Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kottonera — Problema tad-drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħa d-dipartiment tas-sanita' u/jew l-ispettur sanitarju biex tiġi rimedjata l-problema ta' ilma/drenaġġ f'post li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ilment dwar infiltrazzjoni ġo l-fond indikat, kien oriġinarjament sar fil-15 ta' Settembru 2003. Kien ġie nvestigat minn uffiċjal ta' dan id-Dipartiment, fejn ittieħed kampjun fid-9 t'Ottubru 2003. Tali kampjun irriżulta bi traċċi ta' ammonia. L-iskular ta' l-ilma kien sussegwentament waqaf u l-persuna li għamlet l-ilment qatt ma reġgħet infurmat li tali nfiltrazzjoni reġgħet bdiet dieħla. Fit-18 ta' Ottubru 2004 uffiċjali minn dan id-Dipartiment reġa' spezzjona l-fond indikat u ma nstab l-ebda nfiltrazzjoni.

djar — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid fejn waslet it-talba ta' anzjana miż-Żejtun - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - biex id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali jipprovdilha post alternattiv?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.

Djar — Problema f'residenza privata

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħa l-ispettur sanitarju biex tissolva l-problema fil-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ilment dwar infiltrazzjoni ġo l-fond indikat, kien oriġinarjament sar fit-28 ta' April 2004. Kien ġie nvestigat minn uffiċjal ta' dan id-Dipartiment, fejn ittieħed kampjun ta' l-infiltrazzjoni fit-30 ta' April 2004. Tali kampjun irriżulta' b'possibilita' t'ilma tal-bir ikkontaminat bi traċċi ta' l-ammonia. Testijiet kienu saru fid-drenaġġ ta' l-istess residenza fejn ma' rriżulta l-ebda' difett. Infurmat li wara li saru xi xogħolijiet fil-kanen ta' l-ilma tax-xorb, l-iskular ta' l-infiltrazzjoni kien waqaf. Il-persuna li kienet għamlet l-ilment qatt ma' reġgħet infurmat li tali nfiltrazzjoni reġgħet bdiet. Wara li reġa' daħal l-ilment, fit-18 ta' Ottubru 2004, uffiċjali ta' dan id-Dipartiment reġgħu bdew l-investigazzjonijiet tagħhom billi ħadu kampjun ta' l-infiltrazzjoni. Tali kampjun irriżulta' li m'hemmx kontaminazzjoni tad-drenaġġ. Għaldaqstant dan il-każ qed jiġi magħluq minn naħa ta' dan id-Dipartiment.

WSC — Problema ta' ilma f'residenza privata

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħadet il-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma biex tissolva l-problema ta' l-ilma fil-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li meta uffiċjali tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma marru biex jispezzjonaw il-fond indikat, sabu li dan hu magħluq. Is-sid tal-post sejjer ikun ikkuntatjat fl-indirizz fejn joqgħod ħalli tkun tista' ssir spezzjoni bħala l-ewwel pass għall investigazzjoni neċessarja.

Awtorita' tad-djar — Ref No: HAW 36/2004

Question

Tista' il-Ministru tgħid fejn waslet it-talba quddiem l-awtorita' tad-djar bir-ref no: HAW 36/2004?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li wara li ġie kkonfermat li l-persuna ndikata ma kienetx tista' tagħmel ix-xogħolijiet hi stess taħt Skema W, ġie deċiż li dawn isiru taħt l-inizjattiva tal-care and repair. Ninsab infurmata wkoll li l-Awtorita' tad-Djar mistennija toħroġ tender biex isiru dawn ix-xogħolijiet.

Djar — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'possibbilta' hemm li koppja anzjana li għandha tifel b'diżabilita' - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - tiġi akkomodata f'post f'Raħal Ġdid, ħdejn binthom minħabba li din il-koppja qed tibża li meta tiġi nieqsa binhom ma jkunx kapaċi jfendi għal rasu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.

Sigurta' Soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'passi ħa d-dipartiment tas-sigurta' soċjali biex jilqa' it-talba tal-persuna - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - peress li mhijiex sodisfatta bir-risposta li ngħatatilha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet nfurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Djar — Każ dwar housing

Question

Tista' il-Ministru tgħid fejn waslet it-talba li għamlet persuna - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - biex tibbenefika minn skema ta' l-awtorita' tad-djar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li fid-29 ta' Settembru 2004, l-Awtorita' tad-Djar infurmat bil-miktub lill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant dwar il-każ tagħha.

