Tista' il-Ministru tgħid fejn waslet it-talba ta' mara separata bi tlett itfal li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, biex tieħu post alternattiv?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata li l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m'oħrajn simili.
Tista' il-Ministru tgħid x'possibbilta' hemm li anzjana armla li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tingħata post alternattiv fil-pjan terran?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata li l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m'oħrajn simili.
Jista' il-Ministru jgħid x'irid jagħmel il-pubbliku biex jirrapporta bini perikoluż li qed jikkaġuna periklu lil terzi? Min hu ntitolat għal dan is-servizz? Min huma l-periti nvoluti li joffru dan is-servizz? Xi proċedura jieħu d-dipartiment tal-bini (Building and Engineering)?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex jirraporta bini perikoluż, il-pubbliku jrid jinforma lill-Pulizija fl-għassa tal-lokal. F'każi fejn dan il-bini jirrappreżenta periklu għall-pubbliku nġenerali, il-Pulizija tagħmel talba lit-Taqsima tax-Xogħlijiet biex jintbagħat Perit mill-istess Taqsima sabiex jagħmel rapport dwar il-każ. Dan isir ukoll f'dawk il-każi fejn inkwilini ta' bini li jkunu fi stat perikoluż ikunu ntitolati għall-għajnuna soċjali. F'kull każ ieħor, terzi persuni jridu jipproċedu kontra s-sid tal-bini li jkun qiegħed jikkaġuna l-periklu billi jqabbdu Perit privat biex jagħmlilhom rapport u ntimazzjoni biex jitneħħa l-periklu.
Fejn jidħlu l-każi li jikkonċernaw il-pubbliku nġenerali u dawk li huma ntitolati għall-għajnuna soċjali, id-Dipartiment tal-Bini u Inġinerija huwa d-Dipartiment responsabbli mit-tħaddim ta' l-iskema ta' dangerous structures fir-rigward ta' formulazzjoni ta' rapporti tekniċi. Teżisti skeda fost il-Periti kollha tat-Taqsima tax-Xogħlijiet li titħaddem fuq bażi ta' roster ta' kull sitt xhur.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 10965, issa li l-pjanta mitluba qed tintbagħat separatament, jista' il-Ministru jagħtina t-tweġiba?
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il meter tad-dawl u l-ilma kellhom is-servizz maqtugħ mill-Enemalta u mill-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma minħabba li ma tħallsux il-kontijiet tad-dawl u l-ilma fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004? Jista' jgħid xahar b'xahar kemm kienu din is-sena u f'liema lokalitajiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Tista' il-Ministru tgħid xi proġetti, inizjattivi jew skemi għandu l-ministeru tagħha biex jirriġenera l-Kottonera fl-2005?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-proġetti ta' urban renewal li hemm għaddejjin jew indikati għal matul din is-sena fil-Kottonera jikkonċernaw:
il-bini ta' 6 appartamenti fi Triq Serracino Inglott, f'Bormla
it-tieni fażi tal-proġett li jinkludi l-bini ta' 50 appartament fi Triq San Ġwann, f'Bormla
il-ħrug ta' sejħa għall-offerti għall-bini ta' 3 appartamenti fi Triq il-Ponta, l-Isla.
Barra minn hekk, l-Awtorita' tad-Djar għandha l-inizjattiva tal-Care and Repair u skemi ta' għajnuna biex inkwilini jew sidien jibbenefikaw minn għotjiet biex jirrendu r-residenza tagħhom aktar abitabbli.
Tista' il-Ministru tgħid xi proġetti, inizjattivi jew skemi għandu l-ministeru tagħha biex jirriġenera l-Belt Valletta fl-2005?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li fil-ġimgħat li ġejjin ser jibda x-xogħol fuq twaqqiegħ u kostruzzjoni mill-ġdid ta' bini fi Triq Merkanti, l-Belt, liema proġett se jservi bħala sheltered housing simili għal dak li għadu kemm tlesta l-Furjana. Qed isir ukoll xogħol fuq proġett ieħor fi Triq l-Ifran. Ninsab infurmata wkoll li għaddejjin diskussjonijiet ma l-Uffiċċju Konġunt biex xi bini perikoluż li għandu dan l-Uffiċċju fil-Belt jitwaqqa' jew jiġi rranġat biex jintuża għal skop residenzjali.
Barra minn hekk, l-Awtorita' tad-Djar għandha l-inizjattiva tal-Care and Repairu skemi ta' għajnuna biex inkwilini jew sidien jibbenefikaw minn għotjiet biex jirrendu r-residenza tagħhom aktar abitabbli.
Tista' il-Ministru tgħid xi proġetti, inizjattivi jew skemi għandu l-ministeru tagħha biex jirriġenera l-qalba ta' l-irħula Maltin u Għawdxin fis-sena 2005?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Apparti l-proġetti ta' urban regeneration li għaddejjin fil-Belt, il-Furjana u l-Imsida, l-Awtorita' tad-Djar għandha skemi ta' għajnuna biex inkwilini jew sidien jibbenefikaw minn għotjiet biex jirrendu r-residenza tagħhom aktar abitabbli. L-inizjattiva tal-Care and Repair hi wkoll intiża għal dan l-iskop.
