Legislature:
Category:
Reset
Active:

Isla — Binja tal-gvern - tiswija ta' lift

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta saret l-aħħar tiswija fuq il-lift f'binja tal-gvern ġewwa l-Isla li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6760 f'din l-istess seduta.

Kottinera — Kumpless sportiv - lifts

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-lifts tal-kumpless sportiv tal-Kottonera ġewx iċċertifikati li huma safe? Meta l-aħħar li ġew ittestjati? Dawn qegħdin jiġu ttestjati regolarment?

Response (GALEA, LOUIS)

Infurmat li l-lifts tal-Kumpless huma iċċertifikati bħala safe u qegħdin jiġu ittestjati taħt "maintenance agreement" fuq bażi regolari. L-aħħar darba li ġew iċċertifikati kien f'Jannar.

Isla — Fond fi stat perikoluż

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'passi se jieħu d-dipartiment għat-tiswijiet ta' djar tal-gvern biex jitneħħa l-periklu tal-fond fl-Isla li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Uffiċċju Konġunt — Fond fi stat perikoluż ġewwa l-Isla

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ħa l-uffiċċju konġunt biex jiġi mneħħi l-periklu strutturali tal-fond fl-Isla li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, wara li ġie ċċertifikat mill-perit ta' l-istess uffiċċju?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Konġunt ser jieħu l-passi neċessarji mad-Dipartiment konċernat sabiex isiru t-tiswijiet meħtieġa fil-fond in kwistjoni.

Bormla — Każ dwar għajnuna supplimentari

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li persuna minn Bormla li l-informazzjoni dwarha qed tintbagħat separatament, ma rċevietx l-għajnuna supplimentari?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6563, f'Seduta Nru. 155.

Bormla — Applikazzjoni għas-servizz care & repair

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk wara li anzjana ta' madwar 82 sena li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, applikat għas-servizz care & repair u meta saret l-ispezzjoni mill-awtorita' tad-djar fuq il-post f'Bormla, it-tifel tal-persuna ndikata kien iddikjara li kien jippreferi li x-xogħlijiet isiru minn kuntrattur imqabbad minnhom taħt Skema W, jistax ix-xogħol isir mill-kuntrattur taħt l-inizjattiva tal-care & repair?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jekk il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant bidlet il-ħsieb tagħha, tista' tinforma lill-Awtorita' tad-Djar li trid li x-xogħolijiet isiru taħt l-inizjattiva tal-Care and Repair.

San Ġiljan — Anzjan li qed jistenna biex jidħol f'dar ta' l-anzjani

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'tama hemm li anzjan minn San Ġiljan li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, u li hu senili, jiġi ammess f'dar ta' l-anzjani?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant id-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita' m'għandux applikazzjoni reġistrata f'isem l-anzjan li d-dettalji tiegħu ntbagħtu separatament biex jidħol f'Dar ta' l-Anzjani.

Awtorita' tad-djar — Skema W

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6225, huwa ġentilment possibbli li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tibbenefika mis-servizz care & repair, minħabba li tħoss li għal diversi raġunijiet mhix f'pożizzjoni li tibbenefika minn Skema W?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jekk il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant bidlet il-ħsieb tagħha, tista' tinforma lill-Awtorita' tad-Djar li trid li x-xogħolijiet isiru taħt l-inizjattiva tal-Care and Repair.

Awtorita' tad-djar — Post fi stat ta' periklu

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ħadu l-pulizija ta' l-għassa tal-lokal rigward post li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li hu strutturalment perikoluż b'konsegwenza li qed joħloq periklu għal terzi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi dan il-post huwa mitluq u l-Pulizija qed tieħu l-passi meħtieġa sabiex il-periklu jitneħħa.

Isla — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5800 fejn l-applikanta ġiet informata mill-Ministru tal-Familja u tas-Solidarjeta' Soċjali illi d-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali qed jikkonsidra l-applikazzjoni flimkien ma' oħrajn simili, tista' issa tgħid jekk minn meta ġiet imwieġba dik il-mistoqsija sal-lum, kienx hemm xi moviment pożittiv biex din l-applikanta tiġi provduta b'post alternattiv?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li ma hemmx żviluppi ġodda dwar il-każ indikat mill-Onor. Interpellant.

Marsa — Triq Aldo Moro - siġra tat-tin selvaġġ

Question

Jista' il-Ministru jara li titneħħa s-siġra tat-tin selvaġġ li hemm fi Triq Aldo Moro, fil-Marsa (ħdejn il-garage ta' Salv Bezzina & Sons Ltd.) li minħabba fiha ma tistax tgħaddi minn fuq il-bankina għax qed tiżgombra l-bankina?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li s-siġra tat-tin imsemmija saret iż-żabra tagħha. Biex tiġi mneħħija trid tinqala' mill-għeruq u minħabba l-pożizzjoni fejn qegħda hi diffiċli. Din it-talba ser tiġi rriferuta lill-Environment Landscapes Consortium Ltd biex jinstab mezz li tiġi mneħħija.

