Legislature:
Category:
Reset
Active:

Residenza San Vinċenz de Paule – każijiet ta’ abbużi fuq anzjani

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12001 tat-12-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati każijiet ta’ abbuż fuq anzjani fir-Residenza San Vinċenz de Paule? X’azzjoni ttieħdet fuq dawk li kkommettew dan l-abbuż?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor Interpellant li, b’referenza għat-tweġiba parlamentari numru 12001 , in-numru ta’ każijiet ikkwotati, iġifieri dak ta’ 47 każ, kien jinkludi il-każijiet kollha ta’ dixxiplina li kienet ttieħdet azzjoni dwarhom u mhux biss dawk ta’ kazijiet ta’ abbuż fuq anzjani. In-numru ta’ każijiet irrapurtati fejn instab li kien hemm abbuż fuq anzjani gewwa ir-Residenza San Vincenz De Paule, jammonta għal 3. Ittieħdet azzjoni fuq l-impjegati ikkonċernati skont il-każ. L-azzjonijiet varjaw min proċeduri bil-qorti, sospensjoni mix-xogħol u sospensjoni ta’ paga, u twissija bil-miktub

Aġenzija Sapport – Attivitajiet fl-2016

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’attivitajiet ġew organizzati mill-Aġenzija Sapport f’kull Ċentru ta’ Matul il-Jum matul is-sena l-oħra (2016)?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ta’ kull sena ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum, tal-Aġenzija Sapport jorganizzaw ħafna attivitajiet li jservu ta’ benefiċċju għall-persuni b’diżabilita` intellettwali. L-attivitajiet huma maqsuma bejn dawk li jiġu organizzati għaċ-ċentri kollha u dawk li huma organizzati miċ-ċentri individwali. L-għan ta’ dawn l-attivitajiet huwa sabiex jesponu lill-klijenti għal esperjenzi fil-komunità. L-attivitajiet organizzati mis-sezzjoni responsabbli mis-Servizzi ta’ Matul il-Jum, jiffurmaw parti minn kalendarju ta’ attivitajiet taċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum. Hemm 5 attivitajiet prinċipali li jiġu organizzati ta’ kull sena; liema attivitajiet huma immirati għal klijenti kollha tal-Aġenzija kif ukoll għall-istaff. Dawn jinkludu: · Attività tal-Karnival · Fiera tar-Rebbiegħa · BBQ f’Settembru · Fun Day- organizzata mill-Methodian f’Ottubru · Festin tal-Milied Kull Ċentru jorganizza wkoll diversi attivitajiet għal gruppi żgħar, bil-għan li l-klijenti jibbenefikaw minn esperjenzi vasti. Dawn l-attivitajiet jiġu organizzati fil-ħinijiet matul il-ġurnata jew filgħaxija. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-attivitajiet kollha organizzati għall-klijenti tal-Aġenzija Sapport.

Sptar Monte Carmeli – trasferiment ta’ pazjent marid bil-Legionella

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti d-data ta’ meta ġie infurmat is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika fuq il-każ u meta l-pazjent li kellu l-Legionella ġie trasferit mill-Isptar Monte Carmeli għall-Isptar Mater Dei?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-imsemmi pazjent ġie trasferit mill-isptar Monte Carmeli għall-isptar Mater Dei fit-22 t’Awwissu 2017. Fit-30 t’Awwissu meta l-pazjent kien Mater Dei irriżulta li kellu PCR test għal-Leġjonella pożittiv. Skont prattiċi stabbiliti is-Suprintendent għas-Saħħa Pubblika kinet infurmata immedjatament u bdiet investigazzjoni fil-31 t’Awwissu. Bħala parti mir-rakkomandazzjonijiet tal-investigazzjoni, saru trattamenti tal-ilma fil-post kkonċernat kif ukoll inbiddlu u għadhom qed jinbidlu s-sistemi tal-ilma.

