Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat għall-bdiewa mill-Farm Advisory Services (FAS) sena b’sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din l-mistoqsija parlamentari?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħatat għajnuna biex jiġu rranġati ħitan tas-sejjiegħ sena b’sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li mill-2013 sal-lum ingħataw €41,246.44 f’għajnuna biex jiġu rranġati ħitan tas-sejjieħ. Ninsab infurmat ukoll li din l-għajnuna ngħatat permezz tal-miżura 313 tal-programm ta’ Żvilupp Rurali 2007-2013 taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.
Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir minn Transport Malta fir-rigward ta’ vetturi bil-pjanċi ta’ barra li hawn fit-toroq mingħajr ma jkunu ħallsu r-reġistrazzjoni fuq il-vetturi? Kemm saru spezzjonijiet mis-sena 2015 sal-lum fuq dawn il-vetturi u kemm instabu vetturi li mhumiex konformi? Kemm-il vettura inġabret minn Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Artiklu 18 tal-Att dwar ir-reġistrazzjoni u l-liċenzjar ta' vetturi bil-mutur, jistipula li kull vettura rreġistrata f’pajjiz ieħor tista' tiddaħħal u tinstaq f’Malta temporanjament għal perjodu konsekuttiv li ma jkunx jaqbeż seba’ xhur f’perjodu ta' tnax il-xahar iżda, l-Uffiċjali tal-Pulizija kif ukoll l-Uffiċjali tal-Awtorita' jwaqqfu vetturi reġistrati barra minn Malta u fejn l-vettura tinstab li mhux qiegħda skont ir-regolamenti stipulati, allura dik il-vettura tiġi rmunkata.
Ma tinżammx statistika speċifika tal-ispezzjonijiet li jsiru f’dan ir-rigward. In-numru ta’ vetturi bi pjanċi barranin li nġabru minn Transport Malta matul is-sena 2015 kienu ħamsa.
Transport Malta – uffiċini ġewwa l-Għassara tal-Għeneb
Question
Jista’ l-Ministru jgħid hux minnu li l-uffiċini ta’ Transport Malta ġewwa Xatt l-Għassara tal-Għeneb ser jinkrew lil terzi persuni u ser jinstabu uffiċini alternattivi għall-ħaddiema ta’ Transport Malta? X’inhi r-raġuni għal din id-deċiżjoni u x’jagħmel ġustifikata deċiżjoni bħal din?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni finali f’dan ir-rigward. Għaldaqstant ma hemmx iktar informazzjoni f’dan l-istadju.
Tkabbir ta’ uċuh u annimali ta’ razez tradizzjonali Maltin
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jingħataw inċentivi biex bdiewa u raħħala jkabbru u jrabbu uċuħ u annimali ta’ razez tradizzjonali Maltin?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li l-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020 jinkludi miżura numru 10.1, li tinkludi l-miżuri agro-ambjentali klimatiċi numru 6 li hija intenzjonata għal dawk il-bdiewa u r-raħħala li jixtiequ jimplimentaw proġetti li permezz tagħhom jiġu konservati riżorsi ġenetiċi lokali. Ninsab infurmat ukoll li l-bdiewa u r-raħħala se jingħataw għajnuna għat-tkabbir u manutenzjoni ta’ siġar tal-ħarrub u taċ-ċawsli u għaż-żamma tat-tiġieġa s-sewda Maltija u l-gendus Malti.
Bdiewa u raħħala li jarmaw il-pannelli fotovoltajiċi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li bdiewa u raħħala li jarmaw il-pannelli fotovoltajiċi jingħataw xi forma ta’ għajnuna?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari ninsab infurmat li l-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020 jinkludi provvista għal għajnuna għall-bdiewa u r-raħħala li jixtiequ jagħmlu investiment f’tagħmir li jiġġenera enerġija minn sorsi rinovabbli bħala parti mill-proġett tagħhom. Ninsab infurmat ukoll li fix-xhur li ġejjin se jinħarġu sejħiet għal proġetti taħt il-miżura 4.1.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jagħmel il-Gvern biex iħajjar lill-bdiewa biex jiddiversifikaw il-produzzjoni tagħhom billi jkabbru varjetajiet ta’ ħaxix u frott ġodda?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni mogħtija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ninsab infurmat li ġie mwaqqaf Direttorat ġdid fi ħdan il-Ministeru responsabbli għal Agrikoltura bil-għan li jieħu ħsieb id-diversifikazjoni fil-biedja. Dan id-Direttorat qed jieħu ħsieb l-amministrazzjoni tal-crop husbandry fl-Għammieri u l-mixtla tas-siġar tal-frott f’San Vinċenz. Hawnhekk qed isiru studji u riċerka fuq diversifikazjoni ta’ numru ta’ varjetajiet ġodda ta’ ħxejjex u siġar ta’ frott kif ukol fuq varjetajiet lokali, biex eventwalment il-bdiewa jkunu jistgħu jiddiversifikaw il-prodotti tagħhom skont id-domanda tas-suq.
