Legislature:
Category:
Reset
Active:

Isla — Fond fi stat perikoluż

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 6769, tista' il-Ministru tgħid x'passi ħa d-dipartiment tal-bini u tiswija ta' djar tal-gvern fuq dan ir-rigward?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet meħtieġa fir-residenza ndikata mill-Onor. Interpellant ġew approvati u ser jinbdew malajr kemm jista' jkun.

Karti ta' l-identita' — Tibdil ta' ismijiet minħabba sex change

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid mis-sena 2000 sal-lum kemm saru tibdil ta' ismijiet minn fuq ID cards minħabba sex change (sena b'sena)?

Response (BORG, TONIO)

Peress li r-responsabbilita' ta' ħruġ u tibdil fl-ID Cards hija tal-Uffiċċju Elettorali, id-Dipartiment tar-Reġistru Pubbliku m'huwiex f'pożizzjoni li jgħid x'tibdil sar fl-ID Cards. Pero' id-Dipartiment għandu record ta' l-Atti tat-Twelid li tagħhom ġew mibdula kemm l-isem ta' l-individwu minħabba sex change kif ukoll l-indikazzjoni tas-sess u dan b'sentenza tal-Qorti. F'kull każ l-indikazzjoni tas-sess hija li minn raġel ġie mibdul mara u l-każi mis-sena 2000 sa llum kienu kif ġej:- Sena Numru 2000 NIL 2001 2 2002 5 2003 1 2004 NIL

Djar — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li familja li tgħix f'post żgħir ma' żewġ familji oħra xi darba jkollha post tal-gvern, peress li dawn jinsabu jgħixu għaxar persuni fi tlett ikmamar fil-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.

Djar — Tiswija ta' fond tal-gvern

Question

Tista' il-Ministru tara li jittieħdu l-passi neċessarji biex jiġi rranġat il-fond tal-gvern li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li għandu xi problemi strutturali u li jinsab taħt il-bejt?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Marsa — Drenaġġ ġewwa residenza privata

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6749, jista' il-Ministru jgħid fejn waslet it-talba li resident li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, għamel lill-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li minn analiżi ta' l-ilma in kwistjoni li sar mill-Korproazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma fid-29 ta' Lulju 2004, rriżulta illi dan hu x'aktarx ilma tad-drenaġġ. Madankollu meta l-Uffiċċjali tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma spezzjonaw il-main tad-drenaġġ f'Zerafa Street, Marsa ma nstabet ebda ħsara. Jidher li l-investigazzjoni għandha titkompla billi l-ispetturi tas-Sanita' jispezzjonaw il-house mains u s-sufuni privati tad-djar fit-triq biex ikun stabbilit jekk l-ilma in kwestjoni hux riżultat ta' ħsara f'dawn il-katusi privati.

Djar — Każ dwar rekwiżizzjoni ta' fond

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk il-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, huwiex rekwiżizzjonat? Jekk fl-affermattiv, ħarġet id-derequisition?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi l-fond indikat għadu rekwiżizzjonat.

Djar — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li raġel marid li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li jgħix waħdu f'dar mingħajr servizz ta' dawl u ilma u strutturalment perikoluż ġewwa Bormla, jingħata post tal-gvern?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali ma għandux applikazzjoni pendenti mingħand il-persuna ndikata.

Djar — Xogħlijiet f'residenza privata

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta l-awtoritajiet se jibdew ix-xogħol ta' bdil ta' soqfa, sistema ġdida ta' dawl, bdil ta' aperturi u tqegħid ta' madum fil-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kif diġa' intqal fi Tweġiba preċedenti dwar il-fond indikat mill-Onor. Interpellant, il-ħsarat f'dan il-fond mhumiex limitati biss għal dawk indikati f'din il-Mistoqsija iżda jirrikjedu li prattikament jitwaqqa' u jinbena mill-ġdid. Ninsab infurmata li għad ma teħditx deċiżjoni dwar meta ser jinbdew dawn ix-xogħolijiet estensivi.

Djar — Servizz ta' care & repair

Question

Tista' il-Ministru tara li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tibbenefika mis-servizz ta' care & repair?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet fir-residenza ndikata mill-Onor. Interpellant mistennija jinbdew wara li toħroġ sejħa għall-offerti għal dan l-iskop.

Birgu — Problema tad-drenaġġ f'residenza privata

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2762, jista' il-Ministru jgħid x'tama hemm li xi darba tiġi solvuta l-problema tad-drenaġġ tal-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ilha tbati minnha għal aktar minn tliet snin?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li wara spezzjoni fuq il-post li għaliha kien preżenti Inġinier tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u l-Ispettur Sanitarju tal-inħawi, kien konkluż illi l-problema ġejja minn ħsara f'sufun (intercepting chamber) privat fi Triq La Vallette li tiġi 'l fuq minn Triq Skolastika. L-Awtoritajiet Sanitarji issa se jieħdu passi biex din il-ħsara tissewwa mis-sid privat ta' dan is-sufun. Inżid ngħid illi rigward is-survey li kien sar mill-Korporazzjoni permezz tas-CCTV, dan ma kkonermax li hemm ħsara fil-mejn pubbliku kif ġie allegat.

