Legislature:
Category:
Reset
Active:

Inżul tal-uffiċjali tal-fisheries fil-portijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex uffiċjali tal-fisheries ma jinżlux il-Port tax-Xlendi, Għawdex waqt is-sajd tal-pixxispad u l-lampuki biex jirreġistraw il-ħut maqbud, meta dan kien minn dejjem wieħed mill-ewwel portijiet tas-sajjieda fil-gżira Għawdxija? X’inhi r-raġuni illi għalkemm il-portijiet tal-Imġarr u Marsalforn huma kkunsidrati portijiet tas-sajjieda, il-port tax-Xlendi mhux ikkunsidrat bħala tali?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-pixxispad u l-lampuki jistgħu jitniżżlu biss ġewwa Portijiet Deżinjati. Sabiex port jiġi ddeterminat bħala Port Deżinjat, numru ta’ kundizzjonijiet, fosthom proċeduri stabbiliti ta’ spezzjoni u sorveljanza jridu jiġu sodisfatti. Port Deżinjat jirrikjedi investiment sostanzjali li jrid ikun ġustifikat. Ninsab infurmat li fost il-bastimenti irreġistrati fil-home port tax-Xlendi, ma hemm l-ebda bastiment li għandu permess għas-sajd tal-lampuki u hemm biss 10 bastimenti bil-permess tal-pixxispad. Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan il-Gvern għamel investimenti sostanzjali sabiex il-Portijiet Deżinjati tal-Imġarr u ta’ Marsalforn f’Għawdex, ikunu konformi mar-rekwiżiti u f’dawn il-portijiet is-sajjieda għandhom il-faċilitajiet neċessarji.

Port tal-Mġarr Għawdex — irmiġġi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu rmiġġi ġodda fil-port tal-Imġarr f’Għawdex mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li kien hemm sajjieda li tneħħilhom l-irmiġġ mill-port tal-Imġarr? Jekk fl-affermattiv, x’kienet ir-raġuni li dawn is-sajjieda tneħħielhom l-irmiġġ?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Port tal-Mġarr Għawdex — irmiġġi

Question

Mill-irmiġġi l-ġodda li ngħataw mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din l-mistoqsija parlamentari, kemm ingħataw irmiġġi lil dgħajjes MFA, MFB u MFC fil-port tal-Imġarr, Għawdex? Xi proċedura ntużat biex ingħataw dawn l-irmiġġi l-ġodda fil-port tal-Imġarr? Min hu l-persuna responsabbli illi ħareġ dawn l-irmiġġi l-ġodda u min iddeċieda lil min jingħataw dawn l-irmiġġi?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ix-Xlendi – Skalli – dgħajjes

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 17964 u r-risposta sussegwenti, jista’ l-Ministru jgħid għalkemm għaddew disa' xhur mir-risposta li ngħatat, fl-iskall tad-dgħajjes li hemm ix-Xlendi Għawdex għad hemm dgħajjes li ilhom ma jiġu varati l-baħar snin twal flimkien ma’ diversi karrijiet battala u għalhekk sajjieda li jixtiequ jpoġġu d-dgħajjes tagħhom f’dan l-iskall mhux qed isibu spazju?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li tajt struzzjonijiet lil Transport Malta, irriżulta li l-iskall in kwistjoni ma jaqax taħt ir-responsabbilta’ ta’ l-Awtorita’. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Għawdex – Port tal-Mġarr – irmiġġi ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu rmiġġi ġodda fil-Port tal-Imġarr f’Għawdex mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li kien hemm sajjieda li tneħħilhom l-irmiġġ mill-port tal-Imġarr f’Għawdex? Jekk fl-affermattiv, x' kienet ir-raġuni li dawn is-sajjieda tneħħielhom l-irmiġġ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Marzu 2013 ġew kreati sitt irmiġġi wara organizazzjoni aħjar tal-istess irmiġġi. Infurmat li ma kien ebda sajjied li tneħħielu l-irmiġġ tiegħu.