Ninsab infurmat ukoll li d-disseminazjoni ta’ informazjoni biex il-bdiewa jitħajru jiddiversifikaw issir permezz ta’ artikli diversi fir-rivista ‘Nisġet Artna’, permezz ta’ viżiti għand il-bdiewa diversi u b’demonstration plots fl-Għammieri. Varjetajiet ġodda ta’ siġar tal-frott mill mixtla tas-siġar tal-frott jiġu mħabbra fuq il-mezzi tax-xandir, permezz ta’ ‘posters’ u sms’s lill-bdiewa.
Transport Malta – uffiċini ġodda – Health and Safety Assessments
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk sarux xi Health and Safety Assessments fir-rigward tal-uffiċini l-ġodda ġewwa A3 Towers f’Raħal Ġdid qabel ma’ ħarġu l-permessi relatati maċ-Change of Use għall-uffiċini? Jekk dawn il-Health and Safety Assessments fil-fatt saru u ġew ippreżentati lill-MEPA, jista’ l-Prim Ministru jpoġġi kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għal Mistoqsija Parlamentari Nru 24215.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ilu li daħal fis-seħħ ir-Rural Policy and Design Guidance fl-2014 kemm kien hemm applikazzjonijiet li daħlu l-MEPA fuq
a) wineries;
b) olive oil buildings;
c) bee keeping;
d) farm retail outlets;
e) visitors’ attractions;
f) Agro tourism accomodation?
Kemm kien hemm minnhom li ġew aċċettati u konsegwentament ħarġilhom il-permess neċessarju?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninforma lill Onor Interpellant li t-taghrif mitlub huwa hawn anness.
Tip
Numru ta’ Applikazzjonijiet validati mit-22 ta' Awwissu 2014
Numru ta’ Applikazzjonijiet aċċettati u li l-permess ġie mibgħut
a. Wineries
1
0
b. Olive Oil Buildings
2
1
c. Bee Keeping
3
0
d. Farm Retail Outlets
2
1
e. Visitors Attractions
6
2
f. Agro Tourism Accommodation
1
0
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ kumpaniji u/jew individwi li pprovdew materjal, equipment u servizzi biex saru x-xogħlijiet relatati mal-uffiċini l-ġodda ta’ Transport Malta ġewwa l-A3 Towers f’Raħal Ġdid u l-materjal/servizz/equipment li kull kumpanija/individwu pprovda? Dawn is-servizzi/materjal/equipment ġew provduti b’direct order jew b'tender? Kemm hu l-valur ta’ kull direct order/tender?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi-rigward tal-uffiċini l-ġodda ġewwa l-A3 Towers ngħataw dawn ix-xogħlijiet:
Supplier
Description
Tender / Direct Order
Invicta
Office furniture
Tender
BDI Ltd
Office chairs
Tender
Vivendo Projects Ltd
Office furniture u flash doors
Tender
Sirap
Power Supplies
Tender
Motive Services
Generator
Tender
Firetech
Argonite system
Tender
Stereo Vision
CCTV system
Tender
Faro Group
Fire alarm system
Tender
Firstil
Antistatic raised PVC flooring
Direct order
Operatur tat-trasport pubbliku – multi mogħtija minn Transport Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk bdewx jingħataw multi minn Transport Malta lill-operatur tat-Trasport Pubbliku? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid, xahar b’xahar, x’multi ngħataw, għall-kemm jammontaw fi flus u għalxiex ingħataw dawn il-multi?
