Legislature:
Category:
Reset
Active:

Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020 — miżuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jiftħu l-ewwel miżuri tal-Programm Għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020? Se jsiru laqgħat informattivi mal-bdiewa qabel jinfetħu dawn il-miżuri?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li l-ewwel miżuri mill-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020, infetħu fit-28 ta' Marzu 2016. Għat-tieni parti ta’ din id-domanda, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ġbejna Maltija – timbru ta’ kwalità Ewropew

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għadux għaddej il-proċess sabiex il-Ġbejna Maltija tingħata t-timbru ta’ kwalità Ewropew magħruf bħala PDO (Protected Designation of Origin) jew PGI (Protected Geographical Indication)?

Response (BRINCAT, LEO)

Minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex, kif diġà ġie mwieġeb f’risposta preċedenti għall-Mistoqsija Parlamentari 22926, jagħmel din id-domanda lill-Ministru kkonċernat.

L-Imqabba – Triq l-Imqabba u Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija — bankini

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsiru l-bankini fi Triq l-Imqabba u fi Triq il-Konvoj ta' Santa Marija fl-Imqabba peress li dawn huma toroq traffikużi u min ikun miexi f'dawn it-toroq ikun qiegħed f'periklu li jintlaqat minn xi karozza? Dan anke għall-fatt li dawn huma toroq distributorji u għalhekk jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tiegħu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-suġġeriment tiegħu qiegħed jiġi kkunsidrat.

Marsaxlokk – Triq il-Port Ruman – tneħħija ta’ Stage

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex stage li kien jinsab fi Triq il-Port Ruman f'Marsaxlokk tneħħa?

Response (MIZZI, JOE)

Nifhem li bi stage l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għal bus stop. Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar snin ma kien hemm l-ebda rotta tat-trasport pubbliku li tgħaddi minn Triq il-Port Ruman f'Marsaxlokk.

Iż-Żurrieq – Triq il-Belt Valletta – coping ta’ ġebel nieqes

Question

Jista’ l-Ministru jara li fejn hemm coping tal-ġebel nieqes fi Triq il-Belt Valletta fiż-Żurrieq jerġa’ jitpoġġa, peress li din hi triq distributorja u għalhekk taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tiegħu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-coping li huwa nieqes se jiġi sostitwit.

Kunsill Konsultattiv għall-Agrikoltura — operat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Konsultattiv għall-Agrikoltura hux jopera u xi proponimenti għamel biex ikun hemm titjib fil-qasam agrikolu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari minn Marzu sa tmiem l-2015, il-Kunsill Konsultattiv għall-Agrikoltura għamel tmien laqgħat, stieden diversi kelliema, attenda diversi laqgħat ta' konsultazzjoni mad-diversi setturi agrikoli. Ninsab infurmat ukoll li dan il-Kunsill għamel diversi sottomissjonijiet waqt id-diskussjoni interna dwar l-abbozz tal-Politika Agrarja li iżda għadu qed ikun finalizzat.

Prodotti Agrikoli – Kwalità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għadux kommess li joħloq skema ta’ kwalità għall-prodotti agrikoli? Jekk iva, mil-liema setturi se jibda u kif se jitħaddem il-proċess ta’ ċertifikazzjoni? Sar xi forma ta’ market survey mal-konsumatur fuq il-prodotti agrikoli Maltin li huma distinti minn oħrajn?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat illi l-Gvern diġà stabilixxa l-iskema ta’ kwalità permezz tal-liġi sussidjarja 427.90 liema emendi ġew ikkomunikati lill-Kummisjoni Ewropea fl-1 ta’ Frar, 2016. Flimkien mal-emendi fil-ligi ġew ukoll ikkomunikati l-istandard tal-ħalib, ir-regoli ta’ implimentazzjoni tal-iskema u r-regolamenti fuq is-sistemi ta’ kontroll tal-iskema. Ninsab infurmat ukoll li f’Jannar ħarġet espressjoni ta’ interess għall-korpi ta’ kontroll li ser ikunu qed jiġu ingaġġati mill-operaturi li jipparteċipaw fl-iskema liema spejjeż ser ikunu eliġibbli għal-sussidju mill-pjan għall-iżvilupp rurali 2014- 2020. L-iskema ta’ Kwalità ser tkun qed titħaddem mid-Direttorat tal-Agrikolutra fejn se jkun qiegħed jirċievi applikazzjonijiet b’mod elettroniku li tippermetti monitoraġġ tal-produzzjoni ta’ kwalità permezz tà sistema ta’ traċċabilità li qed tiġi żviluppata apposta għal din l-iskema. Il-proċess ta’ ċertifikazzjoni jkun jikkonsisti fl-applikazzjoni, fis-sistemi ta’ kontroll, dak intern (li għandu jagħmlu l-operatur stess) estern (dak li jagħmlu il-korp ta’ kontroll) u superviżjoni (dak li jsir mid-Direttorat tal-Agrikoltura) u aċċess għas-sistema ta’ traċċabilità li tagħti l-possibbilita’ ta’ monitoraġġ kontinwu għal-produzzjoni ta’ Kwalità. Ninsab infurmat ukoll li l-għodda valida tal-market surveys tagħti l-iżjed frott fl-istadju ta’ marketing ta’prodotti koperti minn marka u/jew sistema ta’ kwalità; għalhekk lejn l-aħħar tas-sena 2015 kien sar sondaġġ fuq il-perċezzjoni tal-konsumatur fuq l-inbejjed fl-iskemi DOK u IGT ta’ Malta. Eżerċizzji oħrajn jitniedu hekk kif jiżdiedu l-prodotti koperti mill-marka ta’ kwalità ta’ Malta.

