Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti barranin jattendu xi kors l-Universita' ta' Malta fil-perjodu 1999-2003? Minn liema pajjiżi kienu jew huma dawn l-istudenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bin-numru ta' studenti barranin li jattendu xi kors l-Universita' ta' Malta bejn l-1999 u l-2003.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ċittadini Maltin akkreditati bħala diplomatiċi f'ambaxxati barranin f'Malta?
Response (BORG, JOE)
Ninsab infurmat li skond l-aħħar Lista ta' Diplomatiċi akkreditati għal Malta li ġiet ippubblikata fil-Gażżetta tal-Gvern Numru 17305 tal-25 ta' Ottubru 2002, kif stipulat mill-Att ta' l-1966 dwar l-Immunitajiet u Privileġġi Diplomatiċi, m'hemm l-ebda persuna ta' nazzjonalita Maltija akkreditata bħala diplomatiku f'ambaxxati barranin f'Malta.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inċident seħħ fit-30 ta' Ġunju, 2003 fuq proġett tal-housing f'nru. 41, Triq l-Iljun, Floriana? Jekk weġġa' xi ħadd, xi ħsarat saru anke vis-a-vis terzi?
X'passi ttieħdu biex jirranġaw dawn il-ħsarat?
Kemm hi s-somma tal-ħsarat?
Min kien il-kuntrattur involut?
Huwa minnu li wara dan l-inċident ix-xogħol twaqqaf fuq dan il-proġett?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li fl-inċident li fl-inċident li rrefera għalih l-Onor. Interpellant waqgħu xi knaten fuq saqaf ta’ post biswit fejn kien qed isir xogħol ta’ twaqqiegħ tal-bini mill-kuntrattur, Asset Investments Ltd, fuq il-proġett ta’ Urban Renewal fi Triq l-Argotti, l-Floriana.
Jien infurmat ukoll li ma weġġa’ ħadd f’dan l-inċident u li l-ħsara ġiet irranġata għas-spejjeż tal-kuntrattur stess.
Il-proġett ma waqafx minħabba l-inċident iżda biex jiġu kkunsidrati problemi tekniċi li nqagħlu waqt ix-xogħolijiet.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-applikazzjoni tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ma ġietx aċċettata biex tibda tagħmel użu mill-karta r-roża?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob l-Onor Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Bormla — Care & repair unit - spezzjoni f'dar ta' anzjana
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-unit tal-care & repair fi ħdan l-awtorita' tad-djar qed jieħu żmien twil biex jagħmel spezzjoni lil persuna anzjana li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-ispezzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant fil-fatt saret f’Awissu.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, hijiex intitolata għal xi benefiċċji (bħal bonus) mit-tarzna ta' Malta minħabba li r-raġel tagħha ħadem għal snin kbar hemmhekk? Jekk fl-affermattiv, xi trid tagħmel biex din il-pesuna tibda tirċievi dawn il-benefiċċji?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 201 dwar l-istess suġġett.
Jista' il-Ministru jgħid x'qed iżomm lill-awtoritajiet sanitarji milli jibagħtu lill-applikant li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, f'dipartiemnt ieħor tal-gvern fejn ilu li għamel talba biex jitlaq mill-bidu ta' din is-sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-applikant li għalih qed jirreferi l-Onor. Interpellant kien wiehed mill-impjegati li ntbaghtu jaħdmu minn Dipartiment ieħor għal mad-Diviżjoni tas-Sahha fuq xogħol ta' tindif. Billi hemm nuqqas ta' ħaddiema f'dan is-settur id-Diviżjoni tas-Saħħa m'hix f'qagħda li tibgħat lura lill-impjegat konċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex qed issir diskriminazzjoni mal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, fl-għoti ta' akkomodazzjoni alternattiva? X'passi qed jittieħdu biex din id-diskriminazzjoni tieqaf?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-allegazzjoni ta’ diskriminazzjoni hi waħda serja u l-Onor. Membru jrid jerfa r-responsabbilita’ ta’ dak li qiegħed jgħid billi jissostanzjha jew jirtirha mmedjatament.
Dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali — Każ bil-file no. H14668
Question
Jista' il-Ministru jgħid fejn wasal il-każ bin-nru. H14668 fi ħdan id-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali? X'rimedji qed joffri d-dipartiment lil dawn l-applikanti li għandhom problema kbira familjari, iżjed u iżjed meta l-applikant joħroġ mill-faċilita' korrettiva ta' Kordin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jiena nfurmat illi l-każ qed jiġi kkunsidrat flimkien ma’ oħrajn simili li għandu quddiemu d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Jista' il-Ministru jgħid min huma ż-żewġ technical officers li ġew impjegati ma l-Awtorita' tad-Djar bejn it-13 ta' April 2003 u l-15 ta' Lulju 2003 u min huma ż-żewġ impjegati oħra li tterminaw l-impjieg tagħhom ma' l-Awtorita' tad-Djar? Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tal-kuntratt li l-Awtorita' tad-Djar għamlet ma dawn iż-żewġ impjegati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma nħossx li għandi nippubblika l-ismijiet ta’ l-impjegati konċernati.
Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li ż-zewġ ħaddiema ġodda li għamel referenza għalihom l-Onor. Interpellant ma ġewx impjegati b’kuntratt u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom huma skond il-Ftehim Kollettiv eżistenti ta’ l-Awtorita’ tad-Djar.
Jista' il-Ministru jgħid x'program għandu l-Gvern għal-xogħlijiet ta' restawr fil-Kottonera?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-prijoritajiet tal-programm ta' ħidma tal-Proġett għar-Rijabilitazzjoni tal-Kottonera huma li jiffinaliżża proġetti diġa' mibdija, partikolarment is-swar tad-daħla u Bieb Sant' Anna, Isla, il-Kappella tas-Salvatur, Kalkara u l-Armerija fil-Birgu. Rigward Bieb Sant' Anna u l-Kappella tas-Salvatur nixtieq ngħid li jinsabu fi stadju avvanzat. F'Bormla qed titkompla l-ħidma madwar il-Bieb ta' Santa Liena.
Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal id-Dipartiment tas-Saħħa Pubbliku fl-investigazzjonijiet tiegħu fir-rigward l-inkonvenjent fil-fond numru 5, Sqaq Marine, Numru 2, Kalkara?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li waqt investigazzjoni mid-dipartiment tas-Saħħa Pubblika ta' l-inkonvenjent fil-fond indikat, instab sadd fis-sistema tad-drenaġġ tal-fond Nru 6 fl-istess triq. Wara li tneħħa dan is-sadd, saru diversi testijiet fid-drenaġġ tal-fondi ta' mal-ġemb. Dawn dejjem irrizultaw fin-negattiv.
Aktar investigazzjonijiet fil-madwar huma ppjaniti li jsiru fil-futur qarib.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm nefqet flus l-awtorita' tad-djar f'kampanji biex tippromwovi l-awtorita' stess (bħal fuq it-televiżjoni, fuq il-gazzetti, fuq ir-radju, fuq billboards, eċċ. fis-snin 1998, 1999, 2000, 2001, 2002 u din is-sena s'issa? Jista' jgħid ukoll kemm hemm ivvotati fondi għal dan l-iskop għas-sena kurrenti (2003)? Dan ix-xogħol ta' marketing qed isir mill-istess awtorita' tad-djar jew mis-settur privat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-Mistoqsija hi kif ġej:
1998 Xejn
1999 Lm36
2000 Lm236
2001 Lm1,300
2002 Lm3,444
2003 Lm13,590
Ma jiġux ivvutati fondi speċifikament għall-marketing ta’ l-Awtorita’ tad-Djar. Fondi għal dan l-iskop jagħmlu parti mill-ispejjeż amministrattivi ta’ l-Awtorita’.