Kalkara — Drenaġġ ġewwa residenza privata

Question

Jista' il-Ministru jara li jittieħdu passi mis-sanita' biex tissolva l-problema ta' ilma jew drenaġġ li dieħel ġewwa l-fond imsemmi tal-familja mill-Kalkara li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li dan l-ilment kien ġie rrapurtat fl-Uffiċċju tas-Saħħa Pubblika madwar 3 ġimgħat ilu. Il-complainant kien informa li ma kienx hemm ilma li jista' jittieħed għall-analiżi w li kien jissuspetta li l-umdita' li kellu kien ġej mis-Swimming pool tal-ġar tiegħu. Kien ingħatalu l-parir li jkellem lill-Perit tiegħu wara li jsir rapport mill-Perit, hu jieħu parir legali dwar ħsarat strutturali li setgħu jiżviluppawlu. Għaldaqstant, saret spezzjoni fuq il-post indikat fil-21 ta' Lulju 2004 minn uffiċjal tad-Dipartiment, fil-preżenza tal-complainant. Is-sitwatzzjoni instabet l-istess u reġa' ġie spjegat lil persuna li m'hemmx drenaġġ involut, dan huwa każ ċivili w mhux Sanitarju.

Marsa — Drenaġġ ġewwa residenza privata

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħadet is-sanita' biex tissolva l-problema ta' l-ilma jew drenaġġ dieħel ġewwa fond fil-Marsa li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? X'tama hemm li tissolva darba għal dejjem din il-problema?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li dan l-ilment kien ġie rrapurtat fl-Uffiċċju tas-Saħħa Pubblika fit-18 ta' Ġunju 2004. Il-każ kien ġie nvestigat minn uffiċjal ta' dan id-Dipartiment fl-24 ta' Ġunju 2004 fejn anke kien ittieħed kampjun u ntagħat il-laboratorju għal analiżi. Dan irriżulta probably service water u l-persuna li lmentat ġiet infurmata b'tali riżultat fit-12 ta' Lulju 2004. Kien ingħatilha l-parir li tkellem lil Water Services Corporation biex jibdew l-investigazzjoni minn naħa tagħhom. Intbagħtet ukoll e-mail f'dan ir-rigward lill-istess Water Services Corporation fil-21 ta' Lulju 2004.

Marsa — Ilma ġewwa residenza privata

Question

Jista' il-Ministru jgħid fejn waslu l-investigazzjonijiet li qed tagħmel il-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma fir-rigward ta' l-inkonvenjent li dejjem qed jiżdied fil-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Akkomodazzjoni soċjali — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li applikant mill-Belt Valletta li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, quddiem id-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali jiġi allokat post alternattiv? Jekk m'hemmx tama, x'soluzzjoni qed joffri d-dipartiment?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.

Marsa — Kumpless sportiv - ground tar-ramel

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta kienet l-aħħar darba li ġie rranġat il-ground tar-ramel tal-kumpless sportiv tal-Marsa? Kemm-il metru kubu ta' ramel intefgħu? Kemm kienet l-ispiża totali nvoluta u fiex kienet tikkonsisti?

Response (GALEA, LOUIS)

Infurmat li hemm il-ħsieb illi dan il-ground jingħata servizz lejn l-aħħar tas-sena.

Dipartiment ta' l-isports — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta l-ħaddiema li kienu mad-dipartiment ta' l-isports se jitħallsu ta' l-overtime li ħadmu f'Ġunju ta' l-2002 waqt il-logħob tal-FISEC?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li infurmat li l-Kunsill Malti Għall-Isports m'għandux informazzjoni meħtieġa, ser inkompli ninvestiga biex nagħti tweġiba f'xi Seduta oħra.

Universita' — Fakulta' ta' l-Inġinerija Elettrika

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk ir-riċerki għat-teżijiet ta' l-istudenti tal-Fakulta' ta' l-Inġinerija Elettrika hux se jiġu ffinanzjati mill-Universita' ta' Malta, bħas-snin ta' qabel, jew hux se jiġu imposti fuq l-istudenti stess?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli fil-ħin, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Awtorita' tad-djar — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li għandha aktar minn 80 sena li tgħix f'post, li apparti li huwa sub-standard mhuwiex addattat għall-ħtieġijiet tagħha, tiġi pprovduta post alternattiv peress li f'dan il-post jgħixu wkoll numru kbir ta' nies?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.