Jista' il-Ministru jara x'inhi r-raġuni li każ ta' allegat serq ta' fjuri li jikkonċerna persuna (dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament) ilu pendenti minn Frar 2003 li għadda mal-pulizija ta' Ħaż Żabbar u li dwaru l-pulizija ma tridx tieħu deċiżjoni li jew tressqu quddiem il-Qorti jew tiddikjara li m'għandhiex provi? Kawża ta' dan in-nuqqas din il-persuna li tbati minn kondizzjoni medika ta' ċerta serjeta', qegħda tippreġudika saħħitha għaliex ma tistax tibqa' taħdem fejn kienet qrib id-dar sakemm tittieħed din id-deċiżjoni.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-proċeduri kriminali dwar il-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant ser jibdew fil-futur qarib.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-funzjoni tad-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali hu responsabbli li, safejn hu possibbli, jipprovdi akkomodazzjoni jew akkomodazzjoni alternattiva lil dawk bi dħul baxx jew medju u lil dawk bi bżonnijiet speċjali. Id-Dipartiment hu wkoll responsabbli minn numru ta’ postijiet privati li kienu rekwiżizzjonati qabel l-1995.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-kont numru 1000001555-2 district code 020, Kodiċi tal-post 133972 għadu ma ġiex rivedut wara li l-meter reader kien għamel spezzjoni ftit taż-żmien ilu, eżattament fit-22/12/2000?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Akkomodazzjoni soċjali — Akkomodazzjoni alternattiva
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm applikanti, kategorija b'kategorija, li qed jistennew li jingħataw post alternattiv mid-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu 3078 applikanti li ġejjin minn kull qasam soċjali.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk id-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali, l-awtorita' tad-djar u d-dipartiment tal-bini u tiswija tad-djar tal-gvern humiex se jiġu ntegrati f'awtorita' waħda jew f'dipartiment wieħed? Jekk fl-affermattiv, meta se jiġu ntegrati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Hu ppjanat li l-funzjonijiet tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali u l-Awtorita’ tad-Djar jiġu amalgamati. Għal dan l-iskop, inbeda l-proċess biex is-sistema tal-punti għall-allokazzjonijiet, sew tad-Dipartiment kif ukoll ta’ l-Awtorita’, tkun fuq l-istess bażi. Dan il-proċess jirrikjedi wkoll li t-talbiet pendenti mad-Dipartiment jiġu riveduti u assenjati l-punti fuq is-sistema l-ġdida.
Din l-amalgamazzjoni mistennija tiġi implimentata wara li jiġi finaliżżat dan il-proċess u wara li jiġu finaliżżati l-proċessi amministrattivi oħra meħtieġa biex, kemm jista’ jkun, din l-amalgamazzjoni ssir mingħajr diffikulta’.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għandu impjegati d-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali, kemm hemm impjegati seconded minn dipartimenti oħra għal ma dan id-dipartiment u kemm hemm impjegati tad-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali seconded ma' dipartimenti jew awtoritajiet oħra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jiena nfurmat li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu 40 impjegati li fosthom hemm 3 seconded minn dipartimenti oħra. Għandu wkoll 3 impjegati li ġew seconded għall-Dipartimenti oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm intnefqu pagi għall-impjegati tad-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali fis-snin 2000, 2001, 2002 u 2003 s'issa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-pagi maħruġa mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali mis-sena 2000 sa Lulju 2003 kienu:
2000 Lm256,536
2001 Lm306,177
2002 Lm269,907
2003 Lm150,620
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'qed iżomm lid-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali milli joħroġ id-derekwiżizzjoni fuq il-fondi: 118, Flat 1 (RO27008); Old Governor; 118, Flat 2 (RO49184); Palace Street; u 118, Flat 5 (RO33407); Birgu li huma substandard, mhux adegwati għal dawn iż-żmenijiet u anke kkundannati?
X'passi se jieħu biex titwaqqaf din id-diskriminazzjoni kontra s-sidien ta' dawn il-postijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali mhux bi ħsiebu ineħħi r-rekwiżizzjoni minn fuq il-postijiet imsemmija.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex id-dħul mis-servizzi soċjali tnaqqsu lil persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?
X'passi se jieħu d-dipartiment biex tiġi rimedjata din il-problema mill-aktar fis possibbli?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lill-persuna ndikata fl-uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha.
