Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorita' tad-Djar — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li koppja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tiġi pprovduta post alternattiv? Tista' il-Ministru tgħid kemm għandhom punti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili. Jekk il-persuna ndikata tixtieq aktar informazzjoni tista tirrikorri fis-sezzjoni tal-Customer Care fi ħdan id-Dipartiment.

WSC — Każ dwar kont ta' l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma bagħtet il-kont li kopja tiegħu qed tintbagħat separatament, lill-persuna indikata wara li din ilha ma tgħix fil-post imsemmi aktar minn 15-il sena?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-persuna li ntbagħtilha dan il-kont imsemmi qatt ma avżat lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma li hi telqet mill-post u għalhekk il-kont baqa' jgħajjat fuq isimha. Sa dan it-tant billi ħadd ma jrid jieħu responsabilta' tal-konsum ta' l-ilma inkwistjoni il-Korporazzjoni ħadet passi biex taqta' dan is-servizz partikulari ta' l-ilma.

Ħal Tarxien — Ħwienet fi Triq id-Dejma

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk il-ħwienet li jinsabu fi Triq id-Dejma, Tarxien (kopja tal-pjanta qed tintbagħat separatament) humiex proprjeta' ta' l-Awtorita' tad-Djar? Jekk fl-affermattiv, meta se joħorġu għall-bejgħ jew għall-kiri?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar bniet tlett ħwienet fi Triq id-Dejma, Tarxien. Il-Ħanut numru 2 ġie mibjugħ b'tender waqt li t-tnejn l-oħra ser joħorġu għall-bejgħ, wieħed f'Awissu u l-ieħor f'Settembru ta' dis-sena.

WSC — Każ dwar kont tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-kont anness ma' din id-domanda parlamentari qed jiġi għoli ħafna u l-konsumatur, għal diversi drabi, ilmenta ma' l-awtoritajiet u qed iħoss li l-ilment tiegħu qed jaqa' fuq widnejn torox?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li t-total pendenti ta' LM482.27 ikopri il-perjodu mit-2 ta' Mejju 2002 sas-6 ta' Marzu 2004. Dan it-total jiġbor fih 6 kontijiet. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma ma għandiex 'records' li dan il-konsumatur qatt għamel xi lment matul dan iż-żmien. Għalhemm, il-kontijiet prima facie ma jidħrux esagerati għal ħamsa minn nies. Naturalment, meta konsumatur idum ma jħallas kontijiet għal sena w nofs, iċ-ċifra ta' sitt kontijiet flimkien jkunu jidhru 'esagerati' ħdejn iċ-ċifra ta' kont f'perjodu wieħed.

Dipartiment ta' l-artijiet — Art tal-gvern għal skop ta' polo pitch

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma jekk saritx talba quddiem id-dipartiment ta' l-artijiet biex fuq art tal-gvern, jiġifieri fil-limiti ta' San Pietru, Triq San Leonardu, Xgħajra, li fil-preżent qegħda f'idejn full time farmer, isir polo pitch? Jekk fl-affermattiv, u jekk il-permess tal-MEPA joħroġ, x'se jiġri mill-full time farmer?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern għandha quddiemha talba sabiex isir polo pitch fi proprjeta' tal-Gvern fi Triq San Leonardu fix-Xgħajra. It-Taqsima għada ma ħadet l-ebda deċiżjoni fuq din it-talba. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ma tistax talloka art għal skop partikolari jekk dak l-iskop ma jkunx awtorizzat mill-MEPA. Sal-lum ma jidhirx li l-MEPA ħarġet xi permess għal polo pitch fuq din l-istess art.

MEPA — Applikazzjoni biex isir polo pitch

Question

Jista' il-Ministru jgħid u jikkonferma li l-MEPA għandha quddiemha applikazzjoni biex isir polo pitch fil-limiti ta' San Pietru, Triq San Leonardu, Xgħajra? Jekk fl-affermattiv tista' titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta, isem l-applikant u min hu s-sid ta' din l-art? Jista' jgħid meta mistennija jiġu issued il-permessi għall-polo pitch?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li hemm applikazzjoni numru PA 02752/03 li l-proposta tagħha hija "Formation of polo pitch and ancillary facilities". Il-kumplament ta’ l-informazzjoni għat-tieni part ital-mistoqsija hija aċċessibbli għall-pubbliku. Id-deċiżjoni fuq din l-applikazzjoni ġiet deferita sakemm issir konsultazzjoni tal-Heritage Advisory Committee (HAC) u mas-Supretendent tal-fortifikazzjonijiet.

Anzjana — Talba għal dħul f'dar ta' l-anzjani

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'tama hemm li anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u li hi senili, tiġi ammessa f'dar ta' l-anzjani?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni ta' l-anzjana li d-dettalji ntbagħtu separatament qegħda quddiem l-Admissions Board biex tittieħed deċiżjoni jekk tiġi ammessa f'Dar ta' l-Anzjani jew le.

Awtorita' tad-djar — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li ġenitur wieħed li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jiġi pprovdut post alternattiv biex jipprova jrabbi t-tarbija tiegħu ta' erba' xhur f'ambjent diċenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant flimkien ma' applikazzjonijiet oħrajn simili. Ta' min jgħid li d-Dipartiment ma ġiex notifikat bit-twelid reċenti ta' tarbija.

Awtorita' tad-djar — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li qegħda fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordina u li ftit taż-żmien ieħor tkun skontat is-sentenza, jinstabilha post fejn tgħix?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.

