Promozzjoni ta’ esportazzjoni ta’ diversi prodotti agrikoli
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'ħidma qiegħda ssir mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Biedja u s-Sajd kif ukoll mid-Dipartimenti li jaqgħu taħtu sabiex jippromwovu l-esportazzjoni ta' diversi prodotti agrikoli bħat-tadam, qarabagħli, brunġiel, bżar u anke ħass lejn diversi pajjiżi Ewropej, bħalma jsir fil-każ tal-esportazzjoni tal-patata?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-esportazjoni ta’ prodotti agrikoli bħal ma hi dik tal-patata hija attivita’ kummerċjali u li fiha ma jistax jiġi nvolut il-Gvern. Madanakollu, id-Direttorat tad-Diversifikazzjoni u Kompetittività fi ħdan id-Dipartiment tal-Iżvilupp Rurali jilqa’ talbiet għal pariri tekniċi fuq prodotti li jistgħu jiġu esportati lejn pajjizi Ewropej.
Jista’ l-Ministru jgħid kif se jinqasam il-kumpens li se jagħti l-Gvern lill-bdiewa għall-force majeure? Kemm hawn bdiewa li se jgawdu minn dan il-kumpens u l-bdiewa nvoluti se jkunu full-time jew part-time?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu għal liema force majeur qed jirreferi.
Jista’ l-Ministru jara li jidħlu fis-seħħ liġijiet li ma tippermetti lil ħadd, lanqas lill-Gvern, li jieħu raba’ saqwi mingħand bdiewa ħlief f'każijiet ta' bini ta' sptar jew ta’ tfittix għaż-żejt?
Response (HERRERA, JOSÈ)
L-interessi tal-bdiewa li jkollhom raba saqwi mikrija għandhom diġà huma kawtelati fl-Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri tar-Raba (Kap. 199 tal-Ligijiet ta’ Malta).
Il-Pitkalija ta’ Malta – privatizzazzjoni jew public private partnership
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Gvern jipprivatizza l-Pitkalija ta' Malta jew inkella jifforma public private partnership biex tiġi mmexxija l-Pitkalija? Jekk fl-affermattiv, se tinħareġ xi espressjoni ta' interess jew inkella offerta? Se tibqa’ l-prassi li mill-Pitkalija jinbiegħu biss prodotti agrikoli lokali jew ikunu jistgħu jinbiegħu wkoll prodotti agrikoli importati?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li m’hemm l-ebda ħsieb ta’ privitazzjoni tal-Pitkalija.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li diġà kien hemm individwi/kumpaniji li wrew interess li jieħdu taħt idejhom il-Pitkalija? Jista’ jgħid jekk dawn humiex Maltin jew inkella barranin? X'esperjenza għandhom dawn l-individwi/kumpaniji fit-tmexxija tal-Pitkalija f' Malta jew barra minn Malta?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Il-Ministeru m’għandu l-ebda informazzjoni li tikkonferma dak li qed jalludi l-Onor. Interpellant.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn border inspectors preżentament biex jagħmlu spezzjonijiet fuq laħam impurtat? Kemm-il spezzjoni saret xahar b'xahar f'dawn l-aħħar sentejn minn meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm tliet uffiċjali li jagħmlu spezzjonijiet fuq konsenji tal-laħam li jaslu il-Border Inspection Post (BIP). Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onor Interpelant jirreferi ghat-twegiba li nghata ghal-mistoqsija 28417.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm laħam impurtat xahar b'xahar f' Malta fl-aħħar sentejn u sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? X' tip ta' laħam ġie impurtat (ċanga, majjal, fniek, tiġieġ, eċċ.) u minn liema pajjiż? Dan il-laħam impurtat kien ippakkjat jew inkella karkassi?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli, Tabella A u Tabella B bl-informazzjoni mitluba.
Laħam impurtat li ma kienx konformi mar-regolamenti ta’ importazzjoni ta’ laħam
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm laħam impurtat li ma kienx konformi mar-regolamenti ta' importazzjoni ta' laħam, fosthom it-temperatura, il-labelling, eċċ.? Laħam impurtat li ma kienx konformi ma’ dawn ir-regolamenti, ġie ikkonfiskat mid-Dipartiment responsabbli? Kif iddispona minnu dan il-laħam il-Gvern?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Il-laħam kollu importat f’dawn l-aħħar sentejn (2015 u 2016), li ġie suġġett għall-ispezzjonijiet veterinarji fil-Border Inspection Post (BIP) kienu kollha konformi mar-rekwiżiti tal-leġislazzjoni kurrenti. L-ebda konsenja ta’ laħam ma’ ġiet mormija jew ntbagħtet lura mil-pajjiż li ġiet minnu.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li qed jiġu mibjugħa karkassi ta' annimali impurtat mhux minn ġo landing facilities li ma jkunux skont standards Ewropej, fosthom minn ġo parking areas u minn ġo għelieqi? X'passi se jieħu l-Gvern biex dan l-abbuż jieqaf immedjatament?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li l-importazzjoni ta’ karkassi kif ukoll prodotti tal-laħam inkluz cuts, jistgħu jidħlu biss mill-Border Inspection Post li jinstab fil-freeport fejn wara li jiġu spezzjonati, jingħataw il-clearance mid-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja u mid-Dwana.
