Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm weħlu ċitazzjonijiet ta' sewqan eċċessiv minn meta ġie introdott l-ispeed limit fuq il-bridge ta' Regional Road?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ngħataw 309 il-ċitazzjoni mill-Pulizija dwar sewqan b'veloċita aktar minn dik permessa fuq il-pont ta' Regional Road minn meta din ir-restrizzjoni ġiet fis-seħħ.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi jista' jieħu d-dipartiment tas-saħħa f'sitwazzjoni fejn is-saħħa pubblika qed tiġi perikolata minħabba ħmieġ u ġrieden fi Triq John Borg, Imsida u l-kunsill lokali ta' l-Imsida ma ħa l-ebda passi wara li din is-sitwazzjoni ġiet rapportata għal diversi drabi? Din it-triq qatt ma ġiet imnaddfa fl-aħħar sena.
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li waqt spezzjoni li saret minn uffiċjali tad-Dipartiment għas-Saħħa Pubblika, f'10 ta' Novembru 2004, fit-triq indikata ma ġie nnotat l-ebda ġmieħ ta' skart jew x'akkumulu ta' materjal maħmuġ ieħor li jista' jagħti fastidju jew ikun ta' ħsara għas-saħħa pubblika jew jagħti lok fejn ibejtu jew jinġemgħu ġrieden jew insetti.
Minkejja dan, ħaddiema mis-Sezzjoni tal-Pest Control għamlu trattament intensiv ta' tqegħid ta' velenu fi Triq John Borġ, Imsida fit-12 ta' Novembru 2004.
Il-problema ser tibqa' tiġi segwita regolament sakemm l-infestazzjoni tal-ġrieden tiġi kkontrollata.
Jista' il-Ministru jgħid liema ħwienet u negozji huma ntitolati li jitħallsu bl-ismart card ta' l-istudenti? Liema huma s-servizzi u l-prodotti li jistgħu jinxtraw bl-ismart card? Għaliex qed ikun hemm dewmien biex il-pagamenti li saru bl-ismart card jiġu effettwati lis-sidien tal-ħwienet? Kemm hemm negozji li huma ntitolati li jitħallsu bl-ismart card?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iSmart Card ta' l-istudenti tista' tintuża fi ħwienet li applikaw u kienu aċċettati fis-sistema u li jbiegħu kotba, materjal edukattiv u servizzi anċillari, ħwienet tal-kompjuters, organizazzjonijiet li jipprovdu s-servizz ta' l-Internet. Hemm ukoll ħwienet li jbiegħu materjal sportiv u oħrajn li joffru prodotti jew servizzi meħtieġa għal korsijiet partikolari, bħala huma dak tal-Hairdressing u Beauty Therapy.
Informat ukoll li m'hemmx lista definita' ta' prodotti u servizzi li jistgħu jinxtraw minn żmien għal żmien skond il-ħtiġijiet ta' l-istudenti konfermati mill-awtoritajiet edukattivi. Iżda kulmin hu fis-sistema jaf x'inhuma dawk l-affarijiet u servizzi li ma jistax jaċċetta għalihom ħlas bil-Card.
Bħala regola, l-ħlas lis-sidien tal-ħwienet isir kull 3 ġimgħat. Ġieli kien hemm każi fejn kien hemm xi dewmien għal diversi raġunijiet, fosthom xi numru tal-kont bankarju fejn ikunu depożitati l-flus li jkun żbaljat.
Ninsab infomat li bħalissa hemm 256 negozju li jaċċettaw ħlas b'li Smart Card u dawn jiżdiedu regolarment.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex qed isiru diversi spezzjonijiet fil-fond okkupat minn inkwilini rikonoxxuti? Huwa minnu li hemm ħsieb li dawn l-inkwilini jinħarġu mill-imsemmi fond u jingħataw post alternattiv biex imbagħad dan il-fond jiġi trasformat f'uffiċċju amministrattiv? Dettalji qed jintbagħtu separatament.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi huwa minnu li hemm il-ħsieb li l-familja li għandha il-kirja tal-fond imsemmi jiġu provduti fond alternattiv, peress li l-fond ser jiġi trasformat bħala uffiċċju amministrattiv għall-Ministeru Familja u Solidarjeta' Soċjali.
Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li żagħżugħa u bintha ta' erba' snin li għandhom 197 punt quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali, tiġi provduta b'post alternattiv? Dettalji qed jintbagħtu separatament.
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jikkunsidra l-applikazzjoni ndikata flimkien ma' oħrajn simili.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex il-fond li huwa okkupat minn żewġ anzjani - dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament - ġie valutat Lm46,500 biex jinxtara?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Waħda mill-kundizzjonijiet biex jingħata sussidju taħt l-iskema Sir Sid Darek hi li l-applikanti ma jridx ikollhom propjeta' oħra wara t-30 ta' Settembru 1998.
Ninsab infurmata li mir-riċerki li saru mill-Awtorita' tad-Djar irriżulta li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellanti kellha propjeta' oħra wara din id-data. Għalhekk din il-persuna ma kkwalifikatx għal sussidju fuq il-prezz.
Jista' il-Prim Ministru jindika kemm jitħallsu hu, il-Viċi Prim Ministru, il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari? X'allowances u benefiċċji għandhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Prim Ministru jitħallas salarju ta’ Lm16,789 kif ukoll expense allowance ta’ Lm2,500 fis-sena waqt li s-salarju u l-expense allowance ta’ Ministru huma ta’ Lm14,774 u Lm1,000 fis-sena u dawk ta’ Segretarju Parlamentari huma Lm14,103 u Lm1,000 fis-sena. Benefiċċji oħra huma l-użu ta’ karozza privata, servizz ta’ telefon u telefon ċellulari, magħrufa bħala benefiċċji supplimentari. Dan skond kriterji stabbiliti fil-15 ta’ Mejju 1992.
Normalment il-kariga ta’ Viċi Prim Ministru hi marbuta ma’ kariga ta’ Ministru. Għaldaqstant is-salarju u l-benefiċċji huma l-istess bħal ta’ Ministru.
Tista' il-Ministru tgħid kemm titħallas iċ-chairperson ta' l-awtorita' tad-djar, x'allowances u benefiċċji għandha? Tista' tgħid jekk il-linja tat-telefon fir-residenza tagħha - kera u sejħiet - hijiex imħallsa mill-awtorita' tad-djar? Għandha servizz ta' karozza bid-driver matul is-sena kollha? Tista' tgħid jekk għandhiex ukoll fuel allowance u jekk fl-affermattiv kemm? Tista' tgħid jekk għandhiex telefon ċellulari imħallas mill-awtorita' tad-djar u jekk il-kontijiet jitħallsux mill-istess awtorita' tad-djar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 17828 f'Seduta 344 fil-Leġislatura preċedenti.
Sigurta' soċjali — Persuni ntitolati għall-karta r-roża
Question
Tista' il-Ministru tgħid min jista' jibbenefika mill-karta r-roża? Tista' tikkonferma li min jibbenefika mill-karta r-roża jkollu sussidju fuq il-kont ta' l-ilma u tad-dawl? Kemm hu s-sussidju?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Dwar l-Ewwel Parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 8638 f'Seduta Numru 183.