Response (MIZZI, JOE)
Nibda sabiex ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt il-ġdid li jirregola is-servizz tat-trasport pubbliku jesiġi li l-operatur tat-trasport pubbliku jipprovdi servizz li huwa affidabbli, sikur, kif ukoll ta’ kwalita għolja f’kuntest ta’ nollijiet regolati. Għaldaqstant, il-metodu li bih jingħataw il-penali minħabba li l-operatur tat-trasport pubbliku ma jkunx aderixxa ruhu mal-esiġenzi li hemm stipulati fil-kuntratt ġew mibnija sabiex jilħqu dan il-għan.
Il-kuntratt il-ġdid jagħmel distinzjoni bejn dawk in-nuqqasijiet li l-operatur jista’ jirranġa, bħal per eżempju f’każ li l-Announcement System fuq karozza tal-linja ma’ tkunx qed taħdem jew taħdem sew, u dawk in-nuqqasijiet fejn l-operatur ma’ jkunx jista’ jirranġa u li jkunu ġew identifikati, bħal per eżempju li xufier jinqabad jitkellem fuq it-telefon ċellulari tiegħu waqt li qed isuq. Tali distinzjoni ma’ kinitx teżisti taħt il-kuntratt preċedenti u l-multi kienu jiġu applikati ġaladarba jiġi innutat xi nuqqas. Irriżulta li l-proċedura li kienet addottata taħt il-kuntratt preċedenti ma tantx kienet timmotiva lill-operatur tat-trasport pubbliku sabiex jindirizza n-nuqqasijiet identifikati u kien għalhekk li l-proċedura addottata taħt il-kuntratt il-ġdid inbidlet hekk kif ġej:
F’każijiet fejn l-operatur tat-trasport pubbliku jista’ jirranġa n-nuqqasijiet identifikati, dan jingħata:
- perjodu ta’ jumejn min-notifika f’każ li n-nuqqasijiet identifikati jkunu ta’ natura li jirrigwardjaw is-saħħa u sigurta’ tal-passiġġieri sabiex jindirizza n-nuqqasijiet identifikati;
- perjodu ta’ xahar f’każ fejn in-nuqqasijiet identifikati ma’ jkunux ta’ din in-natura sabiex jindirizza n-nuqqasijiet identifikati.
Ġaladarba dan il-perjodu jiskadi, l-operatur tat-trasport pubbliku jinforma lil Transport Malta jekk ikunx irranga in-nuqqasijiet identifikati jew le. L-Awtorita’, min-naħa tagħha tibgħat lill-uffiċjali tagħha sabiex tivverifika dak li jkun iddikjara l-operatur tat-trasport pubbliku. F’dawn il-każijiet, il-penali tiġi maħruġa biss jekk in-nuqqasijiet identifikati ma’ jkunux ġew indirizzati hekk kif mitlub minn Transport Malta.
F’ każijiet fejn in-nuqqasijiet identifikati ma jkunux jistgħu jiġu rranġati, Transport Malta toħroġ il-penalitajiet hekk kif kontemplati fil-kuntratt. Il-kuntratt il-ġdid jipprevedi li l-operatur tat-trasport pubbliku jista’ ma’ jaqbilx mal-multi imposti, f’liema każ Transport Malta terġa’ tivverifika dawn in-nuqqasijiet.
Ġie innutat li dan it-tibdil fil-proċedura qed iħalli ir-riżultat mixtieq minħabba li l-operatur tat-trasport pubbliku qed jieħu l-azzjoni meħtieġa sabiex in-nuqqasijiet innutati jiġu rranġati fil-ħin stipulat u għaldaqstant jitjieb il-livell tas-servizz.
Hekk kif jikkontempla il-kuntratt, l-operatur tat-trasport pubbliku beda jiġi nfurmat formalment li jista’ jiġi mmultat għan-nuqqasijiet li jirrigwardaw is-saħħa u s-sigurta’, wara iż-żmien ta’ transizzjoni, jiġifieri mill-1 t’ Ottubru 2015. Skont l-istess kuntratt, l-operatur tat-trasport pubbliku beda jiġi ukoll infurmat formalment, li jista’ jiġi mmultat għan-nuqqasijiet li jirrigwardaw il-kumplament tan-nuqqasijiet innutati mill-uffiċjali ta’ Transport Malta mill-1 ta’ Jannar 2016.
It-tabella t’ hawn taħt tindika n-numru ta’nuqqasijiet li ġew innutati xahar b’xahar, flimkien ma’ nuqqasijiet li ġew indirizzati mill-operatur tat-trasport pubbliku, dawk li ma’ ġewx indirizzati u l-multi li nħarġu f’dan ir-rigward.