Bidwi Attiv — definizzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk id-definizzjoni ta’ “Bidwi Attiv” (Active Farmer) għadhiex tinkorpora fiha distinzjoni bejn bidwi full-time u bidwi part-time? Hu maħsub li ssir skema ta’ riklassifikazzjoni tal-bdiewa u raħħala abbażi ta’ kriterji tanġibbli bħal dħul mill-prodott agrikolu, jew ammont ta’ art li tinħadem jew bhejjem fir-razzett?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li d-definizzjoni ta’ bidwi attiv għal skop ta’ reġistrazzjoni għall-għajnuniet tal-UE qatt ma inkludiet distinzjoni bejn ‘full-time’ u ‘part-time’ farmer, peress li din hi biss marbuta mal-istat tal-impjieg ta’ persuna, iżda pjuttost hi marbuta ma’ attività minima indispensabbli għaż-żamma tar-raba’. Ninsab infurmat ukoll li l-Gvern qiegħed jikkunsidra liema triq tkun l-aħjar sabiex il-biedja Maltija tingħata l-importanza li jixirqilha. F’dan il-kuntest ninsab infurmat li dan il-Gvern beda proċess biex għall-ewwel darba f’Malta ikun hawn politika speċifika għall-agrikoltura li dwarha nissuġġerixxu li l-Onor. Interpellant jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu fejn dawn jingħataw il-kunsiderazzjoni li jixiriqilhom.

Pitkalija — riforma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet ir-riforma tal-Pitkalija? X’inhu jsir fir-rigward ta’ nuqqas ta’ kaxxi ħodor u s-serbut ta’ bdiewa jistennew għall-kaxxi li reġgħat saret realtà fil-Pitkalija?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li l-ewwel fazi tar-riforma fil-Pitkalija bdiet billi qed isir xogħol estensiv fil-bini kif ukoll fil-makkinarju fejn jinħaslu l-kaxxi. Dan il-proġett se jwassal għal servizz aktar effiċjenti u ta’ kwalità għolja biex jinqdew il-bdiewa kif ukoll nissalvagwardjaw is-Saħħa u s-Sigurtà tal-ħaddiema. Ninsab infurmat ukoll li tenders relatati mal-proċess tat-tibdil tas-soqfa eżistenti fejn joperaw il-pitkala kif ukoll it-tibdil tal-loading bays qegħdin fi stadji avvanzati sabiex jiġu ppubblikati. Apparti minn hekk, proġett bħal dan irrikjeda diskussjonijiet kif ukoll pariri professjonali fejn ġew osservati l-aħjar struttura għall-bini eżistenti sabiex jibbenefikaw l-istakeholders kollha ta' dan il-qasam. Fir-rigward tal-provvista tal-kaxxi, ninsab infurmat li rċevejna l-ewwel konsenja mir-rolling tender fejn qdejna l-bidwi b'aktar minn 6,000 kaxxa ġdida f'ġimagħtejn. Il-bidwi qed ikollu aktar serħan il-moħħ illi meta jmur il-Pitkalija, jaf li se jsib il-kaxxi kif ukoll titjib fis-servizz fil-ħasil tal-kaxxi.

Programm għall-Iżvilupp Rurali – 2007-2013 — fondi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm fondi tal-Programm Għall-Iżvilupp Rurali 2007-2013 li ġew assorbiti? Kien hemm fondi mitlufa ta’ proġetti li ma ġewx magħluqa sal-aħħar tal-programm? Jekk iva, kemm jammontaw dawn il-fondi mitlufa?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, ninsab infurmat li l-allokazzjoni ta’ fondi Ewropej taħt il-Programm ta’ Żvilupp Rurali għas-snin 2007-2013 kien ta’ €77,653,355. Minnhom ġew imħallsin €77,612,644 mill-ARPA sal-31 ta’ Diċembru, 2015. Ninsab infurmat ukoll li ma ntilfu ebda fondi minħabba proġetti mhux magħluqin.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – xogħlijiet ta’ konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u min huma l-konsulenti mqabbdin mill-Ministeru tiegħu, x’inhu x-xogħol eżatt tagħhom u kemm qed jitħallsu inkluż allowances u perkaċċi oħra?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 17955.

