Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għal akkomodazzjoni alternattiva lill-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament? X'tama hemm li l-applikanta tiġi allokata fond? Kemm għandha punti? Kif inħadmet is-sistema tal-punti vis-a-vis din l-applikanta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-persuna ndikata m’għandiex applikazzjoni pendenti mad-Dipartiment.
Leg 10 PQ #2661 Sitting 57 2003-11-18 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru tas-Saħħa

Bormla — Spezzjoni f'fond minn health inspector

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'ħareġ mill-inspection li għamlet il-health inspector fil-fond li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li spezzjoni oħra reġgħet saret minn uffiċjali ta' dan id-Dipartiment fis-7 ta' Novembru, 2003 fejn is-sitwazzjoni għada l-istess. Id-Dipartiment ta' l-Artijiet kien ġie mgħarraf bil-problema u kellu jieħu passi min-naħa tiegħu.

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għal akkomodazzjoni alternattiva lill-persuna - id-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament - li tixtieq tibdel ma' post ieħor tal-gvern? X'tama hemm li l-applikanta tibdel ma' post ieħor tal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m’oħrajn simili.

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għal akkomodazzjoni alternattiva lill-persuna li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament? X'tama hemm li l-applikant li hu ġuvni u bi problema ta' mard jiġi allokat fond? Kemm għandu punti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m’oħrajn simili.

Kalkara — Qasam tad-Djar ta' Bighi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-ħsibijiet tal-gvern rigward il-housing estate ta' Bighi, fil-Kalkara u x'futur għandhom ir-residenti li jibqgħu jgħixu hemmhekk?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Gvern qed jikkunsidra proġett ta’ żvilupp ta’ djar b’użu aħjar ta’ l-ispazju li hemm illum.

Pensjonanti — Benefiċċji tal-mard

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'benefiċċji għall-mard hemm għal dawk il-pensjonanti li d-dħul tagħhom huwa ta' madwar Lm73 fil-ġimgħa għal tlett persuni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nifhem li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-Għajnuna tal-Mard imħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali. Il-ħlas ta’ din l-Għajnuna, minbarra l-aspett mediku, hu suġġett għat-test tal-meżżi, kemm kapitali kif ukoll ta’ dħul fil-ġimgħa, kif stabbilit fit-Tieni Parti tat-Tieni Skeda ta’ l-imsemmi Att.

Postijiet tal-gvern — Stallazzjoni ta' lifts

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema dipartimenti tal-gvern u/jew awtoritajiet kienu nkarigati biex jiġu nstallati lifts f'postijiet tal-gvern tal-housing qodma?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita’ tad-Djar tamministra l-iskema u hi responsabbli għall-installar ta’ lifts fi blokki qodma tal-Gvern fejn jgħixu persuni b’diżabilita’ ta’ mobilita’.

Isla — Two Gate Street - Block 2

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-fond block 2, Two Gate Str, Senglea huwiex milqut mil-liġi possession and use? Jekk fin-negattiv, jista' jinxtara u x'inhi l-proċedura ta' xiri?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 2020 u Nru. 2031, ninsab infurmat illi l-fond Blk 2, Two Gate Str., Senglea jinsab fuq proprjeta` li ttieħdet b`titolu ta` pussess u użu.

Postijiiet tal-gvern — Prezz tal-kirja

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta l-gvern jinstalla lift f'postijiet tal-gvern (housing qodma), il-kirja togħla? Min hu nkarigat biex iħallas għall-manutenzjoni tal-lifts u jekk inkwilin jiddeċiedi li ma jħallasx għall-manutenzjoni tal-lift, x'passi jittieħdu?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.

Żejtun — Każ dwar kont għoli

Question

Jista' il-Ministru jara li l-kont ta' l-anzjana - id-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament - jiġi ċċekkjat sewwa minħabba li hi qegħda tallega li qed jiġi għoli ħafna u tħoss li l-ilment tagħha ma' l-awtoritajiet qed jiġi njorat?

