Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tax Compliance Unit

Question

Jista’ il-Prim Ministru jgħid x’possibbilta’ hemm li wieħed jaħdem fit-tax compliance unit u xi kwalifiki jrid ikollu? Kemm hemm impjegati f’dan il-unit?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lil Onorevoli interpellant li l-istaff tat-Tax Compliance Unit ġie ngaġġat wara sejħa pubblika maħruġa bl-approvazzjoni tal-Public Service Commission. Dan sar skond l-esiġenzi tas-servizz. L-operations staff tat-TCU iridu jkunu gradwati b’honours degree fl-accountancy jew ikollhom kwalifika professjonali ekwivalenti, u jrid ikollhom il-Warrant ta’ CPA. L-istaff amministrattiv huwa kollu reklutat mill-General Service tal-Gvern. F’dan il-Unit hemm b’kollox 32 impjegat, li jinkludi il-Kap tat-TCU, 27 Accountant, u 4 staff amministrattivi.

Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali — Każ ta' Żgumbrament

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'passi se jieħu d-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali biex jipprovdi post alternattiv lill-inkwilini ta' post privat fil-Ħamrun - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - li qed jistennew sentenza ta' żgumbrament

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali ma ġie nfurmat b'ebda żvilupp dwar il-każ sussegwentament għall-preżentazzjoni ta' kopja ta' ittra, li ġġib id-data tas-17 ta' Marzu 2003, mill-avukat tas-sid lill-inkwilin fejn dan ta' l-aħħar ġie mgħarraf li jekk ma jirritornax ċ-ċwievet tal-post kienu ser jittieħdu passi legali kontrih.

Għajnuna Soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - twaqfulu l-benefiċċji soċjali kollha li qiegħed joħloqlu tbatija żejda lilu u lill-familja tiegħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li ma jirriżultax li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant twaqfulha xi benefiċċji soċjali li kienet qed tieħu. Ninsab infurmata wkoll li din il-persuna ġiet infurmata bil-miktub f'dan is-sens mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Uffiċċju Konġunt — Fidi ta' Ċens

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fejn waslet it-talba ta' persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - quddiem l-uffiċċju konġunt biex jifdi ċ-ċens?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Konġunt ma rċieva ebda talba mill-persuna msemmija sabiex jifdi ċ-ċens, imma biss biex jiġi rikonoxxut bħala ċenswalista. Din l-aħħar talba tiġi kkunsidrata hekk kif id-dokumenti jaslu fl-Uffiċċju Konġunt mingħand l-Awtoritajiet Ekklesjastiċi.

Servizzi Soċjali — Karta s-Safra

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - ġiet imċaħħda milli tibbenefika mill-karta s-safra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid fejn waslet it-talba quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali ta' persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li ħafna drabi kellha ssib refuġju f'dar Merħba Bik?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata li l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m'oħrajn simili.

Fgura — Triq Merħba

Question

Jista’ il-Ministru jgħid meta Triq Merħba, fil-Fgura mistennija tiġi asfaltata u meta se ssir il-bankina?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li t-tender għat-triq imsemmija nħareġ aktar kmieni din is-sena u bħalissa qed jiġi aġġudikat.

Awtorita' tad-Djar — Ħaż-Żabbar

Question

B'riferenza għat-talba tal-persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - tista' il-Ministru tgħid jekk is-sit indikat f'Ħaż-Żabbar huwiex ta' l-awtorita' tad-djar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar ma tistax tikkonferma jekk is-sit hux tagħha jew le jekk ma jkolliex pjanta li tindika eżatt għal liema sit f'Haż-Żabbar qed jirreferi l-Onor. Interpellant.

Ħaż-Żabbar — Proprjeta'

Question

B'riferenza għall-ittra li qed tintbagħat separatament jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk is-sit f'Ħaż-Żabbar huwiex proprjeta' tad-dipartiment ta' l-artijiet jew ta' l-awtorita' tad-djar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li skond l-arkivji tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern l-art li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hija tal-Gvern.

Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali — Belt

Question

Tista' il-Ministru tgħid fejn waslet it-talba quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali ta' anzjan mill-Belt - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li qed iħallas Lm18 kera fix-xahar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-applikazzjoni tal-persuna li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant qed tiġi kkunsidrata mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali flimkien ma oħrajn simili.

Bormla — Bus Shelters

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li l-bus shelter eżistenti viċin l-iskola Erin Serracino Inglott, Bormla u l-bus shelter tan-naħa ta' Windmill Street, Bormla, humiex ser jitneħħew u jitpoġġa wieħed quddiem l-entratura tal- housing estate ta' Fuq Verdala, quddiem it-taraġ?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmt illi l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta m'għandha l-ebda ħsieb illi iċċaqlaq jew tneħħi ż-żewġ bus shelters imsemmija f'din il-Mistoqsija Parlamentari.

Awtorita' tad-Djar — Care and Repair

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'passi se tieħu l-awtorita' tad-djar biex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament tibbenefika mis-servizz care and repair?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li mir-rekords ta' l-Awtorita' tad-Djar ma jirriżultax li l-persuna li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant tgħix fl-indirizz indikat.

Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid fejn waslet it-talba quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali biex inkwilina ta' post tal-gvern mill-Isla (H18898) tbiddel ma' post ieħor tal-gvern mis-Siġġiewi (H18778)

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li fil-futur qarib id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali ser jibgħat għall-inkwilini li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant biex jiffirmaw il-kuntratt dwar il-bdil.

MEPA — Permess għal Żvilupp

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'tama hemm li s-sit li jinsab bejn ix-Xgħajra u Ħaż-Żabbar u kif indikat fuq il-pjanta li qed tintbagħat separatament jinħariġlu permess għal żvilupp?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li s-sit indikata fuq is-site plan tinsab barra l-limiti ta’ l-iżvilupp (ODZ – Outside Development Zone). Fuq is-sit kif indikata, ma’ jidhirx li hemm applikazzjonijiet pendenti.

Dipartiment tas-Sanita'

Question

Jista' il-Ministru jieħu passi biex id-dipartiment tas-sanita' jidentifika l-problema ta' ilma li dieħel f'residenza privata ta' mara anzjana - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li l-ilment dwar problema ta' ilma ġo l-fond indikat ta' mara anzjana, qatt ma wasal fl-uffiċċju tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika. Għaldaqstant ninforma li l-investigazzjonijiet se jibdew mill-aktar fis possibbli u risposta tingħata fi żmien opportun.

Dipartiment ta' l-Artijiet — Birg/Bormla

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk iż-żewġ postijiet indikati separatament, wieħed fil-Birgu u l-ieħor f'Bormla, inxtrawx jew ġewx mitluba biex jixtruhom mid-dipartiment ta' l-artijiet? Huma milquta mil-liġi possession and use? Jistgħu jixtruhom l-inkwilini rikonoxxuti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li skond l-arkivji tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern il-postijiet indikati mill-Onorevoli Interpellant huma t-tnejn esproprjati mill-Gvern taħt titlu ta' "possession and use" u għalhekk ma jistgħux jinxtraw mill-inkwilini tagħhom għalissa. It-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ma rċeviet l-ebda talba sabiex dawn il-postijiet jinxtraw.

Pulizija — Persuna ta' nazzjonalita' barranija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jinħareġ il-permess lill-persuna mis-Sirja - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - biex joqgħod hawn Malta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 8851 għadha tgħodd. Infurmat ukoll illi hekk kif il-proċessar ikun komplut, il-persuna ikkonċernata tkun infurmata.