Dettalji
Ott-15
Nov-15
Diċ-15
Jan-16
Fra-16
Nuqqasijiet li jistgħu jigu irranġati
Numru ta'
Non-conformities
li ġew innotati
125
90
104
530
200
Nuqqasijiet li ġew irranġati mill-operatur
102
90
104
530
85
Nuqqasijiet li ma ġewx irranġati
23
0
0
0
115
Nota *1
PENALI IMPOSTI
€1,350
€0
€0
€0
€0
Nuqqasijiet innutati jinkludu saħħa u sigurta’, u affarijiet oħra relatati mal-karozza tal-linja.
Nota *1:
Dawn in-nuqqasijiet ta’ Frar 2016 qegħdin fil-perjodu fejn l-operatur għadu fil-ħin li jista’ jirranġa dawn in-nuqqasijiet
Dettalji
Ott-15
Nov-15
Dic-15
Jan-16
Fra-16
Nuqqasijiet li ma jistgħux jiġu rranġati
Nuqqasijiet aċċettati mill-operatur
6
2
8
45
Nuqqasijiet li qed jiġu riveduti mal-operatur
0
0
0
163
Total ta' Nuqqasijiet
6
2
8
208
Nota *2
PENALI IMPOSTI
€850
€500
€1,900
€4,750
Nota *3
Nuqqasijiet innutati jinkludu saħħa u sigurta’, devjazzjonijiet mir-rotta, nuqqasijiet relatati mal-karozza tal-linja u nuqqasijiet mix-xufiera u impjegati tal-operatur.
Nota *2 Fi Frar 2016 ġew innutati total ta' 96 non-conformities li qegħdin fl-istadju fejn l-operatur tat-trasport pubbliku jrid jipprovdi ir-risposta tieghu.
Nota *3 L-ammont ta’ €4,750 jirelata ma’ dawk in-non-conformities li s’issa ġew maqbula mal-operatur tat-trasport pubbliku. Din il figura tista’ tiżdied ġaladarba jiġu ivverifikati il-kumplament tal-163 non-conformity.
Taħt il-kuntratt preċedenti, l-operatur tat-trasport pubbliku kien jiġi mmultat għan-nuqqas ta’ puntwalita’ u dak li kien magħruf bħala Maximum Waiting Time jew kemm persuna iddum tistenna sabiex taqbad il-vjaġġ tagħha. Dawn in-nuqqasijiet kienu jiġu nnutati permezz ta’ osservazzjonijiet li kienu jagħmlu persuni li jkunu allokati f’ċertu lokalitajiet f’ċertu ħinijiet. Dan kien ifisser li:
· Mhux ir-rotot kollha kienu qegħdin jiġu osservati sabiex jiġi nnutat l-andament taghhom;
· Li kien diffiċli jiġi determinat jekk il-
Maximum Waiting Time
kienx qed jiġi miżmum.
Il-kuntratt il-ġdid ikejjel il-livel tas-servizz mil-lat ta’ affidabbilta’, jiġifieri li l-vjaġġi li kellhom issiru attwalment sarux, kif ukoll li l-vjaġġi li saru, sarux skont l-iskeda, b’tolleranza sa massimu ta’ 10 minuti liema tolleranza tiddependi fuq il-frekwenza tar-rotta. Tibdil ieħor huwa li, kemm il-puntwalita’ kif ukoll l-affidabilita’ tas-servizz, fil-kuntratt il-ġdid, qed tiġi imkejla fuq perjodu ta’ xahar minflok fuq perjodu ta’ ħmistax-il ġurnata, kif kien taħt il-kuntratt preċedenti. Dawn iż-żewġ rekwiżiti issa qegħdin jiġu mkejla pemezz tal-informazzjoni li qed tiġi trasmessa permezz tal-GPS li hemm f’kull karozza tal-linja u għaldaqstant il-moniteraġġ fuq l-andament tar-rotot qiegħed isir fuq kull rotta waqt li is-servizz ikun qiegħed jopera. L-osservazzjonijiet li jsiru b’mod manwali minn uffiċjali ta’ Transport Malta jservu sabiex l-informazzjoni li tinġabar permezz tal-GPS tiġi verifikata.
