Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment tat-Taxxi Interni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex il-persuna mill-Isla, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ntbagħtlu kont mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni ta' Lm49 meta dan is-sinjur qed jallega li m'għandu l-ebda kont pendenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi lill-persuna għand id-Dipartiment tat-Taxxi Interni.

Furjana — Kopji tal-pjanti ta' fond

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra, kopji tal-pjanti ta' 25, Triq Pietro Floriani, Furjana li fih ser ikun hemm is-sede tad-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti mitluba mill-Onor. Interpellant.

Isla — Spezzjoni ta' fond

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta hi mistennija li ssir l-ispezzjoni mill-ħaddiema tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni fil-fond fl-Isla, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna ndikata li tmur l-Customer Care tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

Care and Repair

Question

Tista' l-Ministru tara li persuna li ma jaħdimx, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, mill-Birgu b'ħamest itfal jibbenefika mill-inizjattiva Care and Repair?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna ndikata li tmur l-Customer Care ta' l-Awtorita’ tad-Djar biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

Injorata minn uffiċjali tad-dipartiment

Question

Tista' l-Ministru tara jekk hux minnu dak li qed tallega l-persuna Zabbarija, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, jiġifieri li qed tkun injorata minn uffiċjali ta' l-istess ministeru?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li minn investigazzjoni li saret, inkluż kuntatt mal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant, irriżulta li din il-persuna qatt ma kienet kellmet xi uffiċjal fil-Ministeru tiegħi u għalhekk l-allegazzjoni tagħha li ġiet injorata minn uffiċjali ta’ l-istess Ministeru hi kompletament infondata.

Benefiċċju soċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex is-single parent mill-Birgu, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, mhix qed tiegħu r-relief fuq it-tifel iż-żgħir tagħha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna ndikata li tmur l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

Servizzi Soċjali — Appointments

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta huma mistennija li joħorġu l-appointments tal-Manager Area Officers tas-Servizzi Soċjali? Meta ser jingħataw?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-ħatriet tal-managers li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant ser jinħarġu kif jitlesta l-proċess li jiġu assenjati f'liema uffiċċju distrettwali ser jaħdmu.

Persuni separati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni separati f'Malta u Għawdex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fir-Reġistru Pubbliku ta' Malta u dak ta' Għawdex jiġu reġistrati biss dawk is-separazzjonijiet fejn il-mara terġa' tirreverti għal kunjom xbubitha. L-informazzjoni dwar dawn għall-perijodu bejn l-1 ta' Ottubru 2002 u l-10 ta' Mejju 2007 hija s-segwenti:- Malta Għawdex 2002 54 2 2003 244 12 2004 164 6 2005 237 10 2006 211 10 2007 80 xejn

Żwiġijiet ċivili

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hawn żwiġijiet ċivili mis-sena 2000 sas-sena 2007, sena b'sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif ġej:- Numru ta' żwiġijiet ċivili Sena Malta Għawdex 2000 443 32 2001 449 19 2002 534 41 2003 737 65 2004 686 41 2005 701 43 2006 751 51 2007* 143 8 *sat-30 ta' April.

Servizzi tas-saħħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ibbenefikaw minn servizzi tas-saħħa, ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea (mhux ċittadini Maltin) fl-Isptar San Luqa u sptarijiet oħra governattivi u ċentri tas-saħħa, mis-sena 2004 sal-lum sena, b'sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tinsab hawn taħt: Sena 2004 - 3595 Sena 2005 - 3458 Sena 2006 - 4352 * Sena 2007 - 666 * Minn Jannar sa April 2007.

Xogħol ta' kostruzzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid x-xogħol ta' kostruzzjoni u struttura hu mistenni li jsir fil-fond li ġie akkwistat mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali, bl-indirizz 25, Triq Pietro Floriani, Furjana? Kemm ser ikun l-ammont ta' flus involut?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tad-Djar m’għandiex ħsieb li tagħmel alterazzjonijiet fil-post indikat mill-Onor. Interpellant.

Furjana — Uffiċini

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'aġġornar ser isir biex il-fond 25, Triq Pietro Floriani, Furjana jkun ta' standard biex ikun jista' jintuża bħala uffiċini tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Numru 26499 f’din l-istess Seduta.

Pembroke — Fond

Question

Tista' l-Ministru tara li l-problema tal-fond, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħatu separatament u li jinsab Pembroke tkun rimedjata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt it-talba ta’ l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar biex jinvestiga.

Awtorita' tad-Djar — Possession and use

Question

B'referenza għal mistoqsija parlamentari 24897, tista' l-Ministru tgħid x'inhu l-valur stabbilit tal-fond li d-dettalji dwar qed jintbagħtu separatament, liema fond jinsab l-Isla? Tista' ġentilment tieħu konsiderazzjoni li dan il-post kien, sa ftit żmien ilu, milqut mil-liġi possession and use u dan b'konsegwenza li l-inkwilin kien imċaħħad milli jixtri għal bosta snin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata direttament mill-Awtorita’ tad-Djar bil-prezz kummerċjali tal-fond, kemm bil-miktub kif ukoll permezz ta’ telefonata.

Kindergarten Assistants

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu Supply Kindergarten Assistants fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni? X'inhi l-pożizzjoni tagħhom mal-gvern? Se jsiru tal-post jew le? X'possibilta' hemm li jitjiebu l-kundizzjonijiet tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' Supply Kindergarten Assistants bi klassi huwa ta' 42. Il-pożizzjoni ta' kindergarten Assistants hi regolata bil-ftehim bejn il-Gvern u l-MUT.

Persuni b'diżabilita'

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni reġistrati bħala persuni b'diżabilita' f'Malta u f'Għawdex? Kemm minnhom jaħdmu xogħol permanenti? Kemm minnhom jaħdmu part-time? Kemm minnhom jirreġistraw għax-xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija nirreferi l-Onor. Membru lill-Ministru tal-politika soċjali. Informat ukoll li n-numru ta’ persuni reġistrati għax-xogħol bħala persuni b’diżabilita’ ma’ l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ sa l-aħħar ta’ April 2007 kien ta’ 356 persuni fuq l-Ewwel u t-Tieni Parti tar-reġistru ta’ l-ETC. Fl-aħħar ta’ Novembru 2006 kien hemm 985 persuni b’diżabilita’ li kellhom xogħol ‘Full Time’ u 171 persuni b’diżabilita’ li kellhom biss xogħol ‘Part Time’.

Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Tista' l-Ministru tara li ssir spezzjoni mill-ħaddiema tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali, fil-fond f'Hal Għaxaq, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li hu okkupat minn sitt persuni u li hu ċkejken ferm għan-numru ta' nies li jgħixu fih.

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-ispezzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant mistennija ssir fil-futur qrib.