Dipartiment tat-taxxi interni — Ħlas ta' taxxa fuq wirt

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk persuna li tgħix f'post li ġie għandha b'wirt fl-1992 tridx tħallas it-taxxa fuq il-wirt? Jekk fl-affermattiv, kemm għandha tħallas taxxa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li għar-rigward ta’ persuni li mietu fl-1992 sal-24 ta’ Novembru, 1992 il-proprjetà ta’ dik il-persuna li mietet inkluża dik il-proprjetà konsistenti fid-dar li fiha kien jirresjedi l-werriet hi soġġetta għat-taxxa taħt il-provvedimenti ta’ l-Att ta’ l-1973 dwar it-Taxxa tal-Mewt u Donazzjoni (Kap 239). Għar-rigward ta’ proprjetà immobbli nklu ża d-dar ta’ residenza tal-werriet ta’ xi persuna li mietet fil-25 ta’ Novembru, 1992 jew wara dik id-data, tali proprjetà tkun soġġetta għat-taxxa taħt l-Att ta’ l-1993 dwar it-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti (Kap 364). F’kull waħda miż-żewġ liġijiet ċitati hemm kontemplati bosta rati diversi ta’ taxxa fuq tali proprjetà immobbli. (Tweġiba mogħtija: 27/10/2004PM) (Seduta Numru: 178)

Sigurta' Soċjali — Każ dwar relief

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'qed iżomm lid-dipartiment tas-sigurta' soċjali milli joħroġ ir-relief lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Sigurta' Soċjali — Każ dwar benefiċċju supplimentari

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex il-persuna - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - inqatgħalha benefiċċju tas-supplimentari?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Raħal Ġdid — Skola Ġuże' D'Amato - servizz ta' facilitator

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex tifel ta' 12-il sena - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - kien qed jieħu servizz ta' facilitator fl-iskola Ġuże' D'Amato, Raħal Ġdid, twaqqaflu dan is-servizz u jekk hemmx il-ħsieb li jerġa' ikollu facilitator?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dan it-tifel reġa' ġie assessjat mill-Istatementing Board u reġa' ngħatalu full-time facilitator.

Awtorita' tad-djar

Question

Tista' il-Ministru tgħid fejn waslet it-talba tal-familja - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li għandha żewġt itfal b'diżabilita' u li applikat għal waħda mill-iskemi ta' l-awtorita' tad-djar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li xogħolijiet mitluba mill-familja li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant m'humiex relatati mad-diżabilita' tat-tfal u għalhekk it-talba ma gietx milqugħa.

Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Applikazzjonijiet

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm applikanti quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali li huma xebbiet omm jew ġuvintur missier?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li n-numru ta' applikazzjonijiet li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu minn xebbiet omm u ġuvintur missier hu 494 u 9 rispettivament.

Sptar Monte Carmeli — Ward 2 - pazjenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li r-residenti ta' Ward 2 fl-isptar Monte Carmeli jingħataw jieklu fl-4.30 p.m. u fil-5.00 p.m. ikunu diġa' inpoġġija fis-sodda?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li fis-swali msemmija hemm numru ta' pazjenti li huma bedridden u minħabba l-kundizzjoni tagħhom ma jistgħux jinżlu mis-sodda. Il-pazjenti l-oħra jibdew jiġu mogħtija l-ikel għal ħabta ta' l-4.30pm u żgur li ma jkunx possibbli li jkunu lesti għas-sodda sal-5.00pm. Dan l-aktar meta jitqies ukoll li dawn il-pazjenti jiddependu għal kollox fuq in-nurses biex jieklu.

Sigurta' Soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex il-ministeru tagħha baqa' ma rrispondiex għat-talba tal-persuna - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - dwar post alternattiv wara li din ilha tistenna risposta għal aktar minn sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.

Sigurta' Soċjali — Każ dwar pensjoni

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm se tkun il-pensjoni tal-persuna - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li ħarġet bord fl-1992 u din is-sena se tagħlaq 61 sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Ċimiterju ta' l-Addolorata — Bejgħ ta' Oqbra

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se joħorġu għall-bejgħ lill-pubbliku oqbra fiċ-ċimiterju ta' l-Addolorata u x'inhi l-proċedura biex wieħed jakkwista qabar fl-istess ċimiterju?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li huwa il-ħsieb tad-Dipartiment li hekk kif titlesta l-estenzjoni taċ-Ċimiterju ta' l-Addolorata li hemm ippjanata, l-oqbra jiġu allokati skond il-lista ta' l-applikanti (Waiting List). Il-proċedura biex wieħed jakkwista qabar f'Ċimiterju tal-Gvern hija li japplika fuq applikazzjoni li tista tinġabar mill-'Burials Administration Unit' li tinsab fiċ-Ċimiterju ta' l-Addolorata. Tali applikazzjoni tiġi reġistrata u titpoġġa ġo 'waiting list' skond iċ-Ċimiterju ndikat.

Għawdex — Prostituti mressqa l-Qorti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew arrestati prostituti f'Għawdex u kemm minnhom tressqu l-qorti fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-perijodu msemmi mill-Onorevoli Interpellant ma kienx hemm persuni li tressqu l-Qorti fuq reati ta' prostituzzjoni ġewwa Għawdex.