Kien ippjanat li n-network il-ġdid jiġi ntrodott f’fażijiet differenti li kellhom jibdew f’Settembru 2015. Din l-introduzzjoni gradwali kienet tippermetti lill-operatur tat-trasport pubbliku biżżejjed żmien sabiex jiffamiljarizza ruhu mar-rotot il-ġodda, bil-penali li jirrigwardjaw il-puntwalita’ u l-affidabilita’ jidhlu fis-seħħ mill-ewwel ta’ Jannar 2016. Minħabba l-problemi industrijali li ffaċċja ruhu magħhom l-operatur tat-trasport pubbliku, dan ma setax iseħħ kif kien ippjanat u kien biss għall-aħħar ta’ Diċembru 2015 li il-maġġoranza tan-network il-ġdid seta’ jiġi ntrodott. Dan fisser li l-operatur tat-trasport pubbliku kellu bżonn perjodu ta’ żmien sabiex jkun jista’ jiffamiljarizza ruhu mar-rotot il-ġodda qabel ma’ jiġi espost għall-multi marbuta ma’ puntwalita’ u affidabilita’, liema proċess beda fl-1 t’April 2016.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta hijiex qed tagħmel spezzjonijiet fuq ir-rotot li qed isiru mill-operatur tat-Trasport Pubbliku? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’tip ta’ spezzjonijiet isiru u x’użu qed isir minnhom? L-operatur tat-Trasport Pubbliku qiegħed jiġi ppenalizzat f’każ ta’ nuqqasijiet u/jew infringements?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 24225.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda ma’ Transport Malta minn Jannar 2015 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’liema sezzjonijiet u f’liema pożizzjoni ġew impjegati dawn il-ħaddiema? Kemm għandhom pagi u perkaċċi oħra dawn il-ħaddiema?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew rilokati ħaddiema ta’ Transport Malta fl-uffiċini l-ġodda li għandha ġewwa l-A3 Towers f’Raħal Ġdid?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa ġew rilokati 51 ħaddiem ta’ Transport Malta fl-uffiċini l-ġodda ġewwa Raħal Ġdid u qegħdin fil-proċess li jiġu rilokati madwar 70 ħaddiem ieħor.
Transport Malta – uffiċini ġodda – sistema ta’ ventilazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewwa l-uffiċini l-ġodda li għandha Transport Malta ġewwa l-A3 Towers hijiex tintuża sistema ta’ ventilazzjoni ta’ arja naturali jew artifiċjali? Hemm ammont ta’ twieqi adekwati li jagħtu għall-barra biex dawn l-uffiċini jkollhom provista sia ta’ ventilazzjoni ta’ arja naturali kif ukoll ta’ dawl naturali minbarra sistemi ta’ dawl artifiċjali u ventilazzjoni mekkanizzata?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-uffiċini l-ġodda li għandha Transport Malta ġewwa Raħal Ġdid tintuża sistema ta’ ċirkolazzjoni ta’ arja. Infurmat ukoll li hemm twieqi li huma skont il-permessi tal-MEPA.
Transport Malta – uffiċini ġodda – sistema ta’ ventilazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewwa l-uffiċini l-ġodda ta’ Transport Malta ġewwa Raħal Ġdid hemmx sistema ta’ ventilazzjoni tajba minħabba li l-uffiċini qegħdin taħt l-art? Jista’ jiċħad jew jikkonferma jekk fil-fatt hemmx sistema ta’ ventilazzjoni, jekk din hux qed taħdem u jekk fil-fatt ħadmitx dejjem minn kemm ilu li ġew rilokati l-ħaddiema ġewwa l-istess uffiċini?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sistema tal-ventilazzjoni tal-uffiċini fejn ġew rilokati l-ħaddiema ta’ Tranport Malta ġewwa Raħal Ġdid qegħda taħdem kif suppost.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi relatati mal-uffiċini li qegħdin jintużaw preżentament minn Transport Malta fl-A3 Towers f’Raħal Ġdid?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-permessi relatati mal-uffiċini ta’ Transport Malta ġewwa Raħal Ġdid huma pubbliċi.
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi relatati mal-uffiċini li qegħdin jintużaw preżentament minn Transport Malta fl-A3 Towers f’Raħal Ġdid?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninsab nfurmat mill-Awtorita tal-Ipjananr li l-permess relatat huwa dak bir-referenza PA2743/10.