Jista' il-Minstru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni DH/39/01/159 għal-qabar l-Addolorata li saret mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li l-applikazzjoni DH\39\01\159 ghal qabar l-Addolorata tinsab fil-'waiting list' bhal applikazzjonijiet simili.
Jista' il-Ministru jgħid jekk jafx bil-leakage ta' drenaġġ fil-garaxx tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? X'għamel u x'qed jagħmel id-dipartiment biex tissolva din il-problema?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tad-Dranaġġ qatt ma rċieva l-ilment imsemmi. Minkejja dan id-Dipartiment iċċekkja l-main tal-Gvern fi Triq Upper St. Albert u ma nstab l-ebda leakage.
Jista' il-Ministru jara li d-dipartiment tas-sanita' jieħu l-passi neċessarji kollha ħalli jitneħħa l-leakage ta' drenaġġ fil-garaxx tal-fond tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-ilment dwar tnixxija ta' drenaġġ li għalija qiegħed jagħmel riferenza l-Onor Interpellant issa ġie solvut billi nbidlet il-medda kollha tas-sistema tad-drenaġġ tal-fond indikat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jiġu rranġati l-problemi strutturali li hemm fil-fond nru. 19, San Filippu, l-Isla li ġew kaġunati bix-xogħol li qed jagħmel il-gvern fil-binja l-ġdida li qed tinbena fl-istess triq? Id-dettalji qed jintbagħtu separatament.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li t-tiswijiet meħtieġa fl-indirizz indikat huma ta’ natura żgħira u dawn ser isiru fil-futur qrib.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ibbenefikaw households minn sussidju ta' kera f'postijiet tal-gvern? Kemm kien l-ammont ta' flus ta' sussidju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu 3063 post li hu suġġett għall-sussidju fuq il-kera. Huwa stmat li s-sussidju ilaħħaq madwar Lm440,000.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ibbenefikaw households minn sussidju ta' kera f'postijiet privati? Kemm kien l-ammont ta' flus ta' sussidju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li bejn l-1 ta’ Lulju 2002 u t-30 ta’ Ġunju 2003 kien hemm total ta’ 583 household li bbenefikaw miż-żewġ skemi ta’ l-Awtorita’ tad-Djar dwar sussidju ta’ kera ta’ postijiet privati. Dan is-sussidju kien jammonta għal Lm86,679.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għandu postijiet id-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali li huma rekwiżizzjonati? Kemm għandu tal-privat? Kemm għandu tal-gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu 8739 post rekwiżizzjonat tal-Gvern filwaqt li 9767 huma tal-privat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-gvern biex tagħti assistenza lill-volontarjat li jipprovdi servizz lill-persuni fil-bżonn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Gvern jikkonsidra l-volontarjat, partikolarment dawk il-għaqdiet mhux Governattivi li jipprovdu servizzi lill-persuni fil-bżonn, bħala wieħed mill-pilastri fl-iżvilupp ta’ soċjeta’ demokratika li ma tħalli lil ħadd barra.
Biex isostni dak li jemmen fih bil-fatti, fl-2001 dan il-Gvern għolla l-allokazzjoni ta’ fondi, biex jgħin finanzjarjament lil dawn l-għaqdiet fis-settur soċjali, minn Lm400,000 għal Lm700,000 fis-sena. Dawn il-fondi jiġu mqassma wara li jiġu evalwati l-proġetti sottomessi, fid-dawl tal-prijoritajiet għas-servizzi meħtieġa u l-livell tas-servizz provdut.
Dan kollu hu apparti għajnuna oħra li tingħata mid-diversi Ministeri lill-għaqdiet mhux governattivi fl-oqsma kulturali, soċjali, sportivi eċċ.
Minbarra għajnuna finanzjarja dan il-Gvern jgħin ukoll għaqdiet volontarji billi jassenja mpjegati pubbliċi biex jaħdmu ma’ dawn l-għaqdiet waqt li jkomplu jitħallsu minn fondi pubbliċi.
I
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma l-lokalitajiet fejn hemm siti li qed jinbnew bħala proġetti ta' housing? X'inhu l-kejl ta' kull biċċa art? X'inhu l-valur ta' kull biċċa art? Kif ġiet akkwistata kull biċċa art? X'inhu ċ-ċens ta' kull biċċa art? Min kien is-sit ta' kull biċċa art? Min kien il-perit li għamel il-valur ta' kull biċċa art?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li ebda Dipartiment jew entita’ li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi ma għandu informazzjoni dwar iċ-ċens u min kien il-perit li għamel il-valutazzjoni ta’ kull biċċa art. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bil-kumplament ta’ l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew reklutati impjegati ġodda bejn Jannar 2003 sa 12 ta' April 2003 ma' l-Awtorita' tad-Djar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li fil-perijodu ndikat mill-Onor. Interpellant ġew impjegati erba’ junior clerks ma’ l-Awtorita’ tad-Djar biex jissostitwixxu skrivani oħra li tterminaw l-impjieg tagħhom ma’ l-Awtorita’.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-Politika tal-Gvern fejn jidħlu il-lifts fil-qasam ta' postijiet ġodda tal-Gvern; fil-qasam ta' postijiet qodma tal-Gvern u fil-qasam tas-settur privat (Housing)?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-politika tal-Gvern dwar il-lifts fil-qasam ta’ blokki ġodda tal-Gvern hi li dawn il-blokki jiġu fornuti b’lift.
Għal dak li jirrigwards blokki qodma tal-Gvern, l-Awtorita’ tad-Djar tikkunsidra applikazzjonijiet taħt Skema V biex tinstalla lift fejn ikun hemm persuna li jkollha diżabilita’ ta’ mobilita’ tgħix fil-blokk. Residenti f’dawn il-blokki li jkunu xtraw l-appartament mingħand l-Awtorita’ jintalbu jħallsu 50% tas-sehem tagħhom filwaqt li l-inkwilini l-oħra ma jħallsu xejn għall-installar.
Taħt Skema 7 ta’ l-Awtorita’ tad-Djar, persuni b’diżabilita’ ta’ mobilita’ li jgħixu fi blokki privati jingħataw sa massimu ta’ Lm2,800 bħala sussidju biex jinstallaw lift fil-blokk tagħhom.
Jista' il-Ministru jgħid x'sar minnha l-Kummissjoni għar-Reviżjoni tal-Liġijiet tal-kera li ġiet imwaqqfa fl-1998? Jista' jitpoġġa kopja tar-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra rigward ir-rakkomandazzjonijiet ta' din l-istess kummissjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, sallum, il-Kummissjoni għar-Reviżjoni tal-Liġijiet tal-Kera, mwaqqfa fl-1998 mill-Gvern Laburista ta’ dak iż-żmien, għadha ma ppreżentatx ir-rapport tagħha u dan minkejja diversi tentattivi minn naħa tiegħi biex tagħmel dan u l-fatt li l-membri tagħha kienu tħallsu qabel ma’ daħlet l-Amministrazzjoni ġdida Nazzjonalista f’Settembru 1998.
Jista' il-Ministru jgħid fid-dawl tad-diskors mill-Eċċellenza tiegħu il-professur Guido De Marco fl-okkażjoni tal-ftuħ ta' l-għaxar parlament rigward reviżjoni sħiħa tal-liġijiet tal-kera, x'għandu maħsub il-Gvern fuq dan il-qasam?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid fid-dawl tad-diskors mill-E.T. il-President ta' Malta Guido De Marco fl-okkażjoni tal-ftuħ tal-parlament li jingħataw inċentivi għall-użu tal-ħafna djar vojta li hawn, x'għandu maħsub il-Gvern fuq dan il-qasam?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid fid-dawl tad-diskors ta' l-E.T. il-President Guido De Marco fl-okkażjoni tal-ftuħ ta' l-għaxar parlament fejn qal li ser jingħataw inċentivi għall-użu tal-ħafna djar vojta li hawn, x'għandu maħsub il-Gvern fuq dan il-qasam?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Gvern jippubblika l-pjanijiet tiegħu dwar is-suġġett kif dawn jiġu finaliżżati.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew reklutati impjegati ġodda bejn it-13 ta' April 2003 sal-15 ta' Lulju 2003 ma l-Awtorita' tad-Djar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li fil-perijodu ndikat mill-Onor. Interpellant ġew impjegati żewġ technical officers ma’ l-Awtorita’ tad-Djar. Dawn issostitwixxew impjegati oħra li tterminaw l-impjieg tagħhom ma’ l-Awtorita’.
Jista' il-Minstru jgħid kemm il-persuna hemm residenti fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? F'liema lokalita' iddikjaraw li huma kienu residenti qabel? Kemm hemm nisa u kemm hemm irġiel?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fid-19 ta` Lulju 2003 in-numru ta` persuni li kienu qed jinżammu fil-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin kien ta` 275. Minn dawn 265 huma rġiel u 10 huma nisa.
Il-lokalita` dikjarata meta ġew irreġistrati hija kif turi t-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.