Legislature:
Category:
Reset
Active:

Residenza San Vinċenz de Paul — pazjenti

Question

Jista’ l-Ministru jivverifika jekk hux minnu li l-familjari tal- pazjenti li huma residenti fir-Residenza San Vinċenz de Paul, qed jintalbu biex jixtru pultruna għall- pazjenti qraba tagħhom biex jitniżżlu mis-sodda? Jekk dan hu minnu, minn ħa din id-deċiżjoni u għal liema raġuni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, l-amministrazzjoni tar-Residenza San Vinċenz de Paule, qatt ma tagħti struzzjonijiet bħal dawn u lanqas ma għandha informazzoni li dan sar.

Karozza tal-linja Numru 73 — frekwenza

Question

Jista’ l-Ministru jara li tiżdied il-frekwenza tal-karozza numru 73, speċjalment fil-peak hours, peress li qed timtela mill-ewwel u għalhekk qed jibqgħu l-passiġġieri l-art?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bit-tibdil li sar fin-network nhar l-20 ta’ Diċembru 2015, ir-rotta 73 żdiditilha l-frekwenza minn kull 30 minuta għal kull 20 minuta tul il-ġurnata kollha. Dan juri li l-frekwenza fuq din ir-rotta żdiedet u mhux naqqset. Dan iwaqqa’ l-argument tal-Oppożizzjoni li trid tmur lura għas-servizz kif kien qabel, fi żmien l-Arrival.

Karozza tal-linja Numru 117 – Żurrieq sa Sptar Mater Dei

Question

Jista’ l-Ministru jara x'inhi r-raġuni li jekk passiġġier jirkeb il-karozza tal-linja Numru 117 miż-Żurrieq biex imur l-Isptar Mater Dei, qed idum kważi sagħtejn biex jasal?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-20 ta’ Diċembru 2015, ir-rotta 117 ġiet estiża sabiex tibda sservi l-Isptar San Luqa. Din l-estensjoni waslet sabiex żdiet il-ħin tal-vjaġġ lejn l-Isptar Mater Dei. Wara li saret analiżi tan-numru ta’ passiġġieri li għamlu użu minn dan is-servizz, mill-inħawi tal-isptar San Luqa, irriżulta li l-patrunaġġ kien baxx ħafna. Għaldaqstant, ittieħdet id-deċiżjoni li din il-parti tar-rotta titneħħa u b’hekk jitnaqqas il-ħin tat-traġitt. Dan ser iseħħ fis-6 ta’ Marzu 2016.

Ċittadinanza Maltija – nazzjonalità Ingliża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk individwu ta' nazzjonalità Ingliża li jkun ilu jgħix hawn Malta għal dawn l-aħħar 27 sena hux intitolat għaċ-ċittadinanza Maltija? Jekk fl-affermattiv, x'inhi l-proċedura li jrid isegwi dan l-individwu biex jikseb iċ-ċittadinanza Maltija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil Onor.Interpellant illi individwu li m’għandux dritt li jkun irreġistrat bħala ċittadin Malti jista’ japplika għaċ-ċittadinanza Maltija b’naturalizzazzjoni taħt l-artiklu 10(1) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija, Kap. 188 tal-Liġijiet ta’ Malta, kemm-il darba l-individwu jissodisfa l-kriterji elenkati fl-artiklu in kwistjoni. Il-Ministru responsabbli għandu d-diskrezzjoni dwar l-għoti taċ-ċittadinanza taħt dan l-artiklu. Jekk l-individwu li qiegħed jagħmel referenza għalih l-Onor. Interpellant ilu jgħix f’Malta sebgħa u għoxrin (27) sena, jista’ jissottometti applikazzjoni taħt l-Artiklu 10(1). Għal dan il-għan, huwa jista’ jagħmel kuntatt mal-Unit taċ-Ċittadinanza fi ħdan l-Aġenzija Identity Malta . L-uffiċċju taċ-Ċittadinanza jinsab St. Elmo Place, Evans Building, Valletta. Kuntatt ma’ dan l-uffiċċju jista’ jsir permezz tat-telefon fuq il-linji 25904168 u 25904812 jew permezz ta’ e-mail fuq l-indirizz elettroniku citizenship@gov.mt .

Produzzjoni tat-tadam — sussidju

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li s-sussidju fuq il-produzzjoni tat-tadam hekk kif miftiehma minn dan il-Gvern, intrabtet li tkun yield per hectare u mhux ma' kull kilo tadam prodott kif kien il-ftehim magħmul mill-Gvern preċedenti mmexxi mill-Partit Nazzjonalista?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li r-regoli li jiggvernaw din l-iskema ta’ ħlas ta’ Fondi Ewropej huma dawk li jinsabu fir-regolament tal-Kunsill nru 1307/2013 u mhux f'xi ftehim. Dan ir-regolament ġie negozjat bejn l-aħħar tal-2011 u Ġunju tal-2013. Filwaqt li l-iskema ta' voluntary coupled support tħallik tħallas setturi sensittivi biex jinżamm il-livell ta' produzzjoni, dan mhuwiex b'rabta mal-kilogrammi prodotti f'ebda stat membru, u dan skont dak li ġie diskuss u maqbul fil-Kunsill inkluż fi żmien gvern preċedenti, u kif konfermat f'taħdidiet mal-Kummissjoni Ewropea. Ninsab infurmat li għaldaqstant mhux korrett li wieħed jindika li kien hemm xi bidla f'xi ftehim bejn amministrazjoni u oħra.

Transport Malta – karozzini reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ karozzini rreġistrati ma’ Transport Malta, sena b’sena, mill-2012 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi n-numri ta’ karozzini reġistrati ma’ Transport Malta sena b’sena mill-2012 sa l-aħħar ta’ Jannar tal-2016, huwa kif jidher fit-tabella t’hawn taħt: Sena Numru ta’ Karozzini Reġistrati 2012 111 2013 111 2014 111 2015 111 2016 (sa Jannar) 111

Transport Malta – trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa lill-Gvern it-trasport pubbliku f’dak il-perjodu meta s-servizz kien jitmexxa minn Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz tat-trasport pubbliku qatt ma kien jitmexxa minn Transport Malta, li hi entità regolatorja, iżda minn entità differenti. Hija tassew inkwetanti li l-Onor. Interpellant, li għal perjodu twil kien ix- Shadow Minister tat-trasport , ma jafx l-aktar affarijiet bażiċi f’ suġġett li tiegħu kien responsabbli.

Minibuses reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ minibuses irreġistrati biex iġorru t-tfal tal-iskola sena b’sena mill-2012 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ma żżommx dettalji ta’ minibuses irreġistrati biex iġorru t-tfal tal-iskola, iżda jkollha statistika ta’ minibuses in ġenerali. L-ammont ta’ minibuses ġodda li ġew reġistrati kull sena mis-sena 2012 huwa hekk kif ġej: Sena Ammont 2012 54 2013 33 2014 40 2015 71 2016 (sal-lum) 9

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – xogħol ta’ konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u min huma l-konsulenti mqabbdin mill-Ministeru tiegħu, x’inhu x-xogħol eżatt tagħhom u kemm qed jitħallsu, minn Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Rigward konsulenza li ngħatat lill-Continental Shelf,nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 23476.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — Karozzi tal-kiri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi tal-kiri fid-dipartimenti u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u kemm qed iħallas tagħhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa fil-Ministeru tat-Trasport u l-Infrastruttura hemm 26 karozza tal-kiri, Transport Malta tagħmel użu minn 41 karozza tal-kiri filwaqt li l-Grand Harbour Regeneration Corporation għandha żewġ karozzi mikrija. Il-ħlas tagħhom ivarja skont it-tip u mudell ta’ vettura.
Leg 12 PQ #22882 Sitting 362 2016-02-29 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Villa Francia — Attivitajiet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22612 u jgħid jekk is-Sinjura Muscat u hu, flimkien jew separatament, ġieli organizzaw riċevimenti jew attivitajiet oħra fid-dar uffiċjali tal-Gvern imsejħa Villa Francia, f’Ħal Lija u jekk iva, jista’ l-Prim Ministru jagħti break down ta’ liema kienu dawn l-attivitajiet jew riċevimenti, meta saru, u kemm kienet l-ispiża biex saru f’kull każ?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Kif kien jiġri fl-aħħar leġiżlatura, minn żmien għal żmien jien u l-mara tiegħi nilqgħu nies differenti f’okkażjonijiet varji f’Villa Francia. Għad-dettalji dwar ir-riċevimenti/laqgħat/laqgħat soċjali organizzati f’Villa Francia bejn Marzu 2013 u Gunju 2014 nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 7100. Għad-dettalji dwar r-riċevimenti/laqgħat/laqgħat soċjali organizzati f’Villa Francia bejn Gunju 2014 u Dicembru 2014 nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 15056. Matul l-2015 kien hemm 10 okkażjonijiet fejn saru riċevimenti/laqgħat/laqgħat soċjali f’Villa Francia bi spiża medja ta’ €3,750 f’kull okkażjoni. Numru minn dawn ir-riċevimenti kienu jiġu organizzati anki mill-amministrazzjoni preċedenti f’Villa Francia bħal fl-okkażjoni tal-Fiera Internazzjonali ta’ Malta u fl-okkazjoni tal-festa ta’ Ħal Lija. Fl-2015 kien hemm ukoll riċeviment speċjali organizzat fl-okkażjoni tal-ħatra ta’ Arċisqof ġdid. Okkazjonijiet ohra fl-2015 kienu jinkludu attivitajiet b’rabta ma’ żjarat f’pajjizna minn delegazzjonijiet għolja barranin, riċevimenti għas-soċjetà civili u għaqdiet mhux governattivi u attivita fl-okkażjoni tal-Milied. Niġbed l-attenżjoni tal-Onor Interpellant li meta fl-aħħar leġiżlatura deputati tal-Oppozizzjoni talbu informazzjoni dwar Villa Francia kien hemm okkażjonijiet fejn il-Prim Ministru ta’ dak in-nhar kien wieġeb li l-informazzjoni mitluba kienet tirrikjedi ħafna xogħol u ma ingħatatx (PQ 26,428 - Seduta 373 - Leġiżlatura XI).

Raħal Ġdid – pjazza — siġar

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn se jiġu mħawwla mill-ġdid is-siġar li se jinqalgħu mill-pjazza ta' Raħal Ġdid (Paola) biex ikun jista' jsir il-proġett tal-pjazza li se jibda fil-ġranet li ġejjin?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Rotot tat-trasport pubbliku – tibdil fil-ħinijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jerġgħu jiġu riveduti l-ħinijiet u r-rotot tal-karozzi tal-linja, wara li jidher li dawn ma ntlaqgħux tajjeb mill-pubbliku?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif diga’ gie imħabbar fil-preżent, Transport Malta qegħda tevalwa l-ilmenti li irċeviet sabiex, fejn ikun hemm bżonn u jkun possibli, jitwettaq l-aġġustament neċċessarju. L-ewwel aġġustament li huwa mistenni jidħol fis-seħħ huwa fuq dawk ir-rotot li primarjament jikkonċernaw l-isptar Mater Dei u ir-rotta X1.

Malta Public Transport – Transport Malta — spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta hux qed tagħmel spezzjonijiet regolari fuq il-karozzi tal-linja tal-Malta Public Transport? Kemm-il spezzjoni saret xahar b'xahar fl-2015?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċjali ta’ Transport Malta jwettqu b’mod regolari spezzjonijiet fuq karozzi tal-linja tal-Malta Public Transport. In-numru ta’ spezzjonijiet li twettqu xahar b’xahar matul is-sena 2015 huwa hekk kif ġej: Xahar Numru ta’ Spezzjonijiet Jannar 191 Frar 330 Marzu 423 April 358 Mejju 292 Ġunju 323 Lulju 277 Awwissu 335 Settembru 252 Ottubru 290 Novembru 302 Diċembru 278

Transport Malta – karozzi tal-linji – skeda tal-ħinijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-uffiċjali ta’ Transport Malta humiex jiċċekkjaw li l-karozzi tal-linja qegħdin iżommu mal-iskeda tal-ħinijiet (timetable)?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta baqgħet għaddejja bl-istess proċess ta’ moniteraġġ li kienet twettaq qabel kif ukoll spot-checks fejn ikun hemm il-bżonn, biex jiżguraw li tal-linja qegħdin iżommu mal-iskeda tal-ħinijiet (timetable).

Bus stops – electronic boards

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-electronic boards li kien hemm f’ħafna bus stops fi żmien l-Arriva, m’għadhomx jaħdmu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-operatur tat-trasport pubbliku f’dawn l-aħħar xhur bidel is-sistema tas-software kif ukoll is-sistema tal-hardware tiegħu. Din tinkludi fost oħrajn, l-informazzjoni li tidher fuq l-electronic boards li hemm imwaħħla fuq numru ta’ bus stops. Infurmat ukoll li din is-sistema fil-preżent qed tiġi ttestjata u huwa mistenni li l-istess electronic boards ser ikunu qegħdin jaħdmu kif suppost fil-ġimgħat li ġejjin.

Autobuses de Leon — kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jippubblika l-kuntratt li ġie ffirmat mal-Autobus de Leon peress li kien wiegħed li se jippubblikah madwar sena ilu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt li ġie ffirmat mal-Autobus de Leon ġie mpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ġimgħa l-oħra.

Aġenzija Appoġġ — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu ħaddiema ġodda u f’liema grad mal-Appoġġ mit-13 ta’ Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma, sena sena,?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, t-tagħrif mitlub minnu jinsab fit-tabella li qed titpogga fuq il-mejda tal-kamra.

Applikazzjoni għall-post tal-Gvern – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara fiex wasal il-każ tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament illi applikat għall-post tal-Gvern tliet snin ilu minn meta kienet f’Dar Merħba Bik, imma sal-lum għada bla risposta?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-każ imsemmi minnu qiegħed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.

St. Vincent De Paul — laundry

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta jkun hemm ħaddiema bis-sick fil-laundry ta’ St. Vincent De Paul (SVDP), minflok jiddaħħlu l-ħaddiema ta’ SVDP bl-overtime, idaħħlu ħaddiema tal-kuntrattur? Jekk dan hu minnu, x’inhi r-raġuni li qed isir dan?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-complement tal-ħaddiema (kemm ħaddiema tal-gvern, kif ukoll ħaddiema tal-kuntrattur), fis-sezzjoni tal-laundry huwa milħuq.