Dipartiment tal-Agrikoltura (Għammieri) – Parks Division – tħawwil ta’ siġar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħawwlu siġar, maqsumin skont l-ispeċi, mill-Parks Division tad-Dipartiment tal-Agrikoltura Għammieri sena b’sena mill-2012 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li m’hemm l-ebda Parks Division fi ħdan id-Direttorat tal-Agrikoltura. Minkejja dan, skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

MCAST – Istitut tal-Agrikummerċ – investimenti kapitali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’investimenti kapitali qed isiru fl-MCAST fl-Institute of Applied Science li jinkludi dak li qabel kien l-Istitut tal-Agrikummerċ (Agribusiness)?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Istitut tax-Xjenza Applikata fi ħdan l-MCAST ġie rilokat f’binja ġdida li hija mgħammra bl-aħħar tagħmir modern li ġie ffinanzjat parzjalment mill-Fond ta’ Żvilupp Reġjonali tal-Unjoni Ewropea. L-investiment kapitali huwa kollu ġdid u jikkonsisti fil-binja ġdida kif ukoll f’tagħmir modern. In-nefqa totali ta’ dan l-investiment, li kien jinkludi wkoll investimenti f’binja oħra ġdida tal-MCAST, kienet ta’ €6.9 miljun li minnhom €3.7 miljun jistgħu jiġu attribwiti lill-Istitut tax-Xjenza Applikata a bażi ta’ metri kwadrati. L-investiment f’tagħmir li kien iffinanzjat mill-Fond ta’ Żvilupp Reġjonali, Fond Soċjali Ewropew kif ukoll fondi lokali ammonta għal madwar €1.64 miljun. Bħala parti minn dan l-istess Istitut, hemm ukoll il-branka tal-Agrikummerċ. F’din il-binja l-MCAST qiegħed ukoll jinvesti gradwalment fit-titjib tal-post fejn fost l-oħrajn saru xogħlijiet ta’ tisbiħ fil-bitħa prinċipali tal-binja fejn l-istudenti jistgħu jgawdu spazju miftuħ fejn jiltaqgħu u jirrikrejaw ruħhom kif ukoll hemm ippjanat li jsiru xogħlijiet strutturali biex jitjiebu l-ispazji interni. Permezz tal-Fond Soċjali Ewropew, inxtara wkoll tagħmir speċjalizzat li l-ispiża tiegħu kienet tammonta għal madwar €54 elf.

MCAST – Agrikummerċ — studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ studenti li attendew korsijiet fl-MCAST Istitut tax-Xjenza Applikata (Agrikummerċ) sena b’sena mill-2012 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-għadd ta' studenti li attendew korsijiet tal-Agrikummerċ fl-MCAST mill-2012 sa din is-sena akkademika hu kif se nsemmi: Sena Akkademika Numru ta’ Studenti 2012-13 180 2013-14 172 2014-15 181 2015-16 187

MCAST – Għawdex – kors ta’ Agrikummerċ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Istitut tax-Xjenza Applikata (Agrikummerċ) tal-MCAST jibda joffri korsijiet f’Għawdex?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fil-prospectus tal-korsijiet full time, l-MCAST diġà qed joffri “Foundation Certificate in Horticulture and Animal Care”, kors f’livell 2 tal-Qafas Malti tal-Kwalifiċi. Bħalissa dan il-kors mhuwiex miftuħ minħabba nuqqas ta’ applikanti. Madankollu l-MCAST huwa kommess li jibqa’ joffrih u li jipprova jħeġġeġ u jħajjar studenti illi jidħlu f’dan is-settur tant importanti.

Bdiewa — għajnuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tingħata xi għajnuna lill-bdiewa li sofrew minħabba n-nixfa u n-nuqqas kbir ta' xita matul din ix-xitwa?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li filwaqt li l-Gvern qed jeżamina s-sitwazzjoni dwar kif jistgħu jiġu megħjuna dawn il-bdiewa, fil-preżent għadhom għaddejjin diskussjonijiet tekniċi fi ħdan l-organi tal-Kunsill tal-Ministri sabiex jiġu maqbula mal-Kummissjoni Ewropea l-istrumenti legali li jirregolaw l-għajnuniet statali li għandhom japplikaw biex jindirizzaw din is-sitwazzjoni.

San Vinċenz – bejgħ ta’ siġar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inbiegħu siġar lill-bdiewa u membri tal-pubbliku mill-mixtla tal-Gvern f’San Vinċenz sena b’sena mill-2012 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma skont l-ispeċi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li mill-mixtla ta’ San Vinċenż de Paule fi ħdan id-Direttorat tad-Diversifikazjoni u Kompetitività bejn Ottubru 2012 sal-lum, inbigħu l-ispeċi u ammonti ta’ siġar tal-frott kif jidhru fit-Tabella li qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Qasam tal-Agrituriżmu — bdiewa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm għaqdiet tal-bdiewa li jaħdmu fil-qasam tal-Agrituriżmu u x’għajnuna qed jirċievu mill-Gvern?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li sa issa ma hemm l-ebda għaqda tal-bdiewa li taħdem speċifikament fl-Agrituriżmu.