Proġett tal-Infrastruttura għall-ilma tat-tisfija tad-drenaġġ — ħlas

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20152, jista’ l-Ministru jgħid jekk bħala l-Ministru responsabbli mill-Agrikoltura, hux qiegħed jiġi kkonsultat mill-Ministru responsabbli dwar il-proġett tal-infrastruttura għall-ilma tat-tisfija tad-drenaġġ peress illi fir-risposta tiegħu ta x’wieħed jifhem li mhux qed jiġi kkonsultat?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 20152 b'ebda mod ma tajt x’nifhem li mhux qed niġi kkonsultat mill-Ministru responsabbli għall-proġett li staqsa dwar il-progress tiegħu l-Onor. Interpellant. Filfatt, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-biedja kellu diversi laqgħat mal-bdiewa fejn infurmahom bl-iżviluppi ta’ dan il-proġett. Aktar informazzjoni tingħata fi żmien opportun.
Leg 12 PQ #24428 Sitting 402 2016-06-14 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proġett tal-Infrastruttura għall-ilma tat-tisfija tad-drenaġġ — ħlas

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 20152, jista’ l-Prim Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-infrastruttura għall-ilma tat-tisfija tad-drenaġġ? Il-bdiewa se jibdew jintalbu ħlas għall-użu ta’ dan l-ilma?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

It-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Konsum ta’ fliexken ta’ inbid

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 22639, tista’ l-Ministru tgħid kemm kien il-konsum ta' inbid kemm lokali kif ukoll dak impurtat, f’numru ta’ fliexken, fil-gżejjer Maltin u Għawdxin, sena b'sena għal dawn l-aħħar ħames snin bl-ammont ta' inbid lokali separatament minn dak impurtat?

Response (DALLI, HELENA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din id-domanda lill-Ministru kkonċernat.

VET Emergency Services — spejjeż

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 22648, jista’ l-Ministru jagħti break down tal-ispejjeż kollha relatati mas-servizzi ta' emerġenza mogħtija mill-veterinarji tal-gvern, sena b’sena mill-2011 sa 2015?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ispejjeż relatati mal-emerġenzi li kienu mħallsa mill-MSDEC huma €13,350 mill-1 ta’ Marzu 2013 sa l-aħħar tal-2013, €18,400 għas-sena 2014 u €17,950 għas-sena 2015. Huwa pertinenti li wieħed jinnota li dawn l-ispejjeż bdew jitħallsu mill-1 ta’ Marzu 2013 meta ġie iffirmat il-ftehim il-ġdid tal-klassi veterinarja.

Ħal Safi – Triq il-Kuċċard — xogħlijiet

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22617, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li biex jinbidel disinn ta' triq ħalla lir-residenti għal tliet snin sħaħ ibatu minn inkonvenjent ta' trab kif ukoll periklu ieħor li jġib miegħu xogħol ta' toroq li jieqaf f’nofs leħja għal diversi snin? Jista’ jgħid meta se jitkomplew u konsegwentament jitlestew ix-xogħlijiet fi Triq il-Kuċċard, Ħal Safi, peress li r-residenti ta' din it-triq ilhom ibatu inkonvenjenti kbar għal diversi snin?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi Triq il-Kuċċard, Ħal Safi, waqt li kienu għaddejjin xogħlijiet ta’ twessiegħ, instabu fdalijiet arkeoloġiċi. Dawn il-fdalijiet kellhom jiġu assessjati mis-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali sabiex tiġi stabbilita l-importanza tagħhom. Instab li dawn il-fdalijiet kellhom bżonn jiġu ippreservati (u jissaqqfu) b’riżultat li kienu se jinħolqu problemi ta’ livelli jekk id-disinn tat-triq jibqa’ l-istess. Għaldaqstant fil-proposta kellu jinbidel l-alinjament tat-triq sabiex dan is-sit jiġi evitat mill-passaġġ tal-vetturi. Marbuta ma’ din is-sejba u minħabba l-bżonn ta’ protezzjoni tal-istess fdalijiet, Transport Malta bħalissa għaddejja b’proċess ta’ konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali rispettiv u eventwalment mal-pubbliku. Tajjeb li ngħidu wkoll li kif issemma’ fil-budget, il-Gvern huwa mpenjat ukoll li jwessa’ Vjal ix-Xarolla fiż-Żurrieq li tmiss mal-imsemmija triq. Fil-fatt bħalissa qed isiru l-preparamenti neċessarji sabiex isir pjan komprensiv wieħed għaż-żewg toroq. Din is-sena għandhom jiġu finalizzati dawn il-proċessi, inkluż l-applikazzjoni tal-MEPA, u jitkompla x-xogħol sabiex jitlesta s-sena d-dieħla.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — Żvilupp tal-Eko-Turiżmu – lista ta’ miżuri

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22623, jista’ l-Ministru jgħid x'informazzjoni addizzjonali għandu bżonn biex iwieġeb il-mistoqsija parlamentari li għamiltlu, u ċjoè biex jelenka lista ta' miżuri u inizjattivi li għamel il-Ministeru tiegħu fejn jikkonċerna trasport u infrastruttura sabiex jikkumplimenta l-iżvilupp tal-Eko-Turiżmu ġewwa pajjiżna minn April 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari kif ukoll xi pjanijiet għandu għax-xhur li ġejjin?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, permezz ta’ Transport Malta u l-Malta National Electromobility Platform, ġew implimentati diversi miżuri li mhux biss jikkumplimentaw l-iżvilupp tal-Eko-Turiżmu b’mod speċifiku, iżda jippromwovu mezzi alternattivi ta’ trasport ntiżi li jissalvagwardjaw l-ambjent, fuq skala nazzjonali. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 22064.