Ninsab infurmat ukoll li dan ix-xogħol ta’ marketing qed isir mill-Awtorita’.
Ta’ min jgħid li din is-sena ngħatat spinta fir-rigward ta’ reklamar ta’ bejgħ ta’ appartamenti tal-Gvern li huma mikrija kif ukoll dawk li nbnew ġodda. Bis-saħħa ta’ dan il-bejgħ l-Awtorita’ tad-Djar ikollha dħul aktar biex tkun tista’ tiffinanzja l-bini ta’ appartamenti ġodda kif ukoll l-irranġar ta’ residenzi sub-standard.
Din is-sena ngħatat ukoll prominenza lill-inizjattiva tal-Care and Repair tant li l-konkorrenza għal din l-inizjattiva kibret b’mod qawwi minn 32 talba fl-2001 għal 54 talba fl-2002, u sa nofs Awissu ta’ din is-sena kien hemm diġa’ 179 talba. B’riżultat tar-reklamar, l-applikazzjonijiet għall-irranġar u titjib ta’ residenzi sub-standard żdiedu minn 323 fl-2001 għal 406 fl-2002 u sa nofs Awissu ta’ din is-sena kien hemm 401 applikazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jittieħdu il-passi neċessarji biex it-traffic lights fi Triq Hompesche Fgura (dik ta' quddiem il-BOV) jkollhom indication alarm peress li fil-preżent jinsabu mingħajr dan l-indication alarm b'inkonvenjent kbir għall-persuni neqsin mid-dawl?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi l-pelican crossing li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant għandha bleeper fuq in-naħa tal-knisja. Għalhekk ma jidhirx li jista' jeżisti xi nkonvenjent għall-persuni neqsin mid-dawl.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jsiru ix-xogħlijiet neċessarji bħal tarmac u bankini, f'toroq mhux iffurmati fil-Fgura, b'mod partikulari t-toroq Gardjola, Xemx u Qamar, parti minn Triq Merħba, parti minn triq is-Summiena, parti minn triq Valperga (n-naħa t'isfel) u William Lassell?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi hu mistenni li toħroġ sejħa għall-offerti sabiex isiru l-aħħar parti ta' Triq is-Summien kif ukoll l-aħħar parti ta' Triq Merħba.
Fir-rigward tat-toroq l-oħra msemmija mill-Onorevoli Interpellant, l-Awtorita` dwar it-Trasport qegħda tikkuntatja mal-Kunsilli Lokali kollha biex ikunu aġġornati l-bżonnijiet ta' xogħol ta' titjieb madwar il-lokalitajiet kollha u x-xogħol isir skond il-prijoritajiet li jkunu qed jirriżultaw.
Jista' il-Ministru jgħid fid-dawl tad-diskors mill-Eċċellenza tiegħu il-professur Guido De Marco fl-okkażjoni tal-ftuħ ta' l-għaxar parlament rigward reviżjoni sħiħa tal-liġijiet tal-kera, x'għandu maħsub il-Gvern fuq dan il-qasam?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Gvern jippubblika l-pjanijiet tiegħu dwar is-suġġett kif dawn jiġu finaliżżati.
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru applikazzjonijiet quddiem il-MEPA għall-bini tal-Gvern (Housing ġdid) mill-Awtorita' tad-Djar u mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar minn Jannar 2002 sal-15 ta' Lulju 2003? Liema huma il-lokalitajiet? Liema xahar saru l-applikazzjonijiet? Liema proġetti diġa ħareġ il-permess tagħhom u meta ħareġ il-permess?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru applikazzjonijiet quddiem il-MEPA għall-bini tal-Gvern (Housing ġdid) mill-Awtorita' tad-Djar u mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar minn Jannar 2002 sal-15 ta' Lulju 2003? Liema huma il-lokalitajiet? Liema xahar saru l-applikazzjonijiet? Liema proġetti diġa ħareġ il-permess tagħhom u meta ħareġ il-permess?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-infurmazzjoni mitluba.