Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamnetari 6750 u cioe' jista' jgħid fejn waslu l-investigazzjonijiet li qed tagħmel il-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma fir-rigward ta' l-inkonvenjent li dejjem qed jiżdied fil-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' L-ilma saret taf bl-ilment permezz ta' din il-Mistoqsija Parlametnari.
Il-persuna indikata qalet lill-ufficcjali tal-Korporazjoni għas-Servizzi ta' l-ilma li hi l-ilmenti tagħha dejjem għamlithom lid-Dipartiment tas-Saħħa u dawn kienu ndikawlha illi l-ilma ma kienx ġej mis-sistema tad-distribuzzjoni ta' l-ilma.
Kien biss fil-21 ta' Lulju 2004, li d-Dipartiment tas-Saħħa nforma lil din il-persuna li l-ilma seta kien ilma mill-mains tal-Korporazzjoni għas- Servizzi ta' l-Ilma.
Il-Korporazzjonmi qed tinvestiga l-każ u ser tieħu l-passi necessarji jekk l-ilma jirriżulta li hu ġej mis-sistema tad-distribuzzjoni tagħha.
Tista' il-Ministru tara li l-faċċata ta' dar tal-gvern li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tinsab fi stat ta' deterjorament tiġi rranġata?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għaddejt it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi asfaltata Triq il-Bumunqar, f'Ħaż-Żabbar?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Triq il-Bumunqar ġiet inkluża fil-programm ta' kostruzzjoni ta' toroq li qed jithejja Direttorat u x-xogħol fuqha isir aktar il-quddiem skond il-prijoritajiet li jkollu quddiemu d-Direttorat.
Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li m'għandhiex saqaf fuq rasha, tieħu post li jinsab vojt li s-sid tiegħu huwa l-gvern u li d-dettalji dwaru qed ngħaddihom ukoll separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni mill-persuna ndikata flimkien ma' oħrajn simili.
Ninsab infurmata wkoll li mir-rekords tad-Dipartiment ma jirriżultax li din il-persuna m'għandiex saqaf fuq rasha.
Sta. Venera — Appartament tal-gvern - tiswija ta' lift
Question
Tista il-Ministru tieħu l-passi neċessarji biex it-talba li qed jagħmlu residenti minn Sta. Venera tiġi milqugħa? (id-dettalji qed jintbagħtu separatament).
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-manutenzjoni tal-partijiet komuni u ta' l-lifts stallati fi blokki tal-Gvern hi responsabbilita' ta' l-inkwilini.
Jista' il-Ministru jara li l-meter ta' l-elettriku ta' dar privata li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jiġi rranġat jew jitbiddel minħabba li qed ikun ta' periklu għar-residenti tad-dar?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li minn investigazzjoni li saret jirriżulta li ma hemm l-ebda periklu fil-meter ta' l-elettriku
Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li raġel separat ta' madwar 40 sena li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li jgħix ma' missieru f'kamra waħda ġewwa Bormla, xi darba jieħu post tal-gvern?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.
Bormla — Wesgħa l-Knisja tan-Nativita' - irwejjaħ fi Blokk B
Question
Jista' il-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex mill-aktar fis possibbli jara x'qed jikkaġuna rwejjaħ u ħsejjes fix-xaft ta' Blokk B, Wesgħa l-Knisja tan-Nativita', Bormla?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li saru l-investigazzjonijiet neċessarji fil-Blokk indikat minn uffiċjali ta' dan id-Dipartiment u nstab li hemm ħsara fil-katusi vertikali tad-drenaġġ. Inħareġ avviż uffiċjali lill-Kummissarju ta' l-Artijiet biex isiru t-tiswijiet neċessarji.
Dwar ħsejjes nitlbok tirreferi l-ilment lill-Ministru responsabbli mill-Korp tal-Pulizija.
Skejjel ta' l-istat — Studenti li nqabdu bi drogi/armi tan-nar
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk fis-snin 1999, 2000, 2001, 2002, 2003 u din is-sena sal-lum kienx hemm rappurtat li xi tfal/studenti li jattendu l-iskejjel ta' l-istat inqabdu b'xi drogi u armi tan-nar; meta u f'liema skola; x'passi ttieħdu; kemm kellhom eta' t-tfal f'kull każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Awtorita' tad-djar — Każ dwar post fi stat perikoluż
Question
Tista' il-Ministru tgħid jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ħaditx post tal-gvern riċentement, peress li din l-applikanta, apparti li tbati minn diversi mard psikoloġiku u mentali, għandha l-bintha tgħix magħha li għadha kif ħarġet mill-isptar Monte Carmeli u t-tnejn li huma jgħixu f'post li ġie ċċertifikat mill-awtorita' tad-djar mhux tajjeb għall-abitazzjoni?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.
Jista' il-Ministru jara li jittieħdu l-passi biex tiġi solvuta l-problema ta' ilma li dieħel fil-kamra ta' dar fil-Birgu, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li uffiċjali tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma ikkuntattjaw lir-residenti konċernati. Mill-investigazzjonijiet li saru jidher li dan l-ilma li qed inixxi mhux ilma tal-mains tal-KSI, iżda ilma li ġej minn xi residenza privata fil-viċin.
Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li żewġ ġenituri aħwa li huma single parents u li applikaw għal post tal-gvern quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali jieħdu flimkien post wieħed tal-gvern?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6736 u cioe' jista' jgħid jekk ir-riċerki għat-teżijiet ta' l-istudenti tal-Fakulta' ta' l-Inġinerija Elettrika hux se jiġu ffinanzjati mill-Universita' ta' Malta, bħas-snin ta' qabel, jew hux se jiġu imposti fuq l-istudenti stess?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-mistoqsija numru 6736 diġa ġiet imwieġba fis-Seduta numru 166.
Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li mara separata li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u li tgħix f'post tal-gvern tibdel ma' post ieħor tal-gvern?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jsir il-kuntratt ta' inkwilin anzjan li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li jgħix f'dar li s-sid tagħha huwa l-Uffiċċju Konġunt?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni tal-inkwilin imsemmi mill-Onor. Interpellant qiegħdha tiġi proċessata u l-applikant ser jiġi nfurmat bil-prezz li bih jista' jixtri l-fond.
Bini tal-gvern — Dħul ta' ilma f'residenza privata
Question
Tista' il-Ministru tara li d-dipartiment tal-kostruzzjoni u tiswija ta' djar isolvi l-problema ta' ilma li dieħel minn postijiet tal-gvern għal fond privat li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għaddejt it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Jista' il-Ministru jgħid jekk ir-riċerki għat-teżijiet ta' l-istudenti tal-Fakulta' ta' l-Inġinerija Elettrika hux se jiġu ffinanzjati mill-Universita' ta' Malta, bħas-snin ta' qabel, jew hux se jiġu imposti fuq l-istudenti stess?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Universita' qed tirriserva l-pożizzjoni tagħha sakemm tkun tak il-Budget allokat għaliha.
Tista' il-Ministru tara li l-persuna armla li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tibbenefika mis-servizz ta' care & repair?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li propju llum kellha ssir spezzjoni minn naħa ta' l-Awtorita' tad-Djar biex jiġi verifikat jekk il-persuna konċernata tistax tibbenefika taħt l-inizjattiva tal-Care and Repair.
Tista' il-Ministru tara li persuna marida li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tibbenefika mis-servizz ta' care & repair?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li propju llum kellha ssir spezzjoni minn naħa ta' l-Awtorita' tad-Djar biex jiġi verifikat jekk il-persuna konċernata tistax tibbenefika taħt l-inizjattiva tal-Care and Repair.