dawn il-ħaddiema jibdew jieħdu din l-allowance?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, ma hemm l-ebda forma ta’ allowance li tammonta għal €300 fis-sena u li tingħata lill-ħaddiema li jaħdmu mal-pazjenti fis-swali ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paule.

Raħal Ġdid – pjazza — siġar

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn se jiġu mħawwla mill-ġdid is-siġar li se jinqalgħu mill-pjazza ta' Raħal Ġdid (Paola) biex ikun jista' jsir il-proġett tal-pjazza li se jibda fil-ġranet li ġejjin?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.

Pixkerija — tinda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ittieħdux il-passi neċessarji biex tinda li tinsab faċċata tal-pixkerija l-ġdida u li bħalissa qiegħda tintuża bħala parking area għal dawk kollha li jmorru l-pixkerija, hux ser titneħħa peress li hi tal-aesbestos? Meta ser titneħħa din it-tinda? X’qed jagħmel il-Ministeru tiegħu biex sakemm din it-tinda tiġi mneħħija, il-livelli ta’ emissjonijiet fl-arja ma jkunux ta’ dannu għas-saħħa? Qiegħed isir moniteraġġ kontinwu, hekk kif kien wiegħed is-Segretarju Parlamentari waqt id-diskors tiegħu tal-baġit, biex ma jkun hemm l-ebda periklu għal dawk kollha li jużaw dan il-parkeġġ?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li m’hemm l-ebda pjan li t-tinda li tinsab faċċata tal-pixkerija l-ġdida u li bħalissa qiegħda tintuża bħala parkeġġ, titneħħa, peress li jista’ jinħoloq periklu jekk dan l-asbestos jiċċaqlaq. Ninsab infurmat ukoll li d-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura ħa l-passi neċessarji skont il-L.S.424.23 “Regolamenti dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji li jinħolqu meta persuna tkun esposta għall-asbestos fuq il-post tax-xogħol”, billi f’Marzu 2015 saret evalwazzjoni inizjali tar-riskju, fejn sar kejl tal-fibri tal-asbestos fl-arja billi ttieħdu kampjuni. Ir-riżultat minn dawn il-kampjuni juri li l-konċentrazzjoni mkejla tal-fibra fl-arja respirabbli huwa f'limiti aċċettabbli. Test ieħor fuq l-istess sit huwa ppjanat li jsir f’Marzu 2016 sabiex jibqa’ jsir monitoraġġ tas-sitwazzjoni. Infakkar lill-Onor. Interpellant li dan is-sit kien intgħażel mill-amministrazzjoni preċedenti li daħlet għall-obbligu li tużah bħala parkeġġ għall-Pixkerija l-ġdida.

Pixkerija – żona fejn jitqatta’ ħut ta’ kobor sostanzjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hijiex ser tiġi pprovduta żona fil-pixkerija li filwaqt li tkun konformi mar-regoli tal-EU, ħut ta’ kobor sostanzjali jkun jista’ jiġi mqatta' fiha?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li l-Pixkerija hija ċentru tal-irkant li l-funzjoni tiegħu hija li jikkonċentra l-prodotti tas-sajd, biex jiffaċilita għas-sajjieda l-bejgħ tal-qbid tagħhom, billi dawn jiġu offruti permezz ta’ rkant trasparenti u ekwu lix-xerrejja, sabiex il-ħut jinbigħ għall-ewwel darba u jidħol fl-ewwel stadju tal-katina tas-suq fi triqtu lejn il-konsumatur. Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li f’dan l-istadju l-ispeċi ta’ ħut mill-familja tal-klieb il-baħar, bħal muruni, ma jistgħux jitqaxxru jew jitqattgħu fil-Pixkerija. Iċ-ċentru tal-irkant mhux awtorizzat li fih isir proċessar inkluż it-tqattigħ. Barra minn hekk, din il-faċilità qatt ma nbniet bil-ħsieb li jkun hemm din l-attività. Fuq kollox, ir-regoli dwar l-iġjene tal-UE, ma jippermettux proċessar ta’ ikel għall-konsum uman, jekk mhux min-nies espliċitament imħarrġa u awtorizzati biex jagħmlu xogħol ta’ pproċessar taħt kundizjonijiet iġeniċi stabbiliti, sabiex il-prodotti tal-ikel jitwasslu għand il-konsumatur bl-iktar mod bnin. Ninsab infurmat ukoll li f’Malta hawn diversi ażjendi privati li għamlu investiment biex waqqfu stabbilimenti simili u fir-rispett tal-prinċipju ta’ suq ħieles m’għandux ikun l-irwol tal-Gvern illi joħloq kompetizzjoni inġusta għal dawn l-istabbilimenti. Ninsab infurmat li fost ix-xerrejja hemm minnhom li għandhom stabbiliment bħal dan fejn jista’ jsir dan it-tqattigħ. Madankollu qed isiru sforzi biex il-privat jinvesti fis-sular ta’ fuq tal-Pixkerija biex isir stabbiliment għall-ipproċessar.