Kunsill Lokali Marsaskala – Ġemelaġġ ‘Douselage’

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta beda l-ġemelaġġ ‘Douselage’ ma’ diversi pajjiżi oħra mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala? Kemm kienet l-ispiża tal-Kunsill Lokali sal-lum biex jieħu sehem f’dan il-ġemelaġġ? X’benefiċċji qegħda tħalli din l-inizjattiva?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala issieħeb f’dan id-douzelage f’Mejju 2009 meta kien iffirma l-sħubija tiegħu f’Althea, Spanja. F’dan id-douzelage hemm bosta lokalitajiet minn diversi pajjiżi, b’kull sena ssir laqgħa annwali tal-lokalitajiet imsieħba fejn il-Kunsill jibgħat rappreżentanti biex jattendu għaliha. Il-Kunsill kiseb ħafna benefiċċji minn din id-douzelage għaliex issieħeb bħala partner f’ħafna proġetti. Propju din is-sena per eżempju, il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala issieħeb f’applikazzjoni fejn din il-ġimgħa stess se jkun qed jilqa’rappreżentanti minn ħames pajjiżi taħt progett EU Local. Għal dan il-proġett, il-Kunsill irċieva diġa €6000 u se jirċievi €9000 oħra fl-aħħar tal-proġett. Dan ma kienx l-unika proġett u kważi kull sena sar proġett jekk mhux aktar minn proġett wieħed. Il-Kunsill fil-fatt irnexxielu wkoll jagħmel proġett bħala lead partner ukoll fejn kienu issieħbu erba’ pajjiżi oħra fl-istess proġett. Il-Kunsill saħansitra tella’ studenti barra minn Malta biex jistudjaw fuq proġett ta’ tibdil ta’ klima. Intant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ispiża tal-Kunsill Lokali kull sena sas-sena l-oħra, fir-rigward ta’ dan id-douzelage. Dan id-douzelage huwa attiv ferm u ħalla ħafna frott. Ovvjament, il-Kunsill irid jaħseb għaliex xi darba se jkollu jorganizza il-Laqgħa Ġenerali Annwali li ssir kull sena u li jrid japplika bil-quddiem biex jikseb il-fondi u possibilment l-għajnuna tal-Ġvern Ċentrali.

Marsaskala — Użu tal-Berġa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta l-Gvern se jieħu azzjoni biex il-berġa ta’ Marsaskala, li tlaħħaq aktar minn 12,000 resident, tkun devoluta u tiġi introdotta għal aktar servizzi fosthom il-lifestyle clinic bħal ħafna mill-bereġ f’pajjiżna?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul l-2016 saru diversi xogħolijiet ta' manutenzjoni u tisbieħ u kif ukoll tiswijiet fil-membrane ta’ din l-istess msemmija berġa. Peress li f’din il-berġa hemm spazju limitat, l-lifestyle clinic qed jiġi provdut f’bereġ oħrajn fil-lokalijiet fil-viċin fosthom f’dik ta’ Ħaż Żabbar. Ninfurmah ukoll illi għal dan is-servizz ma hemmx lista ta’ stennija. Nfakkar lill-Onorevoli Interpellant illi mit-30 t’ Awwissu tal-2016 l-ġranet tal-ftuħ żdiedu b’ġurnata oħra biex b’hekk il-berġa ta’ Marsaskala bdiet tinfetaħ tliet ijiem fil-ġimgħa u għalhekk żdied aktar dan is-servizz.

Kunsill Lokali Marsaskala: Inizjattivi biex tissaħħaħ l-attività turistika

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi proġetti jew inizjattivi saru mill-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta biex tissaħħaħ l-attività turistika f’din il-lokalità?

Response (DALLI, HELENA)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Wied il-Għajn: Ċentru LEAP