Response (GATT, AUSTIN)

Skond ir-records tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, fid-dar ta' l-anzjana hemm irreġistrati ħamsa minn nies u mhux biss mara anzjana. Rigward il-konsum ta' l-ilma, dan jidher li hu wieħed konsistenti minn 1999 sa l-aħħar qari li sar, jiġifieri sa Ġunju 2003. Madankollu l-konsumatur jista' jitlob li ssir spezzjoni ta' l-installazzjoni nterna tal-post biex wieħed jara jekk hemmx xi leakages mill-arloġġ il-ġewwa. Jekk ma jinstab ebda leak, il-konsumatur jista' jitlob li jsir test tal-meter. Il-konsum tad-dawl jidher li żdied fl-aħħar sena għalkemm jidher raġonevoli għal ħames persuni. Anke f'dan il-każ il-konsumatur jista jitlob għall-test ta' l-arloġġ jekk jaħseb li l-konsum huwa eċċessiv.
Leg 10 PQ #2522 Sitting 55 2003-11-12 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru tas-Saħħa

Spiżeriji

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn spiżeriji f'Malta u f'Għawdex? X'inhuma r-rekwiżiti li fuqhom jingħata permess biex tinfetaħ spiżerija? Kemm hemm applikanti jistennew li jingħatalhom tali permess f'Malta u f'Għawdex? Ir-restrizzjonijiet li jeżistu bħalissa biex jingħata permess għall-ftuħ ta' spiżerija se jaqgħu ladarba issa sirna membri ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Bħalissa jeżistu 200 spiżerija f'Malta, li minnhom 8 huma għal mediċini veterinarji, u 13 -il spiżerija ġewwa Għawdex. Bħalissa teżisti friża amministrattiva għall-ħruġ ta' permessi ġodda. Madankollu, din il-friża ma tgħoddx jekk - 1. L-applikazzjoni tkun għal spiżerija li minnha jinbiegħu biss mediċinali veterinarji. 2. Jekk qabel ma bdiet tithaddem il-friza, kien diġa deċiż li jinħareġ permess, iżda sakemm saret din il-friża, il-permess ikun għadu ma hariġx minħabba xi xogħolijiet pendenti, eċċ. 3. Jekk ikun hemm deċiżjoni ulterjuri minn awtorita` gudizzjarja jew awtorita` oħra kompetenti bħalma hija l-Ombudsman. 4. Jekk, għal raġuni umanitarji, tinħass il-ħtieġa li tinfetaħ spiżerija, bil-patt li - a. it-talba ssir mill-Kunsill Lokali tal-post fejn jiġu spjegati r-raġunijiet kollha għaliex għandha tinfetaħ spiżerija, b. ma jkunx hemm oġġezjoni mill-imsieħba soċjali kollha u mill-Gvern, ċ. ma jkunx hemm konflitt ma' spiżeriji eżistenti jew applikazzjonijiet preċedenti f'din il-lokalita` jew area ġdida fl-istess lokalita`. Applikazzjonijiet fil-waiting list għal ftuħ ta' spiżeriji ġodda huma 300 għal Malta u 17 għal Għawdex. Ir-restrizjonijiet li jeżistu bħalissa għal permessi ġodda ma għandhomx x'jaqsmu mal-fatt li Malta saret membru ta' l-Unjoni Ewropea. L-adezjoni ta' Malta fl-Unjoni Ewropea ma ċċaħħadx lill-Gvern milli jirregola u jimponi kundizzjonijiet li jidhirlu xieraq fil-ħruġ ta' liċenzji ġodda.

