Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li familja minn Tas-Sliema li għandha 127 punti quddiem id-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali u li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jiġu pprovduti b'post alternattiv?
Response (CRISTINA, DOLORES)
F'dan l-istadju ma għandi xejn xi nżid mat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6337 f'Seduta 149 dwar l-istess persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.
Tista' il-Ministru tgħid fejn waslet l-applikazzjoni ta' persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, quddiem id-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali u x'tama hemm li tieħu post tal-gvern?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.
Tista' il-Ministru tgħid fejn waslet l-applikazzjoni li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, quddiem id-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali u x'tama hemm li tiġi provduta wieħed mill-appartamenti f'Tal-Papa, Birżebbuġa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma oħrajn simili.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li tgħix f'post tal-gvern u bil-pensjoni, għolitilha l-kera tal-fond fejn toqgħod?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi s-sussidju fuq il-kera tal-post indikat inħadem sewwa skond il-kuntratt iffirmat mill-inkwilin meta ngħata l-post.
Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li mara Taljana, separata minn żewġha Malti u li għandhom sitt itfal li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tiġi allokata post tal-gvern minħabba li mhix f'pożizzjoni finanzjarja tajba li tikri post mis-suq privat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali ma għandux applikazzjoni pendenti mingħand il-persuna ndikata.
Pulizija — Inkonvenjenzi kawżati minn ħanut tax-xorb
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ħa jew x'se jieħu dwar l-ittra li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ilment imressaq fl-ittra msemmija kien ġie nvestigat u l-persuna li kienet ressqet l-ilment, kienet ukoll ġiet mitkellma mill-Assistent Kummissarju imsemmi ukoll fl-ittra, nhar is-17 ta' Awissu 2004. Infurmat ukoll illi l-Pulizija ser tkompli tagħmel sorveljanza fl-akkwati.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li spiċċat mix-xogħol mhijiex tibbenefika minn servizzi soċjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Biex persuna tirċievi benefiċċju għad-diżimpjieg trid tkun qed tirreġistra għax-xogħol fuq l-Ewwel Parti tar-Reġistru miżmum mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ.
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant mhiex qed tirreġistra fuq l-Ewwel Parti ta' dan ir-Reġistru.
Jista' il-Ministru jgħid meta Triq A.G. Chesney, fix-Xgħajra mistennija tiġi asfaltata u meta se ssir il-bankina?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat illi din it-triq ġiet inkluża fil-programm ta' toroq li qed isir mid-direttorat u x-xogħol fiha isir aktar il-quddiem skond il-prijoritajiet. Dan ix-xogħol mistenni jinkludi wkoll il-bankini.
Dipartiment ta' l-artijiet — Post għall-bejgħ b'offerti
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'tama hemm li post f'Ħal Qormi joħroġ għall-bejgħ b'offerti u jiġi offrut right of first refusal lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (BORG, TONIO)
It-tama hi qawwija. Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Konġunt qiegħed jipprepara l-pjanti neċessarji sabiex toħroġ sejħa għal offerti għal bejgħ tal-fond in kwistjoni. Ma jistax jingħata right of first refusal, peress li wara l-mewt tal-kerrej il-fond baqa' vojt u ħadd warajh ma kien intitolat għal kera.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex persuna li tgħix f'post privat li huwa kkundannat fil-Wied ta' Birkirkara għadha ma ġietx provduta post alternattiv mid-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali? (Id-dettalji dwar il-każ qed jintbagħtu separatament).
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.
Tista' il-Ministru tgħid x'qed iżomm lid-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali milli jipprovdi post alternattiv lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament) li skond il-perit tal-gvern, il-fond li preżentement tgħix fih huwa strutturalment perikoluż?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili
Tista' il-Ministru tgħid għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li spiċċat minn fuq il-post tax-xogħol minħabba l-eta' għadha ma rċevietx il-pensjoni?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.
Tista' il-Ministru tindaga jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, hix qed tirċievi l-pensjoni kollha li hija ntitolata għaliha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.
Tista' il-Ministru tgħid jekk persuna li fil-passat kienet xtrat fond tal-gvern tistax tibbenifika minn waħda mill-iskemi ta' l-awtorita' tad-djar meta din tkun diġa' ħadet għajnuna? Liema hi l-iskema li tista' tibbenefika minnha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li persuna li tkun ibbenefikat minn xiri ta' proprjeta' mingħand l-Awtorita' tad-Djar ma tkunx tista' tibbenefika minn xi għajnuna oħra mill-istess Awtorita'.
Jista' il-Ministru jgħid, fid-dawl tar-risposta li kien tani waqt l-inawgurazzjoni tas-sur ta' Sant'Anna f'Senglea, meta se jibda l-proġett ta' irranġar tal-moll ta' l-Isla?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Huwa ppjanat li x-xogħolijiet fuq il-moll ta' l-Isla jiġu mwettqa is-sena li ġejja meta huwa mistenni li jiġu allokati fondi speċifiċi fuq dan il-proġett.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi se jieħu d-dipartiment tad-drenaġġ biex tissolva l-problema ta' drenaġġ li hemm ħdejn il-Cospicua RangersF.C. f'Bormla?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li uffiċjali tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma spezzjonaw l-mejn pubbliku tad-drenaġġ fit-triq indikata u ma rrizzultax li hemm xi problemi f'dan il-mejn.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni ma għandha ebda gurisdizzjoni fuq sufuni u konnessjonijiet privati li jagħtu għal dan il-mejn u investigazzjonijiet dwar dawn normalment isiru mid-Dipartiment tas-Saħħa.
Tista' il-Ministru tgħid x'passi se tieħu minħabba li kuntrattur privat li bħalissa qed jibni binja tal-gvern f'Bormla, in-naħa ta' Triq San Ġwann, kisser il-komunikazzjoni tad-drenaġġ tal-Cospicua Rangers F.C.?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għaddejt it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Tista' il-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li r-recreation area li tinsab bejn il-Cospicua Rangers u l-binja l-ġdida tal-gvern jiġi rranġat u integrat bħala parti mill-proġett sħiħ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-area ndikata mill-Onor. Interpellant hi nkluża mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar fil-programm ta' tisbieħ ta' ġonna pubbliċi.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi se jieħu biex tissolva l-problema tad-drenaġġ ħdejn il-klabb tar-Regatta tal-Birgu?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li peress illi m'hemmx main tad-drenaġġ għaddej minn quddiem ir-Regatta Club tal-Birgu, l-Onor. Interpellant hu mitlub jispeċifka xinhi l-problema li qed jirreferi għaliha.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħadet il-MEPA ma' sid privat biex itella' ħajt mal-plot privat tiegħu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, minħabba li dan qed ikun użat bħala miżbla b'inkonvenjent għar-residenti tal-madwar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Pollution Prevention and Control Unit fi ħdan l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qed tinvestiga dan il-każ u tinstab fil-proċess li tidentifika s- sid ta' l-art. Ta’ min isemmui wkoll li l-Kunsill Lokali għandu wkoll id-dmir li jara li din il-proprjeta tinżamm nadifa.