Kirkop — Impjegat fid-dipartiment ta' l-edukazzjoni
Question
Jista' il-Ministru jara li titwaqqaf id-diskriminazzjoni li d-dipartiment ta' l-edukazzjoni qed jagħmel kontra wieħed mill-impjegati li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li huwa persuna b'diżabilita' u jiġi offrut xogħol xieraq u adattat skond il-ħteġijiet tiegħu u mhux ma jiġi offrut l-ebda xogħol li jkun ta' utilita' għad-dipartiment?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-impjegat indikat mill-Onor. Membru ġie trasferit mill-Istitut Tekniku, Mikielanġ Sapiano ta' Raħal Ġdid wara li din l-istituzzjoni edukattiva għaddiet għal mal-Kulleġġ Malti ta' l-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST).
Ġejt assigurat li m'hi qed issir l-ebda diskriminazzjonima' din il-persuna.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħadu l-awtoritajiet konċernati wara ilmenti kontinwi mir-residenti ta' Triq Upper St. Albert (ħdejn Taljana Lane), Gżira għall-ilma li ilu ħiereġ minn nofs ta' triq għal dawn l-aħħar tlett ġimgħat?
Response (GATT, AUSTIN)
L-uniku lment li rċeviet il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma dwar ħruġ ta' ilma fl-area indikata kien propju mingħand l-istess Onor. Interpellant.
Skond dan l-ilment xi ilma kien dieħel fil-garaxx li hu taħt il-livell tat-triq u taħt il-blokk ta' flats li fih hemm ir-residenza ta' l-Onor. Interpellant.
Il-ħsara imsemmija kienet f'service pipe u l-ammont ta' ilma li kien ħiereġ kien wieħed relativament żgħir. Din il-ħsara isewwiet nhar is-Sibt 30 ta' Awissu.
Akkomodazzjoni soċjali — Tqassim ta' postijiet tal-gvern
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'sistema juża d-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali biex iqassam postijiet tal-gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali juża sistema ta’ punti u rapporti minn nies professjonali biex jgħinuh jiddeċiedi fl-allokazzjoni ta’ postijiet vojta li jkollu f’idejħ fil-mument.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid minn liema kategorija tas-soċjeta' Maltija tista' tapplika biex tieħu post tal-gvern mid-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li f’każijiet ordinarji Persuni li għandhom problemi dwar akkomodazzjoni u li d-dħul tagħhom fis-sena ma jaqbiżx Lm3,000 jekk persuni weħedhom jew bejn Lm4,000 u Lm5,000 jekk koppji bit-tfal u l-assi kapitali ma jaqbżux Lm12,000, jistgħu japplikaw mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Jista' il-Ministru jgħid x'wassal biex jispiċċa l-psikologu mill-faċilita' korrettiva ta' Kordin u jekk għandux il-ħsieb li jiġi appuntat psikologu ieħor fil-futur qarib?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-psikologa li taħdem ġewwa l-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin għadha taħdem fil-ħabs u ma spiċċatx kif qed jallega l-Onor. Interpellant.
CCF — Priġunieri li qed isegwu kors ta' riabilitazzjoni
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm residenti fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin li qed isegwu kors ta' riabilitazzjoni?
X'inhi l-proċedura biex wieħed isegwi dan il-kors?
Kemm hemm applikanti li qed jistennew biex jagħmlu kors ta' riabilitazzjoni? X'inhi l-eta' ta' dawn ir-residenti li qegħdin isegwu l-kors ta' riabilitazzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-preżent hemm tmienja u għoxrin (28) priġunier li qegħdin jattendu kors ta` riabilitazzjoni f`diversi ċentri inkluż is-SATU.
Biex priġunier jikkwalifika biex japplika għal kors ta` riabilitazzjoni dan irid ikun wasal fl-aħħar sentejn tas-sentenza u ma jridx ikollu każijiet oħra pendenti. L-applikazzjonijiet jiġu kkunsidrati mill-Prisons Substance Abuse Assessment Board u wara dawn jagħtu parir lid-Direttur.
Il-Prisons Substance Abuse Assessment Board jiltaqa` kull xahar, u għalhekk dawk l-applikazzjonijiet li jkun hemm jiġu ipproċessati u rari jkun hemm xi każ pendenti.
L-eta` ta` dawk li qegħdin għal programm preżentament tvarja minn tmintax-il sena għal ħamsa u erbgħin sena.