Bejgħ ta’ Ħut — ħinijiet

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk sajjied li ma jilħaqx idaħħal il-ħut li jkun qabad fil-Pixkerija sal-erbgħa ta’ filgħodu, il-ħut tiegħu jinbiegħ l-għada?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li jekk sajjied ma jilħaqx idaħħal il-ħut li jkun qabad fil-Pixkerija sal-erbgħa ta’ filgħodu, u għalhekk ma jilħaqx is-sessjoni tal-irkant ta’ dakinhar, għandu l-faċilità li jħalli l-ħut mal-pitkal tiegħu f’coldroom sabiex jiġi rkantat l-għada.

Pixkerija l-ġdida — observers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu observers fil-pixkerija l-ġdida? Xi kwalifiki għandhom dawn l-observers? X’tip ta’ training qed jingħataw? Veru li hemm xi wħud minnhom illi lanqas jafu jagħmlu distinzjoni bejn ħuta u oħra?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li ma daħlu l-ebda observers biex jaħdmu fil-Pixkerija l-ġdida.
Leg 12 PQ #22826 Sitting 359 2016-02-22 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Marsaxlokk – xatt is-sajjieda — gabbani

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni ta’ żvilupp saru mal- Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) sabiex jiġu installati/mibnija gabbani tul Xatt is-Sajjieda, Marsaxlokk mit-13 ta’ Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’liema stadju ta’ pproċessar waslet kull applikazzjoni? X’tip ta’ applikazzjoni saret f’kull każ? X’inhu n-numru ta’ kull applikazzjoni?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab nfurmat mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li l-istess Awtorita irċeviet żewġ applikazzjonijiet għal xogħol relatat ma’ gabbani f’Xatt is-Sajjieda, Marsaxlokk. Annessa hawn tabella li tagħti l-informazzjoni mitluba: PA / TRK No. Proposal Location PreScrRecDate Status TRK/163128 Erection of ice-cream kiosk including signage Ice Cream Kiosk, Xatt Is- Sajjieda, Marsaxlokk, Malta 29/07/2015 Withdrawn - Application Compilation Expired PA/03819/14 To include kitchen and toilet in an already existing kiosk/snack bar. Harbour Lights, Xatt is-Sajjieda, Marsaxlokk, Malta 03/01/2014 Decided - Granted

Pitkalija – kontribuzzjoni tal-bdiewa, pitkala u xerrejja

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17956, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li għalkemm il-kontribuzzjoni mħallsa mill-bdiewa u x-xerrejja għal-ħasil, irranġar u provvista ta’ kaxxi tal-pitkalija żdiedet bi 300% biex skont kliem il-Ministru stess 'jitjieb is-servizz tal-kaxxi', illum il-ġurnata dan is-servizz minflok tjieb, mar mill-ħażin għall-agħar? Ma jħossx il-Ministru li dan is-servizz għandu jingħata kif kien imwiegħed?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 22813, filwaqt li ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat illi ż-żieda ta’ €0.006 li għamel referenza għaliha f’din il-mistoqsija, qiegħda tmur biex tiffinanzja parti mill-ispejjeż għax-xiri ta' kaxxi ġodda.

Pitkalija – kontribuzzjoni tal-bdiewa, pitkala u xerrejja

Question

Peress illi l-kontribuzzjoni mħallsa mill-bdiewa u xerrejja għall-ħasil, irranġar u provvista ta’ kaxxi tal-pitkalija żdiedet bi 300%, u ċjoè minn €.003 għal €.009 għal kull Ewro ta’ bejgħ bl-iskuża illi se 'jitjieb is-servizz tal-kaxxi', ma jħossx il-Ministru illi l-Ministeru tiegħu qed jisraq lill-bdiewa u lix-xerrejja peress illi minn meta daħlet fis-seħħ din iż-żieda, dan is-servizz mar mill-ħażin għall-agħar? X’qed isir mill-flus żejda li qed idaħal il-Gvern miż-żieda fil-kontribuzzjoni? Għaliex dawn mhux qed jintużaw għall-xiri addizzjonali ta’ kaxxi tal-pitkalija ġodda?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari 22813, u 22815.