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 28191 tat-Tnax-il Leġislatura bid-data tal-31 ta’ Ottubru, 2016, jista’ l-Ministru issa jgħid meta se jinfetaħ il-Family Resource Centre ta’ Wied il-Għajn? Sa issa, x’tip ta’ għajnuna u servizzi ġew identifikati mis-social mentors li għandhom bżonn il-familji? X’servizzi hemm ippjanati biex dawn il-familji jiġu megħjuna kemm jista’ jkun malajr?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi, il-ħidma tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali permezz tal-programm LEAP fil-lokalità ta’ Wied il-Għajn u l-madwar, bdiet sa mill-bidu tas-sena 2016. Dan sar billi ġew identifakati familji fil-bżonn, sew mill-iskema tat-tqassim tal-ikel (jintlaħqu minn dan iċ-ċentru residenti ta’ Wied il-Għajn, Żabbar u Xgħajra) kif ukoll dawk il-familji li irrikorrew fiċ-ċentru ta’ Wied il-Għajn għall-għajnuna. Sa mill-bidu tas-sena l-oħra dan iċ-ċentru kellu assenjati social mentors sabiex jipprovdu s-servizz. Il-ħinijiet tal-ftuħ huma mit-tmienja ta’ filgħodu sal-erbgħa ta’ wara nofs in-nhar mit-Tnejn sal-Ġimgha (08.00 a.m. – 04.00 p.m.). F’dan iċ-ċentru diġa’ saru laqgħat varji għal dawk li qed ifittxu x-xoghol u fuq kif tieħu ħsieb saħħtek. F’dan ċ-ċentru jiġu ukoll organizzati sezzjonijiet ta’ qari mill-Aġenzija Nazzjonali għal-Litteriżmu, darbtejn fil-ġimgħa. Isir ukoll taħrig fuq il-kompjuter kull tant żmien. Għandna wkoll għajnuna volontarja minn social worker irtirat li qed jiddedika numru ta’ sigħat fil-ġimgħa għal ħidma oħra soċjali. Minn Lulju 2017 il-ħidma intensifikat b’servizzi ta’ Terapija għat-Tfal kif ukoll jingħata servizz mill-Awtorità tad-Djar darba fix-xahar. Dawn is-servizzi jingħataw minn uffiċini mikrija mill-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn.

Ċentri ta’ Matul il-Jum — persuni bi problemi ta’ saħħa mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni bi problemi ta’ saħħa mentali li regolarment, kull ġimgħa, qed jattendu fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum? Jista’ jindika l-programmi ta’ kuljum li ġew organizzati x-xahar li għadda f’kull wieħed minn dawn iċ-Ċentri u kemm persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali attendew għalihom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fiċ-ċentri ta` matul il-jum jattendu madwar 248 persuna fil-ġimgħa. F’dawn iċ-ċentri ta’ matul il-jum jiġu organizzati diversi attivitajiet. L-attivitajiet ta’ kull ġurnata ivarjaw sabiex jindirizzaw il-bżonnijiet tal-persuni li jkunu qed jattendu. L-attivitajiet jistaw jingħataw kemm b’mod individwali kif ukoll fi gruppi. Xi individwi jistaw isibu diffikulta’ biex iwettqu attivitajiet bażiċi ta`kuljum bħal tindif u qadi domestiku minħabba l-kundizzjoni tagħhom. Sabiex jerġaw jakkwistaw l-indipendenza, dawn l-attivitajiet ikunu addattati skont il- bżonnijiet tal-persuni b’mod individwali. Isiru ukoll sessjonijiet individwali sabiex tingħata l-opportunità ta`riflessjoni fuq il-ħiliet intrapersonali kif ukoll interpersonali tal-individwi. Ħiliet intrapersonali jirreferu għal kwalitajiet li jintużaw biex persuni jirrelataw man-nies ta` madwarhom. Ħiliet interpersonali jippermettu li l-persuna jkollha l-abbiltajiet kollha fil-komunikazzjoni u kif ukoll ħajja soċjali b`saħħitha.L-attivitajiet fi gruppi jinkludu sessjonijiet kreattivi,terapewtici, diskussjonijiet fi gruppi, eżerċizzju fiżiku, xogħol volontarju, kif ukoll ħarġiet soċjali. Isir ukoll taħrig pre-vokazzjonali u professjonali eżempju kif tikteb CV, kif iġġib ruħek waqt intervista tax- xogħol eċċ. Matul ix-xahar ta’ Settembru, fic-centri ta’ matul il-jum saru 720 sessjoni. Dawn kienu jinkludu sessjonijiet individwali u kif ukoll fi gruppi.

Persuni li huma Coeliac

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hawn persuni reġistrati li għandhom il-kundizzjoni Coeliac u x’inhuma l-benefiċċji li huma ntitolati għalihom?

Response (FEARNE, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ pazjenti li jbatu mill-kundizzjoni kronika tas-Coeliac skont l-Iskeda V huwa ta’ 1,294. Dawn il-pazjenti kollha jibbenifikaw minn voucher ta’ valur monetarju ta’ €45 kull xahar; filwaqt li l-pazjenti li għandhom iktar minn 60 sena u kif ukoll dawk li jirċievu l-Għajnuna Soċjali huma ntitolati għall-voucher ta’ €50 kull xahar.
Leg 13 PQ #732 Sitting 15 2017-07-10 Oral · Final From: STEPHEN SPITERI To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Mater Dei – persuni li ħadu t-trattament tal-IVF

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm persuni li ħadu t-trattament tal-IVF fl-Isptar Mater Dei mill-2015 sal-lum? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-persuni kellhom suċċess b’dan it-trattament u kemm hu kkalkulat illi ħallset kull pazjenta f’mediċini / injections qabel sar l-IVF?