Wied l-Isqof – Limit tar-Rabat – tindif ta’ widien

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitnaddfu l-widien fosthom Wied tal-Isqof fil-limiti tar-Rabat (Malta)? Hemm xi pjan li dan il-wied u oħrajn bħalu jibdew jitnaddfu fuq bażi regolari? Kemm-il darba fis-sena dan il-wied u oħrajn bħalu se jibdew jitnaddfu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Sezzjoni tal-Immaniġġjar tal-Widien timplimenta nterventi ta’ manutenzjoni fil-widien wara li jkunu ndividwati widien partikolari li jiġu magħżula wara żjarat li jsiru b’mod regolari, kif ukoll wara li jiġu evalwati talbiet mingħand il-pubbliku u entitajiet governattivi. Dawk l-interventi meqjusa l-iktar urġenti jiġu magħżula għall-implimentazzjoni. Madanakollu, jeħtieġ pjan integrat u fuq skala nazzjonali fejn jiġu meqjusa l-wesgħat tal-ilma (catchment areas) kollha tal-widien. L-interventi maġġuri m’għandhomx isiru biss fuq parti żgħira tal-wied, imma trid tiġi meqjusa s-sistema kollha sabiex ix-xogħlijiet ikunu aktar effettivi u jservu għal tul itwal ta’ żmien. Bħalissa d-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura qed jiżviluppa proposti għal applikazzjonijiet ta’ fondi tal-Unjoni Ewropeja biex ikunu jistgħu jsiru dawn il-pjanijiet (management plans) għal diversi wesgħat tal-ilma ta’ widien, inkluż is-sistema ta’ Wied il-Kbir li minnha jagħmel parti l-Wied tal-Isqof.

Dar tal-Isqof Baldassare Cagliares — restawr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li d-dar li kienet tal-Isqof Baldassare Cagliares, li bħalissa tinsab abbandunata u sfortunatament saritilha ħafna ħsara, tiġi restawrata? Jekk fl-affermattiv, meta hemm il-ħsieb li jibda u jispiċċa dan ix-xogħol? Meta din id-dar tkun restawrata, hemm il-ħsieb li tibda tinfetaħ għall-pubbliku biex ikun jista’ jżurha?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika l-lokalita’ tad-dar imsemmija

Presidenza tal-Unjoni Ewropea – prijorità lis-settur agrikolu u sajd

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'ser ikunu l-prijoritajiet ta' Malta f'dak li jikkonċerna s-settur agrikolu kif ukoll dak tas-sajd meta Malta jkollha l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-prioritajiet f’dawn l-oqsma għadhom qed jiġu ffinalizzati. Fir-rigward tal-qasam agrikolu, bis-sitwazzjoni prekarja li għaddej minnha s-settur agrikolu tal-Unjoni Ewropea, il-priorità bħalissa qiegħda fuq diskussjonijiet biex intejbu s-sitwazzjoni. Malta qiegħda ssegwi mill-qrib dawn l-iżviluppi sabiex tkompli din il-ħidma bħala Presidenza biex b’hekk it-tisħieħ u t-tkabbir fis-settur agrikulturali tal-Ewropa jimpatta pożittiv fuq Malta. Fir-rigward tas-sajd, il-priorità tal-ħidma tal-Presidenza Maltija tkun dik li tibqa’ għaddejja l-ħidma sabiex nilħqu level playing field fil-Mediterran.

Bdiewa – tagħrif fuq bexx

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 20146, tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm bdiewa li ngħataw tagħrif fuq il-bexx u kemm minnhom ingħataw iċ-ċertifikat relatat?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li 3412 utenti professjonali attendew kors dwar L-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi. Minn dawn bħalissa hemm 2053 utenti professjonali li ghandhom ċertifikat validu li jixtru, jittrasportaw, jaħżnu u jużuw Prodotti għall-Ħarsien tal-Pjanti.