Pitkalija – provvista ta’ kaxxi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni illi l-bdiewa qed jispiċċaw imorru l-pitkalija fil-ħinijiet bikrin ta’ filgħodu jistennew fil-kju biex jiġbru kaxxi tal-pitkalija vojta u qed jibqgħu b’xejn? Ma jħossx il-Ministru li dan it-telf ta’ ħin qiegħed jaffettwa ħażin finanzjarjament lill-bdiewa? Hemm xi ħsieb li l-Gvern jirrifondi lill-bdiewa l-ammont żejjed li ħallsu fil-kontribuzzjoni tal-kaxxi, peress illi l-Gvern kien żied din il-kontribuzzjoni bl-iskuża li kien ser 'jitjieb s-servizz tal-kaxxi', liema titjib qatt ma seħħ anzi l-provvista ta’ dan s-servizz ħżien immens?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari numru 22813 u 22815.

Kontribuzzjoni għall-kaxxi tal-pitkalija – dħul

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul minn meta żdiedet il-kontribuzzjoni għall-kaxxi tal-pitkalija u minn €.003 għal €.009 għal kull Ewro ta’ bejgħ lill-bdiewa, pitkala u xerrejja separatament sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li d-dħul għal kull ewro ta’ bejgħ lill-bdiewa, pitkala u xerrejja, minn Ottubru 2015 sa Jannar 2016 huwa ta : Pitkal – €16,447 Xerrej - €43,959.94 Bidwi – €43,917.71

Politika nazzjonali agrikola

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tiġi varata l-Politika Nazzjonali Agrikola li kien ħabbar is-Segretarju Parlamentari waqt id-diskors tal-baġit tiegħu f’Ottubru li għadda?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li fil-preżent il-kuntrattur imqabbad ippreżenta “Issues Paper” li qiegħda tiġi evalwata. Sussegwentament din l-Issues Paper ħa toħroġ għall-konsultazzjoni pubblika. Wara din il-konsultazzjoni pubblika jkun jista’ jiġi ppreżentat il-Pjan tal-Politika Agrikola Nazjonali. Il-konsultazzjoni pubblika hija ppjanata għall-aħħar ġimgħa ta’ Frar.

Refurbishment tal-pitkalija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jibda u jispiċċa r-refurbishment ta’ €1.6 miljuni tal-Pitkalija li ġew ivvutati fil-baġit li għadda? Il-Ministru ser jagħti garanzija illi dan il-Gvern, li dejjem ippriedka t-trasparenza, mhux ser jagħmel bħalma għamel 9 xhur ilu li wara 24 xahar fil-Gvern qata' ħesrem l-opportunità lill-bdiewa li tiġi refurbished il-pitkalija? Fiex ser jikkonsisti dan ir-refurbishment?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li mill-1998 sal-2013, perjodu ta’ 15 –il sena taħt Gvern Nazzjonalista, ma’ sar xejn fil-Pitkalija biex jiġi mtejjeb l-operat jew l-infrastruttura tal-post. Issa wara 180 xahar ta’ negliġenza u telqa, kif jistgħu jixhdu l-bdiewa, pitkala u xerrejja li jagħmlu użu mill-Pitkalija, l-Onor. Interpellant qed jippretendi li f’anqas minn 30 xhar isir ix-xogħol kollu li ma sarx f’180 xhar. Ninsab infurmat ukoll li dak li qed jallega l-Onor Interpellant, tant mhuwiex veru, li l-Gvern qata’ ħesrem l-opportunità lill-bdiewa li tiġi refurbished il-Pitkalija, li fil-fatt il-Gvern fl-estimi 2016 ivvota €1.6 miljun sabiex isir ir- refurbishment tant meħtieġ. Fil-mument qegħdin jiġu ppreparati t- tenders neċessarji, sabiex tiskatta l-proċedura tat- tenders ħalli f’qasir żmien jibdew jitwettqu x-xogħlijiet meħtieġa.

Marsaxlokk – Xatt is-Sajjieda — moll

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-moll użat mis-sajjieda f’Xatt is-Sajjieda, Marsaxlokk ma jibqax jiġi mblukkat b’ detriment għas-sajjieda nfushom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk illi matul Xatt is-Sajjieda hemm ħames mollijiet illi jintużaw mis-sajjieda u għaldaqstant l-Kunsill assuma li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-moll partikolari li jinstab biswit il-grawnd tal-futbol. Ir-responsabbilita’ tal-moll imsemmi hija fit-totalita’ tagħha tad-Dipartiment tas-Sajd. Intant il-karreġġjata li tagħti aċċess għall-moll imsemmi ma tippermettix illi jsir parkeġġ u għaldaqstant kemm-il darba ikun hemm ċirkostanzi li fihom ikun hemm karozzi pparkjati, dan ikun qiegħed iseħħ b’mod abużiv u suġġett għall-infurzar mill-Pulizija u/jew mill-Gwardjani Lokali. L-uniku ċirkostanza li jien infurmat li tagħlaq l-aċċess għall-imsemmi moll hija waqt l-operat tas-suq fil-beraħ ta’ nhar ta’ Ħadd.

