Jista’ l-Ministru jgħid kif ġew appuntati l-assistenta personali taċ-Chairman tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ kif ukoll il-konsulent privat fl-istess korporazzjoni u jgħid jekk iż-żewġ persuni jiġux minn xulxin?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-istaff kollu addett mal-uffiċċju taċ-Chairman tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ huwa kif jidher iddettaljat fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat li ħadd minn dawn in-nies ma għandhom parentela ma' xulxin. Iċ-Chairman tal-ETC jiddikjara li ma għandu l-ebda konsulent privat la mħallas mill-ETC, la minnu personali u lanqas minn ebda entita` oħra.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-konsulent privat tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ huwiex involut f’deċiżjonijiet marbutin ma’ permessi tax-xogħol għall-persuni minn pajjiżi terzi? Jekk iva, jarax kunflitt ta’ interess minħabba l-fatt li l-kumpanija privata li fiha jaħdem ukoll l-istess konsulent, hija involuta f’xogħol f’Al Ain u f’Oman?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 8306. Napprezza li jekk l-Onor. Interpellant għandu fatti f'idejh li jissostanzjaw dak li qed jgħid jgħaddihomli biex inkun nista' ninvestiga.
Jista’ l-Ministru, b’referenza għall-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ fil-perijodu bejn Marzu 2013 u Frar 2014,
a. Jgħid kemm kien hemm
transfers
interni u min kien suġġett għalihom;
b. Jgħid kemm kien hemm impjegati ġodda u min kienu;
c. Jgħid kemm saru appointments interni, min kienu u kif saru;
d. Jagħti lista ta’ direct orders li ngħataw u lil min, b’mod partikolari fl-oqsma tal-marketing u fil-canteen services; u
e. Jgħid min ta l-istess direct orders?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm spetturi fil-Law Compliance Unit tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC)? Jista’ jgħid minn Marzu sa Ġunju din is-sena kemm saru spezzjonijiet mill-ispetturi tal-korporazzjoni u kemm minn dawn l-ispezzjonijiet kienu f’Għawdex? Jista’ jgħid kemm instabu persuni barranin jaħdmu bla permess, kemm instabu ħaddiema jaħdmu waqt li kienu qed jirreġistraw u kemm instabu ħaddiema jaħdmu u ma kinux iddikjarati li qed jaħdmu? Jekk saru, jista’ jgħid kemm saru spezzjonijiet flimkien mal-Pulizija?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat illi l-Law Compliance Unit fi ħdan il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ tħaddem ħames spetturi li joperaw f'żewġ gruppi. Minn Marzu sa Ġunju ta' din is-sena saru 1,706-il spezzjoni li kienu kollha ppjanati f'Malta. F'dawn l-ispezzjonijiet instabu 63 persuni barranin jaħdmu bla permess; 25 persuna li nstabu jaħdmu waqt li kienu qed jirreġistraw u 334 persuna nstabu jaħdmu fejn ix-xogħol tagħhom ma kienx iddikjarat. Matul dan il-perjodu ma kienx hemm bżonn l-għajnuna tal-Pulizija fuq l-ispezzjonijiet li saru rigward barranin jaħdmu bla permess.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex konxju dwar fabbriki f’pajjiżna li bħalissa jinsabu f’sitwazzjoni fejn ħaddiema jinsabu f’periklu li jitilfu x-xogħol tagħhom? Liema huma dawn il-fabbriki? X’miżuri qed jieħu l-Gvern jew l-entitajiet tal-Gvern f’dan ir-rigward?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ tkun taf minn żmien għal żmien dwar xi fabbriki li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet. Meta l-Korporazzjoni tkun taf li hemm ħaddiema li aktarx jitilfu xogħolhom, hija tintervjeni permezz ta' servizzi ta' impjieg u taħriġ. Mhuwiex għaqli li wieħed isemmi b'mod pubbliku ismijiet ta' fabbriki li jkunu għaddejjin minn xi diffikultajiet.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex konxju dwar fabbriki f’pajjiżna li bħalissa jinsabu f’sitwazzjoni fejn ħaddiema jinsabu f’periklu li jitilfu ix-xogħol tagħhom? Liema huma dawn il-fabbriki? X’miżuri qed jieħu l-Gvern jew l-entitajiet tal-Gvern f’dan ir-rigward?
Response (CARDONA, CHRIS)
Malta Enterprise żżomm kuntatt mal-impriżi ndustrijali f’pajjiżna bil-għan li tgħinhom jespandu, kif ukoll, meta dan huwa meħtieġ, jgħelbu l-problemi speċifici li jistgħu jinqalgħu minn żmien għall-ieħor. Din l-għajnuna tkun kompatibbli mar-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-iState Aid.
Meta kumpanija tagħmel xi talba lill-Malta Enterprise u minħabba f’hekk tgħaddi nformazzjoni kummerċjalment sensittiva lill-istess agenzija, dan isir bil-ftehim li din l-informazzjoni ma tixxandarx pubblikament. Dan skont l-istess liġi (Malta Enterprise Act, Kap 463).
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-iżvilupp tal-Marsa Shipyard f'hub marittimu l-Gvern hux se jkun qed jassigura ħolqien ta’ impjiegi ġodda għall-Maltin permezz ta’ dan l-investiment? Jista’ jgħid x'tip ta’ jobs qed ikunu mmirati li jinħolqu? Peress li l-istess Ministru qal li jrid ikun assigurat li f'Malta ikollna r-riżors uman adegwat fl-iżvilupp ta’ dan il-proġett, jista' l-Ministru jgħid jekk l-investiment u r-reklutaġġ tal-ħaddiema hux se jkun totalment barrani?
Response (CARDONA, CHRIS)
L-iskop ta’ kull proġett bħal dan huwa li jkabbar l-attività ekonomika u joħloq iktar impjiegi xierqa għall-Maltin u l-Għawdxin. L-Onorevoli Interpellant irid jifhem li l-proġett tal-Maritime Hub għadu fl-istadju ta’ Espressjoni ta’ Interess u għalhekk, l-informazzjoni li qed jitlob hija prematura.
Madankollu, nista’ nassigurak li l-Ministeru tiegħi se jagħmel ħiltu kollha biex nattiraw investiment għaqli li jagħti l-massimu ta’ benefiċċji lill-poplu Malti u Għawdxi, u fuq kollox joħloq impjiegi ta’ kwalità.
Jista' l-Ministru jgħid kemm jaqla' overtime infermier (inkluż allowace mingħajr overtime) on average fis-sena, skont il-grad u l-entità li fiha jaħdem?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati divorzji f'Malta bejn l-2000 u l-2010 u kemm minn dawn kienu jinvolvu tal-anqas waħda mill-partijiet li tkun ta' nazzjonalità barranija (jiġifieri mhux Maltija)?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-mistoqsija. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija ninsab infurmat li l-informazzjoni dwar nazzjonalità ma tinżammx iżda min ezami tal-kunjomijiet wieħed jista jikkonkludi li kważi fil-każijiet kollha, mill-anqas parti waħda għanda kunjom li mhux komuni f’Malta.