Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għal akkomodazzjoni alternattiva ta' l-anzjana mill-Imsida li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? X'ċans hemm li din l-anzjana tibdel ma' post ieħor tal-gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 2660 f’Seduta Numru 57.
Jista' il-Minsitru jgħid x'passi se jittieħdu biex ikun hemm upgrading ta' l-iskola primarja 'B' Sir Anthony Mamo, f'Birkirkara?
Response (GALEA, LOUIS)
Ix-xogħol konness ma' l-iskola imsemmija hu inkluż fil-pjan ta' ħidma li qed jitfassal mill-FTS. Tweġiba tingħata aktar il-quddiem meta dan il-pjan ikun finalizzat u approvat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi se jieħu l-ministeru tiegħu biex jiġi nstallat meter tad-dawl fil-parti komuni - id-dettalji qed jintbagħtu separatament - u dan meta r-residenti ta' dan il-blokk tal-gvern ilhom jgħixu f'din il-binja għal aktar minn għaxar snin mingħajr elettriku?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt it-talba ta’ l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex wasal il-każ tal-persuna - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - fi ħdan id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali? X'rimedji qed joffri d-dipartiment lil din il-familja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m’oħrajn simili.
Akkomodazzjoni soċjali — Applikazzjonijiet minn priġunieri
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm residenti fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordina li għandhom applikazzjoni quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali? Minn liema lokalitajiet ġejjin u għal liema lokalitajiet qed juru preferenza?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu żewġ applikazzjonijiet minn persuni residenti fil-faċilita’ korrettiva ta’ Kordin. Dawn l-applikanti ġejjin mill-Gzira u l-Ħamrun u t-tnejn urew preferenza għall-Belt.
Jista' il-Ministru jgħid fejn waslu l-investigazzjonijiet fir-rigward l-inkonvenjent fil-fond nru. 5, Sqaq Marina, nru. 2, Kalkara?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li nvestigazzjonijiet fil-fond Numru 5, Sqaq Marina Numru 2, Kalkara għadhom għaddejjin.
Għaldaqstant ninforma li saru diversi presses bil-kullur f'diversi fondi ta' mal-ġemb tal-fond referut. Dawn dejjem irriżultaw fin-negattiv. Ittieħdu wkoll diversi kampjuni ta' l-ilma li qed jinfiltra w rriżultaw bħala probabbli ilma tal-vit. Għaldaqstant, il-Korporazzjoni tas-Servizzi ta' l-Ilma ġiet infurmata bil-kitba dwar dan biex tkun tista' tagħmel l-investigazzjonijiet minn naħa tagħha.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għandha postijiet l-awtorita' tad-djar bil-kiri?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita’ tad-Djar tbiegħ l-appartamenti mibnija minnha waqt li l-kera ta’ appartamenti jsir mid-Dipartiment ta’ l-Akkomodazzjoni Soċjali. L-Awtorita tad-Djar tgħin lil diversi Non Government Organisations billi tikri numru żgħir ta’ fondi lil dawn l-organiżżazzjonijiet sabiex nies b’diżabilita’mentali jew fiżika jiġu integrati lura fis-soċjeta’. Fondi oħra jiġu mikrija lill-NGOs oħra sabiex jintużaw bħala uffiċċini. Bħalissa l-Awtorita’ tad-Djar qiegħda tikri 48 fond f’diversi lokalitajiet ta’ Malta.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jippubblika l-pjanijiet tiegħu dwar ir-reviżjoni sħiħa tal-liġijiet tal-kera?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 2756 f’Seduta Numru 58, ninfurmah li meta l-pjanijiet jiġu finaliżżati dwan ikunu pubblikati fil-mument opportun.
Universita' ta' Malta — Studenti ta' nazzjonalita' barranija
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti barranin jattendu xi kors l-Universita' ta' Malta f'din is-sena akkademika? Minn liema pjajiżi huma dawn l-istudenti u f'liema fakultajiet qegħdin?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għal Mistoqsija numru 1433.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-fond - id-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament - huwiex milqut bil-liġi tal-possession and use? Jekk fl-affermattiv, jista' jinxtara? X'inhi l-proċedura biex jinxtara dan il-fond?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 2020 u Nru. 2031.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 2086 u cioe' jgħid fejn waslet it-talba ta' armla b'erbat itfal - id-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament - għal post alternattiv? Jista' jgħid jekk hijiex intitolata għal post tal-gvern minħabba li hi sit ta' dan l-istess fond?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m’oħrajn simili.
Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi solvuta l-problema tad-drenaġġ li ilha tbati minnha għal dawn l-aħħar sentejn il-familja li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, peress li qed jidħlilhom id-drenaġġ fil-kamra tas-sodda fejn torqod tifla b'diżabilita'?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li sa minn Marzu 2001, wara li saru l-investigazzjonijiet u testijiet neċessarji mid-dipartiment tas-Saħħa Pubblika ġie stabbilit li l-main sewer fi Triq La Vallette, Vittoriosa kien difettuż.
Dan kien ukoll ikkonfermat b'CCTV test li sar mid-Dipartiment tad-Drenaġġ.
Intbagħat avviż uffiċjali lid-Direttur tad-Dipartiment tad-Drenaġġ (SR\NU\11\01 u SR\NU\9\03) f'Marzu 2001, u sensiela ta' reminders f'Mejju 2001, Lulju 2001, Novembru 2001, Ottubru 2002, Jannar 2003, Awissu 2003, Ottubru 2003 u Novembru 2003, iżda ma jirriżultax li saru t-tiswijiet neċessarji mid-Dipartiment ikkonċernat.
Ikun opportun jekk l-Onorevoli interpellant jirreferi tali mistoqsija lil Ministru konċernat.