Marsaxlokk – Xatt is-Sajjieda — moll

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-moll użat mis-sajjieda f’Xatt is-Sajjieda, Marsaxlokk ma jibqax jiġi mblukkat b’ detriment għas-sajjieda nfushom?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Pulizija diġà kienu żiedu ir-ronda tagħhom fl-inħawi tal-moll użat mis-sajjieda f’Xatt is-Sajjieda, Marsaxlokk biex il-passaġġ għal dan il-moll ma jibqax jiġi mblukkat. Meta jkun hemm karozzi li jimblukkaw l-aċċess dawn jitħarrku.

Marsaxlokk – Xatt is-Sajjieda — moll

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-moll użat mis-sajjieda f’Xatt is-Sajjieda, Marsaxlokk ma jibqax jiġi mblukkat b’ detriment għas-sajjieda nfushom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura qiegħed jikkordina mal-awtoritajiet kompetenti sabiex jiġi assigurat aċċess u użu adegwat ta’ din iż-żona li hi waħda pubblika.

Pitkalija – ħasil tal-kaxxi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed iwassal biex minn meta nbiddlu l-ħaddiema li kienu responsabbli mill-ħasil tal-kaxxi fil-Pitkalija u minflokhom ġew ingaġġati persuni oħra, qed ikun hemm nuqqas kbir ta’ iġjene fil-kaxxi? Ma jħossx il-Ministru illi peress li l-ħaddiema li kien hemm qabel tneħħew meta dawn kellhom ammont sostanzjali ta’ esperjenza f’dan ix-xogħol, is-sitwazzjoni ta’ iġjene tal-kaxxi tal-pitkalija kull ma jmur qed tmur mill-ħażin għall-agħar b’detriment kbir għall-bdiewa, pitkala u xerrejja?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li l-proċess tal-ħasil tal-kaxxi fil-Pitkalija baqa’ jsir bl-istess sistema li kienet tintuża qabel u mhux minnu li jirriżulta xi nuqqas kbir ta’ iġjene, anzi l-iġjene tal-ħasil tal-kaxxi tjieb peress li saret manutenzjoni estensiva fuq l-apparat tal-ħasil. Dan l-apparat kien ilu ma jkollu manutenzjoni ‘l fuq minn ħames snin, u għalhekk ma kienx jiffunzjona b’mod tajjeb. Issa li saret il-manutenzjoni meħtieġa, il-ħasil tal-kaxxi qed isir b'mod aħjar. B’referenza għat-tieni parti tad-domanda, ninsab infurmat ukoll li fil-proċess tal-ħasil tal-kaxxi m’hemm l-ebda intervent uman li jista’ jkun ta’ detriment għall-iġjene fil-ħasil.

Pitkalija — kaxxi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif ser jittieħdu passi konkreti biex il-bdiewa ma jkollhomx għalfejn imorru l-pitkalija numru ta’ drabi biex jieħdu l-kaxxi li jkollhom bżonn għall-prodotti tagħhom? Billi qed jirriżulta li qed ikun hemm nuqqas ta’ kaxxi għall-użu tal-bdiewa kontinwament, anke f’dan iż-żmien tas-sena meta d-domanda għall-kaxxi tal-pitkalija ma tkunx daqsekk kbira, jista’ l-Ministru jgħidx’inhu qed isir konkretament, biex il-bdiewa jkollhom il-kaxxi meħtieġa għall-użu tagħhom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li ma jidhirx li hemm nuqqas ta’ kaxxi f’dan iż-żmien tas-sena. Ninsab infurmat ukoll li mill-aħħar tas-sajf diġà ġew ċirkulati aktar minn 17,000 kaxxa ġdida għall-użu tal-bdiewa. Huwa kkalkulat li hemm eluf ta' kaxxi fiċ-ċirkolazzjoni, biżżejjed biex jinqdew il-bdiewa u x-xerrejja kollha mingħajr ħtieġa li joqogħdu jikkjujaw għalihom. Jekk jidher li jkun hemm xi nuqqas, dan hu kaġun tal-allarm li jinħoloq li jġiegħel lill-bdiewa, xerrejja u pitkala jaħżnu l-kaxxi għal meta jkollhom bżonn u b'hekk joħolqu skarsezza artifiċjali. Ninsab infurmat ukoll li għall-ewwel darba ħarġet rolling tender valida għal 3 snin sabiex il-provvista ta’ kaxxi tkun waħda kontinwa. Fil-preżent diġà ġiet sottomessa l-ewwel ordni ta’ kaxxi ġodda. Dawn se jiġu suppliti f’qasir żmien.