Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħaż-Żabbar — Triq A. Cagliari

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hi mistennija li ssir Triq A. Caligari, Ħaż-Żabbar? Meta hu pproġettat li jinbeda x-xogħol?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-ADT għadu kemm lesta area estensiva ta' bini tat-toroq ġewwa l-area ta' Bieb is-Sultan. Dawn it-toroq jinkludi Triq Guzeppi Micallef, Triq Alofju Wignacourt, Triq il-Għasel, Triq Bieb is-Sultan u Triq il-Baħrija. Fil-ġranet li ġejjin ser jinbeda x-xogħol fi Triq Alessio Errardi wkoll. It-toroq ta' Ħaz-Zabbar ser jitkomplew skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.

MEPA — Skema ta' għajnuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hi mistennija li toħroġ l-iskema ta' għajnuna mill-MEPA għall-irranġar, titjib u tibdil ta' galleriji? F'liema lokalitajiet se jkunu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 27173.

Għassa ma' immigranti rregolari

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li fil-futur se jiġu ngaġġati eks-suldati u eks-pulizija biex joqogħdu għassa ma' l-immigranti rregolari? Għaliex mhux persuni oħra? Jista' jilqa' s-suġġerimenti li dawk li jinsabu bla xogħol u għamlu l-kors ta' security guard ikunu ntitolati li jagħmlu dan ix-xogħol?

Response (BORG, TONIO)

Nikkonferma li hemm il-ħsieb li fil-futur se jiġu ngaġġati fuq bażi każwali eks pulizija u eks suldati biex joqogħdu għassa ma’ l-immigranti irregolari. Il-policy sa issa kienet li dawn in-nies jiġu ngaġġati minn fost dawk li servew f’korp dixxiplinat. Is-suġġeriment li jiġu ingaġġati nies li għamlu kors ta’ Security Guards biex jagħmlu għassa ma’ immigranti rregolari ġie innotat.

Possession and Use

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fond, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, hux milqut mil-liġi tal-Possession and Use? Jista' jinxtara?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-fond li rrefera għalih l-Onorevoli Interpellant fil-fatt huwa mibni fuq art li ġiet esproprjata mill-Gvern taħt titluta' pussess u użu.

Art esproprijata

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-file, li qed jintbagħat separatament, fejn biċċa art ta' kejl 835 metru kwardu, u li tinkludi fuqha parti minn razzett, kienet ġiet esproprijata u s-sidien qatt ma tħallsu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-kumpens għal art ta' kejl ta' 835 metru kwadru, li tinkludi fuqha parti minn razzett, u li dettalji tal-file intbagħtu separatament, u li ġiet esproprijata, ikun jista' jitħallas meta d-Dipartiment ta' l-Artijiet jipproċessaha u isir ħlas mill-fondi neċessarji.

Faċċata ta' dar f'periklu

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ma tteħdux l-passi neċessarji fejn hemm faċċata f'periklu għal terzi persuni, quddiem ir-residenza li tinsab fi Triq l-Antika, Birgu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ma rċeviet l-ebda rapport dwar proprjeta' tal-Gvern perikoluża fit-Triq li rrefera għaliha l-Onorevoli Interpellant. Fl-istess triq ma jirriżultax li hemm xi proprjeta' tal-Gvern li hija perikoluża. Minn spezzjoni li saret minn uffiċjali tat-Taqsima il-proprjeta' fit-triq in kwistjoni li jista' għandha bżonn xi attenzjoni tidher li mhix tal-Gvern. Tlabt lill-Pulizija biex tinvestiga dan l-ilment.

Awtorita' tad-Djar

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25550, it-talba mitluba kienet għal xi għajnuna/skema mill-Awtorita' tad-Djar. Tista' l-Ministru tieħu l-passi neċessarji?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-talba li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant, li saret fl-10 ta’ Mejju 2007, qed tiġi proċessata u hi fl-istadju li jiġu verifikati l-assi ta’ l-applikant.

Dipartiment tat-Taxxi Interni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'sar minnha t-talba tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, minn Haz-Zabbar quddiem id-Dipartiment tat-Taxxi Interni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

M’għandi xejn x’inżid għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 23810.

Vending machines

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25786 rigward vending machines, jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra, inkella jurini personlament, il-permessi li nħarġu mill-kunsill lokali u dan minħabba li l-kunsill lokali in kwestjoni qed jiċħad li ngħataw il-permessi?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.