Ninsab infurmata li t-Tweġiba għat-Tieni Parti tal-Mistoqsija hi fin-negattiv.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex l-applikazzjoni tal-persuna - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li applikat għal Skema Z ta' l-awtorita' tad-djar ġiet imwaqqfa milli tiġi pproċessata qabel ma l-perit ta' l-awtorita' għamel l-ispezzjoni tal-fond fuq imsemmi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-applikazzjoni li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant ma tistax tiġi proċessata peress li l-valur tal-propjeta', kif stmat mill-perit ta' l-Awtorita', jeċċedi dak stabbilit skond l-Iskema.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm tfal fl-iskejjel sekondarji tal-gvern li ilhom aktar minn sena ma jattendu l-iskola? Għaliex ma jattendux? X'passi jittieħdu f'każijiet bħal dawn? X'passi diġa' ittieħdu fil-każijiet preżenti?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Dipartiment ta' l-artijiet — Xiri ta' fond mill-gvern
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-fond jew binja - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - inxtarax mill-gvern? Jekk fl-affermattiv, b'kemm inxtara? Fiex tikkonsisti din il-binja? Mingħand min inxtrat u jekk huwa possibbli titpoġġa kopja tal-kuntratt fuq il-mejda tal-Kamra u jgħid meta sar il-kuntratt ta' xiri?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi skond l-arkivji tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern, il-fond li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant ma jidhirx li nxtara mill-Gvern.
Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Applikazzonijiet minn priġunieri
Question
Tista' il-Ministru tgħid fil-preżent kemm hemm residenti fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin li għandhom applikazzjoni quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali? X'kordinament hemm bejn il-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin u d-dipartiment? Fejn se jiġi akkomodat wieħed mir-residenti - id-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - li se jiġi rilaxxat mill-faċilita' f'Jannar li ġej?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu 7 applikazzjonijiet minn residenti fil-Facilita' Korrettiva ta' Kordin. Ninsab infurmata wkoll li Social Workers li jaħdmu ma dawn ir-residenti jinfurmaw lid-Dipartiment imsemmi viċin id-data li tkun mistennija tiġi skontata s-sentenza.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 6333 f'Seduta numru 148, dwar l-istess persuna.
Tista' il-Ministru tgħid jekk l-awtorita' tad-djar applikatx għal xi forma ta' fondi u/jew għajnuna mill-Unjoni Ewropea? Jekk fil-pożittiv, liema huma u jekk fin-negattiv, għandhiex ħsieb li fil-futur tapplika għal xi fondi jew għajnuna?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar applikat u bbenefikat mill-Programm Leonardo li permezz tiegħu, din is-sena, ħaddiema ta' l-Awtorita' ħadu taħriġ u esperjenza dwar is-servizz tal-Care and Repair fl-Ingilterra.
Ninsab infurmata wkoll li l-Awtorita' ser tapplika għal fondi, biex tikkordina proġett ma' entitajiet oħra, taħt il-Programm EQUAL.
Tista' il-Ministru tara li jiġi rranġat l-iżball min-naħa tad-dipartiment tas-servizzi soċjali li ħareġ pensjoni inqas milli suppost lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Tista' il-Ministru tara li l-anzjana - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - tibbenefika mill-inizjattiva ta' l-awtorita' tad-djar care & repair?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li minkejja li ma jirriżultax li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant għamlet talba biex tibbenefika mill-inizjattiva tal-Care and Repair, l-Awtorita' tad-Djar ser tivverifika jekk din il-persuna tistax tibbenefika minn din l-inizjattiva.
Tista' il-Ministru tgħid meta se jibda x-xogħol fuq ir-residenza - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - liema xogħol ġie approvat u ftit tax-xhur ilu kien intqal li kellu jibda malajr?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li x-xogħol li għamel referenza għalih l-Onor. Interpellant tlesta mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar.
Uffiċċju Konġunt — Applikazzjoni għall-xiri ta' fond
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex twaqqfet l-applikazzjoni ta' xiri ta' fond ta' l-uffiċċju konġunt ta' persuna - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li hija inkwilina ta' dan il-fond?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Konġunt qiegħed jivverifika d-dokumenti mibgħuta mill-applikanta biex tiġi rikonoxxuta fil-kirja wara l-mewt tal-kerrej tal-fond in kwistjoni, biex b'hekk jiġi determinat jekk hija tikkwalifikax għax-xiri ta' din il-proprjeta'.