Sigurta' soċjali — Applikazzjoni għal karta r-roża
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex l-applikazzjoni tal-persuna - id-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament - ma ġietx aċċettata biex tibda tagħmel użu mill-karta r-roża?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lill-persuna ndikata fl-uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 1147 rigward it-talba għall-ħruġ ta' liċenzji ta' impjieg dwar il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-talba li saret dwar il-persuna barranija li għaliha qed jirreferi l-Onor. Interpellant hija biex din taħdem f`Coffee Shop.
Ninsab infurmat ukoll li din it-talba ma tistax tintlaqa` minħabba li mhiex il-policy li barranin jingħataw permess biex jaħdmu fi stabbilimenti simili.
Awtorita' tad-djar — Xiri ta' proprjeta' mingħand il-privat
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid minn Settembru 1998 sal-lum, l-awtorita' tad-djar kemm xtrat units/proprjeta' mingħand il-privat? Meta saru l-kuntratti ta' kull proprjeta'? Min kien/u n-nutar/a? Min kienu s-sidien privati? Kemm kien il-valur ta' kull proprjeta'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita’ tad-Djar xtrat dawn is-segwenti proprjetajiet mingħand il-privat:
· 15-il flat u 14-il garaxx fi Triq Dun Karm Sant Tarxien mingħand Andrew Bartolo, Carmel Muscat u Anthony Camilleri. Dawn inxtraw fi stat ta’ shell form bil-prezz ta’ Lm298,000 skond kuntratt ippubblikat fl-atti tan-Nutar Franco Pellegrini datat 21 ta’ Novembru 2000.
· 2 flats fi Triq il-Kurunell Mas Tarxien mingħand Fenech Azzopardi (Styles) Ltd. Dawn inxtraw fi stat ta’ shell form bil-prezz ta’ Lm36,500 skond kuntratt ippubblikat fl-atti tan-Nutar Franco Pellegrini datat 9 ta’ Jannar 2001.
· 2 maisonettes u basement garaxx fi Triq Zurki Zurrieq mingħand Anthony Ellul fi stat ta’ shell form bil-prezz ta’ Lm54,000 skond kuntratt ippubblikat fl-atti tan-Nutar Franco Pellegrini datat 14 ta’ Awissu 2001.
Awtorita' tad-djar — Xiri ta' proprjeta' mingħand il-privat
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li fil-futur, jiġifieri mil-lum sa sentejn oħra, jagħmel skema sabiex l-awtorita' tad-djar tixtri proprjeta' mingħand il-privat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li għalissa l-Awtorita’ tad-Djar m’għandiex ħsieb li toħroġ xi skemi sabiex tixtri proprjeta’ mingħand il-privat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jsiru t-tiswijiet fil-fond nru. 19, San Filippu, l-Isla li ġew kaġunati bix-xogħol li qed jagħmel il-gvern fil-binja l-ġdida li qed tinbena fl-istess triq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li dan ix-xogħol diġa’ tlesta’ mill-kuntrattur.
Kummissjoni għar-reviżjoni tal-liġijiet tal-kera — Rapport
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-kummissjoni għar-reviżjoni tal-liġijiet tal-kera ma ppreżentatx ir-rapport tagħha? X'passi se jieħu l-ministeru biex dan ir-rapport jiġi ppreżentat? Min kien fuq il-kummissjoni? Kemm tħallsu? Il-gvern għandu ħsieb iwaqqaf kummissjoni oħra għar-reviżjoni tal-liġijiet tal-kera?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Minkejja kull sforz li sar matul il-leġislatura l-oħra, inkluż interventi ripetuti minni personalment, biex il-Kummissjoni għar-Reviżjoni tal-Liġijiet tal-Kera tikkonkludi x-xogħol tagħha u tippreżentali r-rapport, dan ir-rapport qatt ma wasal. Dan minkejja li jien iltqajt maċ-Chairman tal-Kummissjoni diversi drabi u kien hemm qbil li x-xogħol jiġi konkluż.
Il-Kummissjoni ġiet maħtura f’Ġunju 1997 u kienet komposta kif ġej:
Chairperson
Dott. Joseph R Micallef LL.D.
Membri
L-Onor. Sinj. Maria Camilleri M.P.
Dott. Evelyn Caruana Demajo LL.D
Dott. Peter Grech LL.D.
Dott. Tonio Mallia LL.D.
Dott. Philip Sciberras LL.D.
Perit Alfred Valentino A.&C.E.
Segretarju Eżekuttiv
Is-Sur Alfred Fiorini Lowell
Ninsab infurmat li fl-14 ta’ Settembru 1998, ftit ġranet biss qabel l-Elezzjoni Ġenerali ta’ dik is-sena, iċ-Chairperson tħallas Lm600 u l-membri tħallsu Lm500 kull wieħed. Is-Segretarju Eżekuttiv ma rċieva ebda remunerazzjoni.
Għad trid tittieħed deċiżjoni jekk għandiex titwaqqaf jew le kummissjoni oħra fuq is-suġġett.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fejn waslet l-applikazzjoni ta' l-applikanta - id-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament - quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali, peress li l-applikanta tallega li dan il-fond ġie mogħti lilha wara li l-inkwilini ta' qabilha kienu pprovduti b'post alternattiv minħabba l-kondizzjonijiet ħżiena ta' l-imsemmi fond? X'tama hemm li din l-applikanta tiġi allokata fond alternattiv fil-binja l-ġdida li qed tinbena fi Triq il-Kapuċċini, fil-Floriana li hija ppjanata li takkomoda lill-anzjani?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-persuna ndikata m’għandhiex applikazzjoni mad-Dipartiment.