Pjan għall-Iżvilupp Rurali

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 20150, peress illi l-Ministru rreferieni għall-Ministru ieħor għar-risposta, dan ifissser illi l-Ministru responsabbli mill-Agrikoltura u Sajd ma jafx meta l-pjan għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020 se jkun operattiv u min se jibbenefika minn dan il-pjan u f’liema proporzjon? Il-Ministru responsabbli mill-Fondi tal-Unjoni Ewropea qiegħed jikkonsulta u jiddjaloga mal-Ministru responsabbli mis-settur agrikolu u tas-sajd fuq fondi direttament relatati ma’ dan is-settur?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 20150 b'ebda mod ma tajt x’nifhem li mhux qed niġi kkonsultat mill-Ministru responsabbli għall-Pjan għall-Iżvilupp li staqsa dwar id-dettalji tal-operattività jew il-kontenuti tiegħu.

Pjan għall-Iżvilupp Rurali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li l-pjan għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020 se jkun operattiv? Min se jibbenefika minn dan il-pjan u f’liema proporzjon?

Response (GRECH, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-ewwel żewġ sottomiżuri taħt il-Miżura 10 – Agro Ambjent Klima kienu varati w għalqu fid-9 ta’ Ġunju w s-sottomiżura taħt il-Miżura 19 – Leader ġiet varata fi Frar u tagħlaq f’Settembru. Miżuri oħra se jiġu varati fil-ġimgħat li ġejjin. Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għad-dokument li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra li jikkonċerna deskrizzjoni tal-miżuri li jinstabu fil-programm konċernat.

Stallazzjoni ta’ Pannelli fotovoltajċi – bdiewa u raħħala

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li bdiewa u raħħala li jitħajru jinstallaw il-pannelli fotovoltajiċi fir-raba’/irziezet tagħhom, jingħataw xi forma ta’ għajnuna?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirefferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 24232.

Bdiewa – diversifikazzjoni tal-produzzjoni ta’ ħaxix u frott differenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jagħmel il-Gvern biex iħajjar lill-bdiewa jiddiversifikaw il-produzzjoni tagħhom billi jkabbru varjetajiet ta’ ħaxix u frott differenti minn dak li jkabbru tradizzjonalment?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat tad-Diversifikazjoni u Kompetittività fi ħdan id-Dipartiment tal-Iżvilupp Rurali qed iniedi riċerka fuq diversi prodotti varji u differenti minn dawk tradizzjonali fil-qasam sperimentali tal-Għammieri. Dan bil-għan illi r-riżultati ta’ dawn il-provi jiġu disseminati għand il-bdiewa sabiex jitħajru jiddiversifikaw il-prodotti tagħhom filwaqt li jkunu aktar kompetittivi. Il-provi li qed isiru fl-Għammieri ser iservu wkoll bħala dimostrazzjoni tal-prodott. Aġġornament ta’ xi jkun qed jitkabbar fl-Għammieri ser ikun ippubblikat fir-rivista tal-Ministeru ‘Nisġet Artna’. Din ir-rivista titqassam lill-bdiewa u dawk kollha interessati, filwaqt li tiġi ppubblikata wkoll fuq il-websajt tal-Ministeru kif ukoll imtella fuq il-paġna ta’ facebook – Nisġet Artna.
Leg 12 PQ #24410 Sitting 400 2016-06-08 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Livell ta’ nitrati fl-ilma ta’ taħt l-art

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti break down, xahar b'xahar, tal-livelli tan-nitrati li nstabu fl-ilma ta' taħt l-art (tal-pjan u ta' fuq it-tafal) matul is-sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari xahar b' xahar kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex separatament?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li l-livell ta’ nitrati fl-ilma qatt ma ġie mkejjel kull xahar imma jitkejjel kull sitt xhur jew sena skont pjan ta’ monitoraġġ stabbilit fl-2010 taħt il-Water Framework Directive. In-nitrati primarjament jiġu mill-użu tal-fertilizzanti fl-agrikoltura, proċess li qed jiġi indirizzat permezz tan-Nitrates Action Programme mniedi mill-MSDEC. Minħabba li l-akwifer idum ma jirrispondi, huwa previst li l-impatt ta’ dan il-programm (u allura t-titjib fil-kwalità), idum ma jinħass. Il-livell medju ta’ nitrati fil-korpi kollha tal-ilma ta’ taħt l-art huwa: Groundwater BodyMean Nitrate Content (2009-2014) mg/l Malta Mean Sea Level66.9 Rabat Dingli Perched193.3 Mġarr-Wardija Perched117.6 Pwales Coastal407.6 Miżieb Mean Sea Level43.3 Mellieħa Perched167.5 Mellieħa Coastal33.3 Marfa Coastal217.4 Comino Mean Sea Level15.8 Gozo Mean Sea Level48.0 Għajnsielem Perched119.0 Nadur Perched79.7 Xaghra Perched237.5 Żebbuġ Perched215.9 Victoria-Kerċem Perched226.7