Armar ta' scaffoldings

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk kunsill lokali jistax jimponi xi forma ta' taxxa għall-armar ta' scaffoldingmeta dan ikun qed jagħlaq xi parti minn bankina? Jekk fl-affermattiv, sa kemm jista' jkun il-prezz mitlub?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, skond l-Avviż Legali 119 ta' l-2002, Kunsill Lokali jista' jitlob ħlas għal awtorizzazzjoni għal depożitu ta' materjal tal-bini jew materjal ieħor jew xi oġġetti f'xi triq (Regolament 7). Skond Skeda C ta' l-istess Avviż Legali, id-dritt dovut hu ta' Lm1 għal kull metru kwadru jew parti minnu għal kull jum (jew parti minnu).

Korp tal-Pulizija

Question

Kemm daħlu pulizija fil-Korp, mis-sena 2000 sena b'sena sal-lum? Xi kwalifiki jrid ikollhom? Meta ser toħroġ sejħa oħra biex jidħlu? Ġew ingaġġati pulizija mingħajr livell ordinarju ta' l-edukazzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi r-reklutaġġ ta' kuntistabbli fil-Korp tal-Pulizija bejn is-sena 2000 u 2006 kien hekk: 2000 2001 2002 2003 2005 2007 76 88 72 100 100 135 Fost il-kwalifiċi rikjesti f'dawn ir-reklutaġġi kienu li l-applikanti jkollhom ta' l-anqas 3 suġġetti f'livell Ordinarju, bi tnejn minnhom ikunu l-Malti u l-Ingliż. Għaldaqstant min ma kellux dawn il-kwalifiċi ma setgħax japplika. Infurmat ukoll illi l-aħħar sejħa għall-applikazzjonijiet kienet ġiet pubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tal-11 ta' Mejju 2007, liema sejħa għalqet nhar l-4 ta' Ġunju 2007.

Forzi Armata

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm daħlu suldati fl-Armata mis-sena 2000 sena b'sena sal-lum? Xi kwalifiki jrid ikollhom? Meta ser toħroġ sejħa oħra biex jidħlu? Ġew ingaġġati suldati mingħajr livell ordinarju ta' l-edukazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Bormla — Dock no. 1

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jibda x-xogħol fuq Dock No. 1, Bormla?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għadhom għaddejin in-negozjati bejn il Gvern u l-Consortium. Hekk kif dawn in-negozjati jiġu konklużi u tgħaddi r-Riżoluzzjoni Parlamentari għat-trasferiment ta’ l-art, ix-xogħol ikun jista’ jinbeda wara li l-permessi tal-MEPA ikunu finalizzati.

Possession and Use

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-fond f'Bormla, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, hux milqut bil-liġi tal-Possession and Use?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-fond li irrefera għalih l-Onorevoli Interpellant fil-fatt huwa mibni fuq art li ġiet esproprjata mill-Gvern taħt titlu ta' pussess u użu.

Rampa quddiem il-bieb

Question

Tista' l-Ministru tara li l-persuna mill-Isla, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li qatgħulu saqajh u jinsab f'wheelchair u l-fond li fih jabita jinstab f'taraġ, issirlu rampa sal-bieb tiegħu, għax ma jistax joħroġ mid-dar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar biex jinvestiga.

Zabbar — Sleeping Policeman

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir sleeping policeman fi Triq iċ-Ċimiterju, Haz-Zabbar, idealment quddiem fond nru 10? Dan minħabba li f'din it-triq dejqa qed jgħaddu ħafna karozzi b'veloċita' qawwija li qed joħolqu bosta periklu għal min ikun miexi fl-imsemmija triq.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku rriżulta li ma kien hemm l-ebda talba mill-Kunsill Lokali Żabbar għal tali' round topped road hump fi Triq iċ-Ċimiterju.

Care and Repair

Question

Tista' l-Ministru tara li l-anzjana Bormliża, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tibbenefika mill-inizjattiva Care and Repair?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna ndikata li tmur l-Customer Care ta' l-Awtorita' tad-Djar biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

Fgura — Spezzjoni fuq fond

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23701 fejn intqal li f'nofs Frar kellha ssir spezzjoni fil-fond fil-Fgura, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, mill-ħaddiema ta' l-Awtorita' tad-Djar, għaliex din sal-lum għadha ma saritx? Tista' tara li t-talba tkun milqugħa mill-aktar fis possibbli?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onor. Interpellant li fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Numru 23701, li jien tajt f’Seduta Numru 494, jien ma għidtx li l-ispezzjoni kellha ssir f’nofs Frar. Ninsab infurmata li din l-ispezzjoni saret fis-6 ta’ Ġunju 2007.

Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-persuna Bormliża, li d-dettalji dwar qed jintbagħtu separatament, għandux applikazzjoni quddiem d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali, u dan minħabba li fejn jgħix ser jagħlaqlu ċ-ċens temporanju, u hemm ċans li l-familja tiegħu tispiċċa fit-triq?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna ndikata li tmur l-Customer Care tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.