Jista' il-Ministru jgħid x'tama hemm li anzjana - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li tbati minn dimentia tiġi ammessa f'dar ta' l-anzjani?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija applikat biex tiġi ammessa għad-dar ta' l-anzjani ta' Bormla fl-4 ta' Ġunju 2003.
L-aplikazzjoni ġiet approvat u kienet infurmata b'ittra li se tiġi ammessa fit-12 t'Awissu 2004. Fl-istess ġurnata, l-uffiċjal inkarigat mid-dar ta' l-Anzjani ta' Bormla informa d-dipartiment li l-anzjana irrifjutat li tidħol fid-dar ta' l-Anzjani. Id-dipartiment taha ftit ġranet ċans biex taħsibha u daħlet fit-23 t'Awissu 2004.
Fit-3 ta' Settembru 2004, l-anzjana iddeċidiet minn jeddha li titlaq mid-dar għall-Anzjani f'Bormla. Minn dakinhar, hi qatt ma reġgħet għamlet talba biex terġa tiġi ammessa f'dar għall-Anzjani.
Tista' il-Ministru tara li l-persuna - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - tibbenefika mis-servizz ta' care and repair?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li minkejja li ma jirriżultax li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant għamlet talba biex tibbenefika mill-inizjattiva tal-Care and Repair, l-Awtorita' tad-Djar ser tivverifika jekk din il-persuna tistax tibbenefika minn din l-inizjattiva.
Jista' il-Ministru jgħid meta Triq tax-Xemx u l-Qamar fil-Fgura mistennija tiġi asfaltata u meta se ssir il-bankina?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita' ħarġet din it-tender għal dawn ix-xogħolijiet. F'dana il-waqt qed isir il-proċess ta' l-aġudikazzjoni ta' dawn ix-xogħolijiet.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jsiru l-arbli tad-dawl fi Triq tax-Xemx u l-Qamar fil-Fgura?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-Enemalta issottomettiet applikazzjoni lill-ADT kif ukoll lill-MEPA biex ikun jista' jsir ix-xogħol ta' trinek meħtieġa. Ladarba dawn il-permessi jinħarġu, ix-xogħol ikun jista' jitkompla.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li l-eżami għall-warrant ta' avukat ser isir fid-29 ta' Diċembru 2004? Jekk fl-affermattiv, għaliex ser isir qabel id-data tas-soltu, jiġifieri f'Marzu? Jekk fin-negattiv, meta ser isir l-eżami li jmiss?
Response (BORG, TONIO)
L-eżami għall-warrant ta' avukat hu maqsum f'żewġ sessjonijiet, jiġifieri eżami bil-miktub u ieħor orali. Dawn iż-żewġ partijiet isiru f'dati differenti. Ġiet iffissata d-data tad-29 ta' Diċembru għall-parti miktuba ta' l-eżami. Ma hemm ebda raġuni partikolari l-għala ser issir f'dik il-ġurnata u mhux xi oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk persuna bid-degree ta' LL.D tistax tagħmel l-eżami għall-warrant ta' avukat f'session li trid hi u mhux bilfors fis-session ta' wara l-gradwazzjoni?
Dipartiment ta' l-artijiet — Applikazzjoni għal biċċa art
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fejn waslet it-talba li għamel il-persuna - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, quddiem id-dipartiment ta' l-artijiet biex jakkwista biċċa art żgħira biex isebbaħ l-ambjent?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern fil-futur qarib ser toħroġ sejħa għal offerti għall-kiri tal-biċċa art li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004 s'issa ġewx rapportati każi ta' rape fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin? Jekk fl-affermattiv, x'passi ttieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul is-snin imsemmija ma kienx hemm rapporti ta' rape ġewwa l-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004 s'issa ġewx rapportati molestji sesswali bejn is-suldati, u jekk fl-affermattiv x'passi ttieħdu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li bejn is-snin 2000 u 2004 ma ġewx rapportati molestji sesswali bejn is-suldati.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk bejn l-2000 u l-2004 kienx hemm xi suldati li ġew rapportati li kkommettew atti kriminali u jekk fl-affermattiv, x'passi ttieħdu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li bejn is-snin 2000 u 2004, kien hemm disgħa u ħamsin suldat li tressqu l-qorti akkużati li kkommettew att kriminali. Għoxrin instabu ħatja, sbatax ġew illiberati u quddiem il-qrati għad fadal tnejn u għoxrin każ pendenti. Fost dawk li nstabu ħatja kien hemm sebgħa li ngħataw ‘Twissija Uffiċjali lill-akkużat’ skond l-Att tal-Forzi Armati ta’ Malta ta’ 1970, sitta oħra tkeċċew ‘fl-Interess tas-Servizz’ filwaqt li s-sebgħa l-oħra ma ttieħdux passi minn naħa tal-Forzi Armati ta’ Malta, peress li offiża kienet waħda żgħira. Dan, s’intendi, barra s-sentenza mgħotija mill-qorti.
Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li famlja - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li għandha 144 punt quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali tiġi pprovduta post alternattiv?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-punti ndikati mill-Onor. Interpellant mhumiex korretti. Ninsab infurmata wkoll li l-applikazzjoni li għamel referenza għaliha qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' oħrajn simili.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jinħareġ il-permess lill-persuna - id-detallji dwarha qed jintbagħtu separatament - biex toqgħod hawn Malta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kemm l-Uffiċċju Prinċipali tal-Immigrazzjoni kif ukoll id-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u tal-Expatriates m'għandhomx xi talba pendenti sabiex il-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant tingħata permess tidħol f'Malta.
Tista' il-Ministru tieħu passi biex id-dipartiment għat-tiswija tal-postijiet tal-gvern jirrimedja l-inkonvenjent li persuni - id-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament - qed jallegaw li nħolqilhom meta nbniet binja biswit id-dar tagħhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għaddejt it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Tista' il-Ministru tara li jittieħdu l-passi neċessarji biex il-persuna - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - tibbenefika mis-servizz care & repair ta' l-awtorita' tad-djar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li f'Ġunju 2002, il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ibbenefikat minn għotja taħt Skema Z ta' l-Awtorita' tad-Djar biex isiru diversi xogħolijiet għall-irranġar fir-residenza privata tagħha.
Ninsab infurmata wkoll li permezz ta' dawn ix-xogħolijiet il-fond inġieb up to standard skond kif ċertifikat minn perit ta' l-Awtorita' tad-Djar.
Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li l-persuna - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - tiġi pprovduta b'post alternattiv mid-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.
Tista' il-Minsitru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jaqa' il-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-fond li għamel referenza għalih l-Onor. Interpellant hu ndikat għat-twaqqigħ bħala parti mit-tielet fażi tal-proġett ta' riabilitazzjoni taż-żona ta' Santa Liena.
B'riferenza għat-tweġiba li ngħatat fis-seduta 171 tat-12 ta' Ottubru 2004 għall-mistoqsija parlamentari 7604 li tittratta s-servizz ta' l-internet għall-impjegati fil-MEPA, peress li bid-deċiżjoni li ttieħdet irriżulta li impjegati (klerikali u tekniċi/amministrattivi) f'direttorati oħra fl-istess awtorita' xorta baqgħu jgawdu dan is-servizz u fl-istess ħin gradi professjonali fid-direttorat ta' l-ippjanar (li jinkludu fost oħrajn anke individwi li mhux qed jagħmlu kors l-universita' imħallsa mill-istess awtorita') kif ukoll oħrajn tekniċi li ġew esklużi b'din l-azzjoni, qed isibu diffikultajiet biex iwettqu l-obbligi kollha lejn il-professjoni tagħhom li timplika ammont ta' aġġornament kontinwu kif ukoll riċerka, jista' il-Ministru jgħid għaliex ma tteħdux miżuri oħra biex din id-deċiżjoni ma tkunx ta' detriment għal dan in-numru ta' staff fl-istess awtorita'? Ma jistax jintuża aħjar software partikolari fl-awtorita' li jirregola b'mod aħjar, permezz ta' aktar filtering, aċċess għal ċerti siti, informazzjoni li jista' ikollha kontenut dubjuż? Għaliex din id-deċiżjoni ma ġietx ikkommunikata b'mod dinjituż ma' l-istaff kollu fl-awtorita'? X'qed iżomm lill-management milli josserva l-linji gwida li għamel hu xi żmien ilu wara li soluzzjoni ġusta tittieħed f'dan ir-rigward? Tista' tikkonferma li gradi tekniċi u klerikali kif ukoll professjonisti fiż-żewġ direttorati l-oħra baqgħu bl-aċċess għal dan is-servizz bażiku?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-management tad-Direttorat ta' l-Ippjanar ħass li l-produttivita’ ta' ċerti gradi ta' mpjegati kien affetwat b'mod negattiv mindu ġie pprovdut l-aċċess ta' l-internet xi xhur ilu. Ninsab infurmat ukoll li dawn l-imjegati m’għandhomx xi bżonn partikolari għall-internet għax-xogħol tagħhom, u kieku stess, dan' l-aċċess huwa pprovdut fil-librerija ta’ l-Awotorita`. Għalhekk aktar kontrolli u aspetti amministrattivi oħra msemmijin fil-mistoqsija jservu biss biex iżidu piż amministrativ fuq l-istess Awtorita`.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6984 u cioe' jista' jgħid jekk fis-snin 1999, 2000, 2001, 2002, 2003 u din is-sena sal-lum kienx hemm rappurtat li xi tfal/studenti li jattendu l-iskejjel ta' l-istat inqabdu b'xi drogi u armi tan-nar, meta u f'liema skola, x'passi ttieħdu u kemm kellhom eta' it-tfal f'kull każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li mill-istatistika li iżżomm it-Taqsima kontra l-Abbuż ta' l-Edukazzjoni (imwaqqfa fl-2001) ġew rapportati 40 każ ta' abbuż ta' droga (6 Skejjel tal-Knisja, 7 Post-Sekondarji, 27 Skejjel ta' l-Istat). L-eta' tvarja minn 14 sa 18 il-sena. Minn dawn 26 każ ġew riferuti lill-Skwadra tad-Drogi tal-Puluzija u 14 lis-Sedqa.
Kien hemm każ wieħed fejn student ta' 14 il-sena kellu Air Pistol. L-arma ġiet konfiskata.
Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li xebba omm - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li għandha applikazzjoni quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali, tieħu post tal-gvern?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.