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’dawn l-aħħar snin f’Malta ma ġewx impurtati karkassi ta’ annimali, imma gew impurtati biss prodotti tal-laħam inkluż cuts. Jekk l-Onor. Interpellant jaf b’xi abbużi, huwa mitlub jgħaddi t-tali informazzjoni lid-Dipartimenti kkonċernati sabiex isiru l-investigazzjonijiet neċessarji.
Jista’ l-Ministru jgħid x'informazzjoni qed ikollha fuqha l-label tal-laħam impurtat? Qed isiru spezzjonijiet minn uffiċjali tad-dipartiment biex jiġi aċċertat li fuq il-label qed tingħata l-informazzjoni kollha neċessarja hekk kif jitolbu standards Ewropej?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta l-Uffiċjal Veterinarju jagħmel kontroll kemm tal-identita’ kif ukoll dak fiżiku, jivverifika l-oriġini tal-laħam billi jara li n-numru tal-approvazzjoni tal-istabiliment ikun inkluż fil-lista approvata għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropeja, u li tinstab fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni. L-uffiċjal veterinarju jara ukoll ir-rekwiziti tal-labelling jkunu mar- Regolament Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif ukoll mar-rekwiżiti tad-data tal-iskadenza u l-kundizzjonijiet tal-ħażna.
Jista’ l-Ministru jgħid f' dawn l-aħħar sentejn, u sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, x'persentaġġ mil-laħam impurtat qed tiġi ċċekkjata t-temperatura? X'qed isir mil-laħam li jinstab li t-temperatura li fiha jkun maħżun tkun taqbeż is-7 gradi ċentigradi?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-temperaturi tal-laħam kollu importat f’dawn l-aħħar sentejn (2015 u 2016) ġie spezzjonat u nstab konformi mar-rekwiżiti tal-leġislazzjoni kurrenti.
Jista’ l-Ministru jgħid x’ħin effettivament telqu l-vjaġġi tal-karozza tal-linja numru 72 mill-Qrendi matul in-nofstanhar ta’ filgħodu tal-Ħamis 15 ta’ Settembru 2016?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji hekk kif mitluba huma kif ġej. Dawn id-dettalji ġew miġbura mis-sistema tal-GPS li bihom huma mgħammra l-karrozzi tal-linja.
Data
Rotta
Numru tal-Vettura
Isem tal-
Bus Stop
Ħin tal-Iskeda
Ħin tat-Tluq
15/09/2016
72
139
Qrendi
05:30
05:30
15/09/2016
72
83
Qrendi
06:00
06:00
15/09/2016
72
137
Qrendi
06:30
06:30
15/09/2016
72
139
Qrendi
07:00
07:00
15/09/2016
72
83
Qrendi
07:30
07:30
15/09/2016
72
137
Qrendi
08:00
08:00
15/09/2016
72
139
Qrendi
08:30
08:32
15/09/2016
72
83
Qrendi
09:00
09:02
15/09/2016
72
137
Qrendi
09:30
09:29
15/09/2016
72
139
Qrendi
10:00
10:11
15/09/2016
72
83
Qrendi
10:30
10:46
15/09/2016
72
137
Qrendi
11:00
11:00
15/09/2016
72
139
Qrendi
11:30
11:41
15/09/2016
72
83
Qrendi
12:00
12:02
Jista’ l-Ministru jgħid kemm sewa b’kollox is-sussidju pubbliku lill-kumpanija tat-trasport pubbliku sena b' sena fl-2012, fl-2013, fl-2014 u fl-2015?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-2012 u l-2015 tħallas dan is-sussidju fuq trasport pubbliku:
Sena
Sussidju
2012
€ 8,224,500
2013
€ 10,214,000
2014
€ 29,027,312
2015
€ 22,999,992
€ 97,232,467
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kontijiet finanzjarji annwali tal-kumpanija tat-trasport pubbliku għas-sena 2015?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li kif jaf, il-kumpanija li topera is-servizz tat-trasport pubbliku hija entita’ privata u għaldaqstant, l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kunfidenzjali.