Response (FEARNE, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Jannar 2015 u Mejju 2017 saru 479 ċiklu ta’ IVF ġewwa Mater Dei. Sa issa twieldu 75 tarbija u mistennija li jitwieldu 36 tarbija oħra sa tmiem din is-sena. Waqt li t-trattament kollu li jingħata fl-isptar huwa bla ħlas, l-ispiża għall-mediċina tvarja skont it-trattament li jkun hemm bżonn jingħata.

Wied il-Għajn — Child Care Centres

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm child care centres f’Wied il-Għajn peress li f’din il-lokalità joqogħdu ammont kbir ta’ ommijiet xebbiet u persuni separati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm żewġ childcare centres fil-lokalità ta’ Wied il-Għajn.
Leg 13 PQ #734 Sitting 15 2017-07-10 Oral · Final From: STEPHEN SPITERI To: Ministeru għas-Saħħa

Żieda ta’ Ċentri tas-Saħħa

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif jekk il-Gvern għandux pjanijiet biex jiżdiedu ċ-Ċentri tas-Saħħa speċjalment f’lokalitajiet kbar bħal Marsaskala?

Response (FEARNE, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa d-Dipartiment tal-Kura Primarja għaddej bix-xogħol neċessarju sabiex jinfetaħ Ċentru tas-Saħħa ġdid f’Ħal Kirkop.Permezz ta’ dan iċ-ċentru ser ikunu qed jibbenefikaw ir-residenti ta’ Ħal Safi, iż-Żurrieq, Ħal Kirkop, il-Qrendi, l-Imqabba u Ħal Luqa. Apparti minn hekk, infakkar lill-Onor. Interpellant illi dan il-gvern qed jinvesti fil-proġett Paola Hub, fejn ser ikun qed jinbena Ċentru tas-Saħħa ta’ eċċellenza fil-qalba ta’ Raħal Ġdid li minnu mal-140,000 persuna mistennija tibbenefika u dan ser ikun punt ta’ riferiment mediku għal dawk li jgħixu fin-Nofsinhar ta’ Malta.

Child care b’xejn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid illum kemm huwa n-numru ta’ familji li qed jibbenefikaw mis-servizz b’xejn ta’ child care?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li hemm 7,361 il-ġenitur/kustodju legali li qed jibbenefika mis-servizz b’xejn ta’ childcare, taħt l-iskema ta’ Childcare bla Ħlas li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ April 2014.

Child Care Centres – rapporti ta’ maltrattament tat-tfal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm rapporti ta’ maltrattament tat-tfal li jattendu ċ-Child Care Centres minn min jieħu ħsiebhom jew mill-ġenituri tat-tfal stess? Kemm-il darba saret spezzjonif’kull Ċentru f’dawn l-aħħar tliet snin?’