Dawn l-iskemi u inizjattivi jgħinu biex jirriġeneraw bini fil-qalba ta' l-irħula ta' Malta u Għawdex.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li qed tieħu l-benefiċċji ta' l-għajnuna supplimentari mhijiex intitolata għall-benefiċċji oħra?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Tista' il-Ministru tgħid fejn waslet it-talba li għandu resident - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - quddiem id-dipartiment tal-manutenzjoni ta' postijiet tal-gvern?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li x-xogħol li għamel referenza għalih l-Onor. Interpellant ġie approvat u mistenni li jsir fil-futur qarib.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew approvati permessi min-naħa tal-MEPA biex jinbnew blokok ta' għoli ta' aktar minn għaxar sulari f'pajjiżna, sena b'sena mill-2000 sa l-2005? F'liema lokalita'?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) approvat tliet applikazzjonijiet għal bini għoli aktar minn għaxar sulari. Dawn huma f’San Pawl il-Baħar, f’Raħal il-Ġdid, u f’Marsalforn, Għawdex.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew rapportati każi lill-pulizija li fihom kienu involuti direttament u indirettament barranin mis-sena 2000 sa l-2005? Minn liema pajjiżi kienu ġejjin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ persuni ta’ nazzjonalita’ barranija li għamlu rapporti lill-Pulizija dwar xi tip ta’ reat f’dawn l-aħħar sitt snin huwa kif muri hawn taħt:
Sena
2000
2001
2002
2003
2004
2005*
Numru ta’ Persuni
2,630
2,216
2,452
2,393
2,917
394
*sal-31 ta’ Marzu.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux permess li persuna jkollha airgun bla liċenzja?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi airgun taqa' taħt it-tifsira ta' "armi tan-nar" skond l-Ordinanza dwar l-Armi u għaldaqstant mhux permess li tinżamm mingħajr liċenzja meħtieġa skond l-istess Ordinanza.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex iċ-ċenswalisti tal-fond - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - qed jiġu mċaħħda milli jixtru d-dirett dominju?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li wieħed miċ-ċenswalisti tal-fond in kwistjoni applika biex jifdi ċ-ċens, iżda peress illi irriżulta li l-fond ma kienx qiegħed jintuża għal skop residenzjali huwa ma kkwalifikax taħt l-iskema tal-fidi attwali tal-Uffiċċju Konġunt. Huwa kien infurmat b'dan u kien infurmat ukoll li d-Dipartiment kien lest joħroġ sejħa għall-offerti għall-bejgħ tad-dirett dominju temporanju.
Fis-7 ta' Diċembru 2004 l-avukat ta' l-istess applikant, informa lid-Dipartiment li l-klijent tiegħu aċċetta li toħroġ sejħa għall-offerti, iżda fl-14 ta' Marzu 2005 l-istess avukat kiteb għan-nom taċ-ċenswalisti kollha li huma rtiraw il-kunsens tagħhom biex toħroġ din is-sejħa.
Jista' il-Ministru jgħid xi kriterji tuża l-MEPA biex tapprova permessi għal tower blocks?
Fil-preżent kemm hemm applikazzjonijiet quddiem il-MEPA biex jinbnew tower blocks? Liema huma l-lokalitajiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tirreferi għal policy DC2000, Sezzjoni 1.7, li tirreferi għal Floor Area Ratio, fl-evalwazzjoni ta' applikazzjonijiet għal bini għoli. Sadanittant, il-MEPA qegħda tħejji document “Policy Framework for Tall Buildings” biex jingħata gwida aħjar għal applikazzjonijiet ta’ din ix-xorta.
Ninsab infurmat li fil-preżent hemm tlettax-il applikazzjoni pendenti għal dan it-tip ta' żvilupp quddiem il-MEPA:
Qawra: 4
Naxxar: 2
Gzira: 5
Mosta: 1
San Giljan: 1
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 9763, seduta 217, jista' il-Ministru jgħid jekk il-pjan sabiex jitnaqqas kull inkonvenjent lir-residenti minħabba l-attivitajiet li jsiru issa ġiex implimentat kollu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi saru partijiet sostanzjali minn dan il-pjan, fosthom tbiddel bieb u dan sar soundproof ukoll. Ġie ordnat ieħor u mistenni li jitwaħħal fix-xhur li ġejjien. Sal-31 ta' Mejju 2005 se titbiddel is-sistema ta' l-arja kondizjonata filwaqt li sa l-aħħar tas-sena kurrenti ser ikunu tbiddlu numru ta' aperturi li jagħtu għal fuq Triq Pozzi u dawn ser isiru soundproofed u bid-double glazing.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien id-dħul mill-VAT minn attivitajiet edukattivi mis-sena 2000 sa l-2005?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-attivitajiet edukattivi li jaqgħu fit-tifsira tal-Partita 12 tat-taqsima 2 tal-Ħames Skeda huma eżenti bla kreditu. Għaldaqstant ma tinġabarx VAT fuq dawn l-attivitajiet.
Tista' il-Ministru tgħid x'politika għandha l-awtorita' tad-djar għal first time buyers?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Awtorita' tad-Djar għandha dawn is-servizzi u skemi li jindirizzaw lil first time buyers:
appartamenti għall-bejgħ bi prezz issussidjat, maħruġa mill-Awtorita' taħt diversi avviżi;
sussidju fuq ir-rata ta' l-imgħax fuq self mogħti mill-banek (Skema Y);
għotja biex tgħin lis-sidien għall-bini, irranġar jew tkomplija ta' l-ewwel residenza tagħhom (Vat
Refund
);
għotja sa massimu ta' Lm3,500 fuq xogħlijiet ta' rranġar u titjib f'residenzi privati okkupati mis-sid (Skema Z).
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew rapportati inċidenti tat-traffiku li fihom weġġgħu tfal fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004 u 2005?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' persuni taħt is-sittax-il sena li weġgħu f'inċidenti tat-traffiku rrapurtati lill-Pulizija f'dawn l-aħħar sitt snin huwa kif muri hawn taħt:
Feriti
2000
2001
2002
2003
2004
2005*
Fatali
1
1
0
1
0
1
Gravi
21
26
26
14
22
5
Ħfief
89
86
111
70
71
19
Total
111
113
137
85
93
25
*sal-31.03.05