Jista’ l-Ministru jgħid s’issa kemm sewa b’kollox is-sussidju pubbliku lill-kumpanija tat-trasport pubbliku matul din is-sena u sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ Public Service Compensation li tħallas lill-kumpanija tat-trasport pubbliku matul din is-sena kien ta’ €26,766,663.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm timpjega ħaddiema b’kollox il-kumpanija Malta Public Transport, kemm minnhom huma full-time u kemm part-time, u kemm minnhom huma ċittadini barranin u ta' liema nazzjonalità huma?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni li ġiet mgħoddija lil Transport Malta mill-operatur tat-Trasport Pubbliku, il-kumpanija kellha total ta’ 1,368 impjegat sal-aħħar ta’ Ġunju ta’ din is-sena.
Infurmat ukoll li 1,076 minn dawn il-ħaddiema kienu impjegati fuq bazi full time filwaqt li 292 kienu impjegati fuq bażi part time. Infurmat li il-maġġoranza ta’ dawn l-impjegati huma Maltin.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed isiru border inspection posts minn fejn jidħol il-laħam impurtat biex jiġu ċċekkjati fost oħrajn it-temperatura, il-packing u l-labelling? Kemm saru minn dawn l-ispezzjonijiet fl-aħħar sentejn, xahar b'xahar, sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? X'nuqqasijiet instabu u x'passi ttieħdu fil-konfront ta' min kellu dawn n-nuqqasijiet?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-laħam kollu importat minn pajjiżi terzi huma suġġetti għal kontrolli veterinarji fil-Border Inspection Post (BIP), li huma in regola mal-leġislazjoni kurrenti. It-tliet livelli ta’ kontrolli previsti huma; kontrol dokumentarju, kontrol tal-identita’ u kontrol fiżiku. It-temperatura, packaging u il-labelling huma parti mill-kontrol fiżiku li jsir mill-BIP.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bl-ispezzjonijiet li saru fis-snin 2015 u 2016 fejn ma nstabu l-ebda nuqqasijiet waqt dawn l-ispezzjonijiet u għaldaqstant ma ittieħdet l-ebda azzjoni. Dawn l-ispezzjonijiet saru mar-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea 97/78/KE u l-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 437.46.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — Toroq rurali li se jsiru b’fondi tal-Unjoni Ewropea
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma t-toroq rurali, lokalità b'lokalità f'Malta u f’Għawdex, li se jsiru mill-Ministeru/Dipartimenti/Awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu b'fondi tal-Unjoni Ewropea? X' tip ta' xogħol se jsir fuq kull triq? Kemm ġejja tiswa kull triq? Meta se jibda u jispiċċa x-xogħol fuq kull triq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni għal fondi Ewropej għal dawn it-tip ta’ toroq għadha ma nfetħitx, b’hekk ix-xogħol ta’ studju fuq dawn it-toroq għadu f’fażi preliminari. Għad iridu jsiru konsultazzjonijiet u wara jitħejjew pjanti, stimi u permessi għal kull triq.
Kunsilli Lokali — Toroq rurali li se jsiru b’fondi tal-Unjoni Ewropea
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma t-toroq rurali, lokalità b'lokalità f'Malta u f’Għawdex, li se jsiru mill-kunsilli lokali b'fondi tal-Unjoni Ewropea? X' tip ta' xogħol se jsir fuq kull triq? Kemm ġejja tiswa kull triq? Meta se jibda u jispiċċa x-xogħol fuq kull triq?
Response (BONNICI, OWEN)
Minn eżerċizzju ta’ ġbir ta’ informazzjoni mingħand il-Kunsilli Lokali nfushom jirriżulta li l-ebda wieħed minnhom mhu se jagħmel toroq rurali b’fondi mill-Unjoni Ewropea.
Toroq rurali li se jsiru b’fondi tal-Unjoni Ewropea
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid liema huma t-toroq rurali, lokalità b'lokalità f'Malta u f’Għawdex, li se jsiru b'fondi tal-Unjoni Ewropea? X' tip ta' xogħol se jsir fuq kull triq? Kemm ġejja tiswa kull triq? Meta se jibda u jispiċċa x-xogħol fuq kull triq?
Response (GRECH, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-avviż dwar is-sejħa relatata mat-toroq rurali mistenni li jkun varat fil-jiem li ġejjin.