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li minn mindu r-responsabbiltà taċ-Childcare Centres imxiet mid-DSWS għall-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol f’Lulju tal-2016, id-Direttorat tal-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni (DKSE) irċieva 60 rapport (23.06.2017) li l-ebda wieħed minnhom ma kien relatat ma’ maltrattament mill-ġenituri tat-tfal stess. Ta’ min wieħed isemmi li f’każijiet ta’ allegat abbuż mill-ġenituri, hija prassi standard li dan jiġi riferut lill-awtorità konċernata (Appoġġ) u għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità dawn mhux dejjem jaslu għand id-DKSE. Madwar 25% tar-rapporti li rċieva d-DKSE kienu relatati mar-ratio tal-carers mat-tfal skont l-istandards stabbiliti fl-2006 u li jistgħu jinstabu http://education.gov.mt/en/childcareservices/Pages/Standards-for-Child-Day-Care.aspx ) u/jew relatati man-numru massimu ta’ tfal li ċ-ċentru għandu permess li jżomm f’mument wieħed partikolari, filwaqt li 17% kienu rapporti li jallegaw negliġenza mill-carers. Il-bqija tar-rapporti kienu jvarjaw fuq aspetti differenti bħal indafa fiċ-ċentri (madwar 17%) u, kif wieħed jistenna f’din l-età tenera, kien hemm rapporti ta’ inċidenti varji bejn it-tfal stess (madwar 22%). Kull rapport li daħal ġie investigat u ttieħdu passi skont il-każ filwaqt li min għamel ir-rapport ġie infurmat bil-passi li ttieħdu filwaqt li jinżamm kuntatt kemm maċ-ċentru kif ukoll ma’ min għamel ir-rapport sabiex ikun segwit il-progress. Dan kollu jsir bl-għan prinċipali biex inkomplu naħdmu flimkien ma’, u fl-istess ħin nedukaw lil ġenituri u kif ukoll lil kull min jaħdem f’dan is-settur li għadu pjuttost ġdid għal pajjiżna. S’issa d-DKSE spezzjona kull ċentru u fejn kien meħtieġ saret aktar minn spezzjoni waħda u/jew laqgħat mal-Legally Responsible Person u s-Centre Manager sabiex inkomplu nsaħħu l-proċess ta’ titjib fil-kwalità tas-servizz. Bħalissa qegħdin fil-proċess biex terġa’ ssir spezzjoni oħra f’kull ċentru (madwar 107) sa Novembru li ġej.
Leg 12 PQ #31539 Sitting 490 2017-03-06 Oral · Final From: STEPHEN SPITERI To: Ministeru għas-Saħħa

Fondazzjoni Richmond – servizzi offruti – fondi mill-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jindika liema huma dawk is-servizzi offruti mill-Fondazzjoni Richmond li qed jirċievu fondi mill-Gvern? Jista’ jgħid kemm ġew allokati flus din is-sena għal kull servizz mogħti minn din l-NGO u x’irid wieħed jagħmel biex jagħmel użu minn dawn is-servizzi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-servizzi mogħtija mill-Fondazzjoni Richmond li huma megħjuna finanzjarjament mill-Gvern jinkludu akkommodazzjoni provduta għall-pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali fi tlett hostels li jinsabu f’Ħal Qormi, Ħ’Attard u Raħal Ġdid. Dar il-Merill f’Ħal Qormi, Villa Rubery ġewwa Ħ’Attard u l-Hostel f’Raħal Ġdid joffru servizz ta’ akkomodazzjoni għal 34 pazjent. Dawn il-pazjenti jingħatalhom ukoll servizz ta’ kura għal 24 siegħa kuljum. Jingħatalhom is-sapport meħtieġ minn Carers speċjalizzati fil-qasam tal-kura tas-Saħħa Mentali. Ninfurmah ukoll li wara li l-pazjenti jkun sarilhom diversi follow ups u aktar tard assessment minn tim multidixxipplinarju, dawn ikunu jistaw jgħixu kemm jista’ jkun indipendenti fi djarhom jew f’wieħed mill- hostels tal-Fondazzjoni Richmond filwaqt li xorta jkunu qed jieħdu l-kura u s-sapport minn nies professjonali f’dan il-qasam.

Psychology and Family Therapy Services — professjonisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsistu l-Psychology and Family Therapy Services? Jista’ jgħid kemm hemm professjonisti joffru dawn is-servizzi u kemm kien hemm familji li bbenefikaw minn dawn is-servizzi mis-sena 2014 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu hija kif ġej: · Fis- Psychology Team bħalissa hemm 5 impjegati jaħdmu full-time, 11 jaħdmu part-time jew siegħat mnaqqsa u waħda li qiegħda fuq unpaid leave. In-numru ta’ persuni u familji li ħadem magħhom Is- Psychology Team , huwa kif ġej: 2014: 278 persuna, 2015: 287 persuna u 38 familja, 2016 (sa Ġunju): 179 persuna u 17-il familja. · Fil-Family Therapy Services bħalissa hemm 3 impjegati full-time, 3 part-time jew b’sieghat imnaqqsa u waħda fuq unpaid leave. In-numru ta’ persuni u familji li ħadmu magħhom il-ħaddiema tal-Family Therapy Services, huwa kif ġej: 2014: 93 persuna, 2015: 132 persuna u 23 familja, 2016 (sa Ġunju): 101 persuna u 6 familji.

Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità – Servizz ta’ Outreach

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti s-servizz ta’ Outreach mogħti mid-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità? Jista’ jgħid x’għandu wieħed jagħmel biex jirċievi dan is-servizz u kemm hemm klijenti li bħalissa qed jirċievu dan is-servizz u jekk hemmx xi waiting list?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, is-servizz ta’ Outreach jikkonsisti f’assessjar minn tim professjonali bħal infermiera, social worker u terapisti. Mill-assessjar joħroġ jekk l-klijent għandux bżonn li jiġi assistit minn carers. L-għan tas-servizz huwa li l-klijent jerġa’ jikseb l-indipendenza tiegħu. Minn naħa l-oħra qed naraw ukoll li t-talba għall-għajnuna ta’ Respite ġewwa d-dar tal-klijent żdiedet drastikament minn sena għal sena, fil-fatt ser jibda servizz ġdid li tħabbar fil-baġit ta’ Respite fid-dar. Bħalissa ma hemmx waiting list għas-servizz ta’ Outreach. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, fis-sena 2016, kienu 50 klijent li għamlu użu mis-servizz ta’ Outreach.

Klabb 3-16 — servizz

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jattendu studenti f’kull lokalità fejn qed jingħata s-servizz Klabb 3 – 16 u x’inhuwa l-ħlas ta’ kull student li jagħmel użu minn dan is-servizz?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mill-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi li t-tagħrif mitlub hu kif muri fit-tabella hawn taħt, kif se nsemmi: Centre Name Active Children Attard 70 B'Kara 64 B'Bugia 28 Fgura 39 Ħamrun 30 Ħaż-Żabbar 34 Ħaż-Żebbuġ 36 Luqa 26 M'Skala 85 Mellieħa 72 Mġarr 43 Mosta 65 Naxxar 59 Paola 64 Pembroke 102 Qormi SG 44 Rabat 19 San Ġwann 73 Santa Venera 40 Siġġiewi 23 Sliema 59 St Julians 19 San Pawl il-Baħar 108 Valletta 13 Żejtun 35 Żurrieq 45 Victoria 15 Xagħra 8 Total 1318 Ir-rata ta’ ħlas hija ta’ €0.80 kull siegħa.

Ċentri LEAP – servizz fil-komunità mill-Awtorità tad-Djar

Question

Jista’ l-Ministru jindika f’liema Ċentri LEAP qed jingħata servizz fil-komunità mill-Awtorità tad-Djar? Jista’ jgħid ukoll kemm-il darba jingħata dan is-servizz matul ix-xahar u f’liema ħin u ġurnata jingħata?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba hija kif miġbura fit-tabella t’hawn taħt: ĊENTRU LEAP - REĠJUN Ġurnata li fiha jingħata is-servizz fil-komunità mill-Awtorità tad-Djar ĦIN Ċentru LEAP Qawra Kull nhar ta’ Erbgħa 8:00 – 12:00 Ċentru LEAP Cottonera Darba fix-xahar kull nhar ta’ Erbgħa 8:00 – 12:00 Ċentru LEAP Kirkop Darba fix-xahar kull nhar ta’ Erbgħa 8:00 – 12:00 Ċentru LEAP Msida Darba fix-xahar kull nhar ta’ Erbgħa 8:00 – 12:00 Ċentru LEAP Qormi Darba fix-xahar kull nhar ta’ Erbgħa 8:00 – 12:00
Leg 12 PQ #31544 Sitting 490 2017-03-06 Oral · Final From: STEPHEN SPITERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħaddiema fis-Settur Pubbliku – Ftehim Kollettiv

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid meta se jiġi ffirmat il-ftehim kollettiv il-ġdid għall-ħaddiema fis-Settur Pubbliku li skada f'Diċembru tal-2016? Jista’ jgħid jekk f'dan il-ftehim kollettiv hiex se tiġi indirizzata l-problema ta' pagi baxxi li qed jiffaċċjaw ħaddiema li qegħdin fi skali 15, 16, 17, 18, 19, u 20, peress li persuna li qiegħda bħala Skrivana fi skala 16 qed tispiċċa b'paga ta' madwar €900 nett fix-xahar meta wieħed jaqta' l-bolla u taxxa, u Skrivani fi gradi inqas qed jispiċċaw b'madwar €800 fix-xahar biss, u ma jistgħux ilaħħqu mal-ispejjeż ta' kuljum?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27528.