Sigurta' soċjali — Każ dwar kont tal-kera

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex fir-rigward ta' l-inkwilina - id-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament - li llum hija armla, il-kont tal-kera żdied u mhux naqas meta d-dħul finanzjarju tagħha huwa inqas minn meta kienet miżżewġa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi s-sussidju tal-kera nħadem skond il-kuntratt li l-inkwilina ffirmat meta applikat taħt l-Avviż 57, f’Lulju 1987. Nistieden lill-inkwilina sabiex tmur fis-sezzjoni tal-Customer Care tad-Dipartimant għall-Akkomodazzjoni Soċjali sabiex jispjegawlha kif inħadmitilha l-kera.
Leg 10 PQ #2529 Sitting 55 2003-11-12 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru tas-Saħħa

Ministeru tas-saħħa — Impjegat

Question

Jista' il-Ministru jgħid fejn waslet l-applikazzjoni ta' l-impjegat - id-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament - biex jiġi trasferit u mibdul ma' impjegat ieħor - id-dettalji tiegħu qed jintbagħtu wkoll separatament - tad-dipartiment tal-public works?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru.1426.

Dipartiment tax-xogħlijiet pubbliċi — Impjegat

Question

Jista' il-Ministru jgħid fejn waslet l-applikazzjoni ta' l-impjegat - id-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament - biex jiġi trasferit u mibdul ma' impjegat ieħor - id-dettalji tiegħu qed jintbagħtu wkoll separatament - tad-dipartiment tal-public works?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tingħata f'xi seduta oħra.

Kalkara — Triq l-Isptar Navali: Binja Bighi - entratura B

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi se jieħu l-ministeru tiegħu biex jiġi nstallat meter tad-dawl fil-parti komuni ta' Binja Bighi, Entrance B, Triq l-isptar navali, Kalkara, u dan meta ir-residenti ta' din il-binja ilhom jgħixu f'din il-blokka għal aktar minn għaxar snin?

Response (GATT, AUSTIN)

Mir-rekords li għandha l-Enemalta ma jirriżultax li hemm xi applikazzjoni biex jiġi provdut servizz ġdid ta' l-elettriku f'dan il-post. Biex ikun jista' jingħata servizz ġdid trid issir applikazzjoni għal dan il-għan.

Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Technical office

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali għandux technical office? Jekk fl-affermattiv, min huma l-impjegati assenjati f'dan l-uffiċċju u f'liema gradi huma?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Dipartiment m’għandux technical office. Għandu inspectorate office fejn hemm żewġ senior technical officers u żewġ technical officers impjegati.

Postijiet tal-gvern — Stallazzjoni ta' lifts

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew installati lifts f'postijiet tal-gvern (fi proġetti qodma) fis-snin 1999, 2000, 2001, 2002 u 2003 sal-lum? Liema kienu l-lokalitajiet u kemm kienet in-nefqa sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li taħt Skema V, l-Awtorita’ tad-Djar installat 14-il lift fis-sena 2002, li swew Lm174,400. Matul l-2003, taħt l-istess skema l-Awtorita’ s’issa nstallat 20 lift li swew madwar Lm280,800. Dawn il-lifts ġew installati fil-Belt, Bormla, Furjana, Lija, Tarxien, Ta’ Xbiex u ż-Żejtun. Ninsab infurmat ukoll li hemm 17-il lift ieħor li preżentement qed jiġu nstallati jew ġew ordnati.

Postijiet tal-gvern/postijiet tal-privat — Stallazzjoni ta' lifts

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-gvern vis-a-vis l-installar tal-lifts fil-postijiet tal-gvern u fil-postijiet tal-privat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-politika tal-Gvern dwar installar ta’ lifts fi blokki tiegħu hi li blokki ġodda mibnija mill-Awtorita’ tad-Djar li jkunu ogħla aktar minn tlett sulari jitlestew mill-ewwel bil-lifts. Għal dawk li jirrigwarda blokki tal-Gvern eżistenti, l-Awtorita’ għandha skema apposta (Skema V), li permezz tagħha jiġu nstallati lifts f’dawn il-blokki jekk tkun tgħix persuna b’diżabilita’ ta’ mobilita’. Fil-każ ta’ postijiet privati l-Awtorita’ tagħti għajnuna finanzjarja taħt Skema 7 għal installazzjoni ta’ lift fejn tkun tgħix persuna b’diżabilita’ ta’ mobilita’ li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ din l-iskema.