Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skejjel primarji u sekondarji

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-iskejjel, primarji u sekondarji li jinsabu ġewwa Bormla, Birgu, Isla, Kalkara, Fgura, Żabbar u Xgħajra? Min huma l-kapijiet ta' kull skola? Kemm ilhom jokkupaw din il-pożizzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Isla — Moll li hemm fix-Xatt

Question

Jista' il-Ministru jgħid fejn waslu l-istudji li qed tagħmel il-Marine Section tad-diviżjoni tax-xogħlijiet dwar x'qed jikkaġuna l-ħsarat tal-moll fix-Xatt ta' l-Isla? Meta se jsiru t-tiswijiet fil-baħar mill-Malta Maritime Authority?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-ministru konċernat.

Awtorita' tad-djar — Bini ta' housing units

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'tip ta' housing units qed tippjana li tibni l-awtorita' tad-djar u d-dipartiment għall-bini u tiswija ta' postijiet tal-gvern? Fil-preżent, liema huma l-applikazzjonijiet li għandha quddiem il-MEPA? Kemm b'kollox hemm units? Liema huma l-lokalitajiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awtorita' tad-Djar, flimkien mad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar, tibni kemm maisonettes kif ukoll blokki ta' appartamenti b'kmamar tas-sodda minn waħda sa tlieta. Jien infurmata li l-informazzjoni mitluba fil-kumplament tal-Mistoqsija hi kif tidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dipartiment ta' l-artijiet — Kumpens għall-fond li ttieħed għal skop pubbliku

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 4811, jista' il-Viċi Prim Ministrru jgħid x'qiegħed isir mill-Bord ta' l-Arbitraġġ dwar artijiet biex jagħti s-sentenza, peress li l-kawża ilha pendenti mill-1985?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi r-rikors li rrefera għalih l-Onor. Interpellant jinsab differit għas-sentenza għas-seduta tat-22 ta' Novembru 2004. Mhux kompitu tieghi li ngħid x'qiegħed isir mill-Bord ta' l-Arbitraġġ għaliex l-andament tal-kawża in kwistjoni huwa regolat mill-Ġudikant li jippressjedi l-Bord ta' l-Arbitraġġ.

Awtorita' tad-djar — Servizz ta' care & repair

Question

Tista' il-Ministru tara li l-koppja anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tibda tibbenefika mis-servizz care & repair ta' l-awtorita' tad-djar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar ma rċeviet ebda talba mill-familja ndikata mill-Onor. Interpellant għal għajnuna taħt l-inizjattiva tal-care and repair. Ninsab infurmata wkoll li, madankollu, l-Awtorita' mistennija tagħmel spezzjoni fil-post indikat biex jiġi verifikat jekk il-familja konċernata tistax tibbenefika taħt din l-inizjattiva.

Awtorita' tad-djar — Servizz ta' care & repair

Question

Tista' il-Ministru tara li l-koppja anzjana li għandhom tifla b'diżabilita' u li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tibda tibbenefika mis-servizz ta' care & repair mill-awtorita' tad-djar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar ma rċeviet ebda talba mill-familja ndikata mill-Onor. Interpellant għal għajnuna taħt l-inizjattiva tal-care and repair. Ninsab infurmata wkoll li, madankollu, l-Awtorita' mistennija tagħmel spezzjoni fil-post indikat biex jiġi verifikat jekk il-familja konċernata tistax tibbenefika taħt din l-inizjattiva.

Djar — Post tal-gvern li jinsab fi stat perikoluż

Question

Tista' il-Ministru tara li d-dipartiment tal-construction & maintenance tal-postijiet tal-gvern jieħu passi biex jitneħħa l-periklu li l-inkwilina ta' post tal-gvern li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, qed tgħid li hemm fil-fond fejn tgħix?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar ser jieħu l-passi neċessarji biex jitneħħa l-periklu ndikat mill-Onor. Interpellant.

Djar — Upgrading ta fond tal-gvern

Question

Tista' il-Ministru tara li jsir upgrading tal-partijiet komuni tal-fond indikat separatament? Tista' tgħid x'irriżulta meta xi xhur ilu saret spezzjoni fuq il-bejt indikat? X'kondizzjoni jinsab fih il-bejt?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-partijiet komuni tal-post indikat mill-Onor. Interpellant huma f'kundizzjoni tajba. Ninsab infurmata wkoll li ser issir spezzjoni oħra tal-kontrabejt biex jiġi stabbilit il-kundizzjoni tiegħu.

Djar — Każ dwar xogħol ta' kostruzzjoni

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta l-awtoritajiet se jibdew ix-xogħol ta' kostruzzjoni u/jew irranġar tal-fond indikat separatament? Fiex jikkonsisti dan ix-xogħol? Meta jitlesta dan ix-xogħol, l-inkwilini li kienu jgħixu hemm se jmorru lura bl-istess kondizzjonijiet u kera?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar evalwa x-xogħol meħtieġ fil-fond indikat mill-Onor. Interpellant. Dan ix-xogħol jinkludi bdil ta' soqfa, sistema ġdida ta' dawl, bdil ta' aperturi u tqegħid ta' madum. Ix-xogħol ser isir bil-kuntrattur wara li toħroġ tender. Ninsab infurmata wkoll li l-inkwilini ser jibqgħu bl-istess kundizzjonijiet u kera skond il-kuntratt li kienu ffirmaw.

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Uffiċċju legali

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-ministeru u/jew xi wieħed mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu għandux uffiċċju legali? Jekk fl-affermattiv, min huma l-avukati f'dan l-uffiċċju?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Ministeru kien għandu Uffiċju Legali sa minn Awissu 2003 wara sejħa pubblika għall-applikazzjoni. Dan l-avukat jaqdi l-ħtiġijiet tad-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt dan il-Ministeru, b'kollaborazzjoni ma l-uffiċju ta' l-Avukat Ġenerali. Barra minn hekk, id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u Impjiegi, li sar jifforma parti mid-dekasteru minn Marzu li għadda, għandu Uffiċju Legali ieħor li jieħu ħsieb il-ħtiġijiet partikolari ta' dak id-Dipartiment.

Awtorita' Nazzjonali tax-Xogħol — Każ dwar relief

Question

Jista' il-Ministru jintervjeni biex il-bord ta' l-appell ta' l-Awtorita' Nazzjonali tax-Xogħol jibgħat għaż-żagħżugħ li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, minħabba li twaqqaflu r-relief mid-dipartiment tas-sigurta' soċjali b'konsegwenza li jista' jispiċċa bi problemi mentali (dipression)?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Awtorita' Nazzjonali tax-Xogħol tisma l-każ ta' appelli minn deċiżjonijiet ta' l-ETC skond l-ordni li jkunu waslu għangħa. L-appellanti kollha huma fl-istess sitwazzjoni (jew simili) taż-żagħżugħ imsemmi. Għalhekk biex issir ġustizzja l-Awtorita' tħoss li din il-proċedura għandha tinżamm.

Dipartiment ta' l-artijiet — Fond akkwistat mill-gvern

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għal liema skop il-gvern akkwista l-fond indikat fuq il-pjanta li qed tintbagħat separatament? X'beħsiebu jsir minflok il-fond indikat? Min hu s-sid? Kemm kienet l-istima tal-perit?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-fond indikat mill-Onor. Interpellant fuq il-pjanta anessa mall-Mistoqsija ġie akkwistat minħabba 'Slum Clearance Project'. L-istima tal-perit hija ta' Lm2,200. Is-sid tal-fond għadu mhux magħruf.

Dipartiment ta' l-artijiet — Art akkwistata mill-gvern

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għal liema skop il-gvern akkwista l-art indikata fuq il-pjanta li qed tintbagħat separatament? X'beħsiebu jsir minflok l-art indikata? Min hu s-sid? Kemm kienet l-istima tal-perit?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-art indikata mill-Onor. Interpellant fuq il-pjanta anessa mall-Mistoqsija ġiet akkwistata minħabba estensjoni fi Skola Primarja. L-istima tal-perit hija ta' Lm3,000. Is-sid tal-art għadu mhux magħruf.

Dipartiment ta' l-artijiet — Fond akkwistat mill-gvern

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-gvern akkwista l-fond indikat fuq il-pjanta li qed tintbagħat separatament? Xi proġetti għandu l-gvern minflok dan il-fond indikat? Kemm kienet l-istima tal-perit? Min hu s-sid?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-fond indikat mill-Onor. Interpellant fuq il-pjanta anessa mall-Mistoqsija ġie akkwistat minħabba 'Slum Clearance Project'. L-istima tal-perit hija ta' Lm10,000. Is-sid tal-fond għadu mhux magħruf.

Dipartiment ta' l-artijiet — Fond akkwistat mill-gvern

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-gvern akkwista l-fond indikat fuq il-pjanta li qed tintbagħat separatament? Xi proġetti għandu minflok l-istess fond? Min hu s-sid? Kemm kienet l-istima tal-perit?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-fond indikat mill-Onor. Interpellant fuq il-pjanta anessa mall-Mistoqsija ġie akkwistat minħabba 'Slum Clearance Project'. L-istima tal-perit hija ta' Lm2,640. Is-sid tal-fond għadu mhux magħruf.

Dipartiment ta' l-artijiet — Art akkwistata mill-gvern

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-gvern akkwista l-art indikata fuq il-pjanta? Min hu s-sid? Xi proġetti għandu minflok l-istess sit? L-istima tal-perit kemm kienet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-art indikata mill-Onor. Interpellant fuq il-pjanta anessa mall-Mistoqsija ġie akkwistata minħabba 'Embelishment Scheme'. L-istima tal-perit hija ta' Lm51,600. Is-sid tal-art għadu mhux magħruf.

Gżira — Triq Upper St. Albert - pressa baxxa ta' ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'qiegħed iwassal li jkun hemm pressa baxxa ta' ilma f'Upper St. Albert Str, Gżira? Meta se tiġi rrimedjata din il-problema?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qed tinvestiga dan l-ilment u se tagħmel l-almu kollu tagħha biex issolvi l-problema ta' pressa baxxa fit-triq imsemmija (Upper St. Albert).

Uffiċċju Konġunt — Kuntratt ta' residenza privata

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jsir il-kuntratt ta' l-inkwilin ta' post ta' l-uffiċċju konġunt li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

Jien infurmat li l-applikazzjoni tal-inkwilin li rrefera għalih l-Onor. Interpellant sejra tiġi proċessata fl-iżjed żmien qasir possibli.

Birgu — Fond li jinsab f'periklu strutturali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5282, tista' il-Ministru tgħid x'indika l-perit tal-gvern mill-ispezzjoni rigward saqaf li jinsab f'periklu? Meta se jibda x-xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li s-soqfa tal-kuritur u l-intrata fil-post indikat iridu jinbidlu. Sakemm isiru dawn it-tiswijiet wara sejħa għall-offerti, parti mis-saqaf tal-kuritur ser jiġi ppuntaljat biex jiġi evitat kull periklu. Is-soqfa tal-kmamar l-oħra għandhom bżonn xi tiswijiet li se jsiru milll-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar fil-futur immedjat.