Awtorita' tad-djar — Skema care & repair

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex persuna anzjana ta' madwar 82 sena li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ġiet imċaħħda milli tibbenefika mis-servizz care & repair ta' l-awtorita' tad-djar, għaliex l-awtorita' qed tissuġġerixxi lil din l-applikanta biex tapplika taħt skema 'W' (sussidju fuq xogħlijiet ta' irranġar u titjib f'residenzi)?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-ewwel parti tat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6225 f'Seduta Nru. 145. Ninsab infurmata li waqt l-ispezzjoni li saret fuq il-post, it-tifel tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant, li kien preżenti, ddikjara li kien jippreferi li x-xogħolijiet isiru minn kuntrattur imqabbad minnhom taħt Skema W milli jistennew li x-xogħolijiet isiru minn kuntratturi wara l-ħruġ ta' tender taħt l-inizjattiva tal-care and repair.

Djar — Post tal-gvern fi stat perikoluż

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5912, tista' il-Ministru tgħid x'passi ħa d-dipartiment tal-construction & maintenance (Bini u Tiswijiet tad-Djar) biex jitneħħa l-periklu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar għamel ix-xogħol meħtieġ biex jitneħħa l-periklu fil-post indikat mill-Onor. Interpellant.

Applikazzjoni għal skema ta' l-awtorita' tad-djar

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li applikat għal skema ta' l-Awtorita' tad-Djar u t-talba tagħha biex tibbenefika minn din l-iskema għadha ma ġietx milqugħa? X'qed iżomm lill-awtorita' milli toħroġ approval?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar ma għandha l-ebda file li jġib ir-referenza kkwotata mill-Onor. Interpellant.

Awtorita' tad-Djar — Skema dwar tibdil ta' gallarija

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li bbenefikat mill-iskema ta' tibdil ta' gallarija "għotja ta' flus għall-konservazzjoni ta' bini storiku" mill-MEPA, u din l-istess gallarija għadha ma tlestietx minħabba negliġenza tal-mastrudaxxa, jista' il-Ministru jgħid jekk din il-persuna hijiex se titlef din il-grant peress li għaddiet iżjed minn sena li din il-grant ġiet approvata?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ser tikteb lill-persuna kkonċernata fuq il-każ.

Awtorita' tad-Djar — Każ dwar garage

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'wassal lill-Awtorita' tad-Djar biex tiddiskrimina ma' persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, biex ma tingħatax garage li għalih ġie offrut l-ogħla prezz? X'passi se tieħu l-awtorita' rigward din l-inġustizzja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Waħda mill-kundizzjonijiet tat-tender għal bejgħ ta' garages mill-Awtorita' tad-Djar hi li jingħata d-dritt ta' l-ewwel rifjut lit-tenderer li tkun mill-istess lokal fejn ikun il-garage, sakemm dik il-persuna tħallas is-somma ta' l-għola offerta mitfuha. Ninsab infurmata li l-Awtorita' rċeviet żewġ offerti dwar il-garage li rrefera għalih l-Onor. Interpellant. It-tnejn kienu minn persuni li jgħixu fl-istess lokal, saħansitra fl-istess blokk ta' appartamenti. Peress li hu diffiċli jiġi stabbilit min mit-tenderers joqgħod l-aktar viċin tal-garage, u jkollu d-dritt ta' l-ewwel rifjut, l-Awtorita' ħasset li l-aktar mod ekwu biex tiddetermina min għandu dan id-dritt hu li ssir polza bejn iż-żewġ tenderers. Iż-żewġ tenderers ġew infurmati b'dan iżda l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant fetħet korrispondenza ma' l-Awtorita' permezz ta' l-Avukat tagħha dwar is-suġġett. Għal din ir-raġuni l-polza għadha ma saritx. Minn dan ma jirriżultax li l-Awtorita' għamlet xi diskriminazzjoni mal-persuna ndikata.

Dipartiment ta' l-artijiet — Inkwilini ta' post tal-gvern

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'possibbilta' hemm li koppja minn Bormla li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li jinsabu t-tnejn bla xogħol u huma inkwilini ta' post tal-gvern, jibdew iħallsu l-kont pendenti bin-nifs?

Response (BORG, TONIO)

Qatt ma kien hemm problemi li jintlaħaq ftehim ma' Dipartiment tal-Artijiet sabiex il-kera titħallas bin-nifs fejn ikun hemm problemi umanitarji. Għaldaqstant l-inkwilini tal-post indikat mill-Onor. Interpellant huma mitluba biex jagħmlu kuntatt mas-Sezzjoni tal-Kera tad-Dipartiment tal-Artijiet.

Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li xebba omm b'206 punti li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tiġi allokata fond mid-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni mill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant flimkien ma' oħrajn simili.

Awtorita' tad-Djar — Servizz care & repair

Question

Tista' il-Ministru tara li persuna anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tibbenefika mill-iskema/servizz care & repair ta' l-awtorita' tad-djar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li fil-25 ta' Ġunju 2004, l-Awtorita' tad-Djar għamlet spezzjoni tal-fond indikat u issa qed jitħejja r-rapport tekniku.

Dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li familja ta' tmienja minn nies mill-Fgura u tarbija fil-futur li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tiġi allokata fond alternattiv?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant m'għandiex applikazzjoni pendenti mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.

Awtorita' tad-djar — Post tal-gvern - sussidju fuq il-kera

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex persuna separata bi tlett itfal ġiet imċaħħda milli tieħu sussidju fuq il-kera f'fond tal-gvern li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qed tieħu sussidju fuq il-kera tal-fond indikat, liema sussidju jkun rivedut kull sentejn skond kif provdut fil-kuntratt relattiv.