Pulizija — Passi dwar fond perikoluż

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ħadu l-pulizija ta' l-għassa ta' Bormla rigward post li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li hu strutturalment perikoluż b'konsegwenza li qed joħloq periklu għal terzi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija ma kellha ebda rapport dwar il-ħsarat imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Pero' in vista ta' din il-Mistoqsija, il-Pulizija bdiet il-proċeduri skond il-liġi sabiex jekk hemm xi periklu jitneħħa.

Awtorita' tad-Djar — Talba għal servizz ta' care & repair

Question

Tista' il-Ministru tara li persuna anzjana li tgħid waħedha ġewwa l-Birgu u li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tibbenefika mis-servizz ta' care & repair?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li ser issir spezzjoni fil-ġranet li ġejjin minn naħa ta' l-Awtorita' tad-Djar biex jiġi verifikat jekk il-persuna konċernata tistax tibbenefika taħt l-inizjattiva tal-Care and Repair.

Awtorita' tad-Djar — Każ dwar applikazzjoni

Question

Tista' il-Ministru tara li t-talba li saret minn applikant miż-Żurieq li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, quddiem l-awtorita' tad-djar tiġi milqugħa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li fil-ġranet li ġejjin il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant mistennija tiffirma l-ftehim ma' l-Awtorita' tad-Djar għall-għotja għall-irranġar u titjib fir-residenza tagħha.

Djar — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li xebba omm li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, b'tifel b'diżabilita' ta' tliet xhur u li jgħixu f'post żgħir u kkundannat jingħataw post tal-gvern?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.

Pulizija — Passi dwar post fi stat perikoluż

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6757, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ħadu l-pulizija biex jitneħħa l-periklu dwar il-fond li jinsab fi stat perikoluż li d-dettalji dwaru qed jinbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

B'żieda mat-tagħrif li jien tajt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6757, ninsab infurmat illi l-Pulizija qegħdha f'kuntatt mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Kummissarju ta' l-Artijiet sabiex il-periklu jitneħħa. Pero' jekk l-Onorevoli Interpellant għandu xi tagħrif dwar is-sid tal-fond in kwestjoni, inħeġġu sabiex jgħaddi dan it-tagħrif lill-Pulizija sabiex jitħaffef il-proċess.

Enemalta — Cable tad-dawl ma' faċċata ta' residenza privata

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6773 u cioe' jista' jgħid x'passi ħadet il-korporazzjoni Enemalta rigward l-ittra li qed tintbagħat separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Mill-investigazjoni li saret l-indirizz imsemmi ma jeżistix. Hemm bżonn numru tat-telefon jew indirizz eżistenti tal-kunsumatur biex tiġi identifikata l-problema.

Sigurta' Soċjali — Bonus ta' Ġunju

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-persuni li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ma rċevietx il-bonus ta' Ġunju?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-każ tagħha.

MCAST — Vacancy għall-għalliema fuq il-karozzi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm fil-preżent l-MCAST għandu vacancy għall-għalliema fuq il-karozzi? Xi snajja' huma? Xi kwalifiki jrid ikollhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Nixtieq nirreferi lill-Onor. Interpellant għal avviżi li qed jidhru fil-Gazetta tal-Gvern u fil-ġurnali dwar postjiet tax-xogħol vakanti fl-MCAST. Għaldaqstant nirreferi lill-Onor. Interpellant għal dawn l-avvisi kif ukoll għall-website tal-Kuleġġ, www.mcast.edu.mt minn fejn l-applikant jista jniżżel l-formola ta' l-applikazzjoni.

Bini tal-gvern — Bdil ta' lift

Question

Tista' il-Ministru tgħid ta' min hi r-responsabbilta' biex jinbidel lift f'Binja tal-gvern meta dan ġie ċċertifikat li m'għadux tajjeb għall-użu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar hu responsabbli mill-istallar ta' lifts fi blokki tal-Gvern li jkunu qed jinbnew ġodda mill-Awtorita' tad-Djar filwaqt li l-Awtorita', skond Skema V, hi responsabbli għall-istallar ta' lifts fi blokki tal-Gvern eżistenti fejn joqgħodu inkwilini li għandhom diżabilita' ta' mobilita'. Ir-responsabbilta' tal-maintenance tal-lifts, sew dawk stallati mid-Dipartiment kif ukoll mill-Awtorita', hi ta' l-inkwilini. Għalhekk, ebda Dipartiment jew entita' li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi ma għandu r-responsabbilta' li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant.