Jista' il-Ministru jgħid meta Sun and Moon Street, Fgura mistennija tiġi asfaltata u meta se ssir il-bankina?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jasal wasla sa Triq ix-Xemx u l-Qamar, Fgura u jara b'għajnejh triq oħra residenzjali cioe' Triq ix-Xemx u l-Qamar li tlestielha x-xogħol kollu ta' kostruzzjoni. L-Awtorita' dwar it-Trasport għamlet xogħol ta' twessieh tat-triq, mains ġodda tal-WSC u tad-drenaġġ, saru l-bankini kollha u t-triq ġiet mibnija mill-ġdid. Ix-xogħol tal-asfaltar tlesta wkoll xhur ilu.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol ta' irranġar tal-moll ta' l-Isla? Kemm se jiġi jiswa l-proġett?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Ministeru ħareġ l-‘Order to Start Works’ li hija effettiva minn nhar il-Erbgħa 25 ta’ Mejju. Ix-xogħol huwa stmat li jiswa' Lm 40,317.25
Tista' il-Ministru tgħid kemm saru kuntratti ta' xiri ta' proprjeta' tal-gvern li jgħixu inkwilini rikonoxxuti mill-awtorita' tad-djar?
Kemm kienu involuti postijiet sena b'sena fl-2000, 2001, 2002, 2003, 2004 u 2005? Kemm kien it-total tal-prezzijiet tal-proprjeta' fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004 u 2005 ta' dawn il-postijiet li jgħixu inkwilini tal-gvern?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Awtorita' tad-djar — Applikazzjonijiet quddiem il-MEPA
Question
Tista' il-Ministru tgħid fil-preżent kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem il-MEPA mill-awtorita' tad-djar? Meta jinħarġu l-permessi, kemm se jkun hemm units ġodda? Kemm huma b'kamra tas-sodda waħda, bi tnejn, bi tlieta u b'erbgħa u f'liema lokalita?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' il-Ministru tgħid jekk fi blokk tal-gvern li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, hux mistenni li jiġi stallat lift peress li hemmhekk jgħixu anzjani u persuni b'diżabilita'?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar ma rċeviet ebda talba għal stallar ta' lift fil-blokk indikat mill-Onor. Interpellant.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 10965, issa li l-pjanta mitluba qed tintbagħat separatament, jista' il-Ministru jagħtina t-tweġiba?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn informazzjoni li għandu id-Direttorat ma jirriżultax li fil-preżent hemm pjan biex issir triq fis-sit muri
Tista' il-Ministru tgħid x'alternattiva jista' joffri d-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali lill-koppja anzjana b'diżabilita' li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Tista' l-awtorita' tad-djar tipproponi li jsir stair lift? X'passi se jieħdu d-dipartiment u l-awtorita' f'dan il-kuntest?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar ma rċeviet ebda talba għal stallar ta' stair lift mill-persuni ndikati mill-Onor. Interpellant.
Tista' il-Ministru tgħid meta se ssir spezzjoni fil-fond indikat lill-familja ta' ħames persuni li qed jgħixu f'kamra tas-sodda waħda u li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-ispezzjoni li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant ilha li saret minn Novembru 2000.
Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi asfaltata Triq il-Mulett, Xgħajra?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Triq il-Mulett, Xgħajra tagħmel parti mill-lista ta’ toroq li se jsiru mill-ADT u se ssir skond il-prijoritajiet li joħorġu minn dan il-programm.
Jista' il-Ministru jgħid meta Triq il-Konvoj ta' Santa Marija, Triq il-Ħbit mill-Ajru u Triq Antonio Falzon, fil-Kalkara se jiġu rranġati u asfaltati?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija u Triq Antonio Falzon jagħmlu parti mil-lista ta’ toroq li se jsiru mill-ADT. Ix-xogħol f’dawn it-toroq isir skond il-prijoritajiet li joħorġu minn dan il-program.
Rigward Triq il-Ħbit mill-Ajru ser issir spezzjoni mill-periti tad-Direttorat.
Tista' il-Ministru tgħid meta l-housing inspector tad-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali se jagħmel spezzjoni fil-fond li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-ispezzjoni li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant saret f'Novembru 2003.
Tista' il-Ministru tara li l-anzjan mill-Isla, li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jibbenefika mill-iskema tal-care and repair?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar ma rċeviet ebda talba dwar l-inizjattiva tal-Care and Repair mill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.
B'dankollu l-Awtorita' ħadet nota ta' din il-persuna u mistennija tagħmel spezzjoni biex tara jekk il-persuna tistax tibbenefika minn din l-inizjattiva.
Tista' il-Ministru tgħid fejn waslet it-talba tal-persuna li l-ID card number tagħha qed jintbagħat separatament, u li qed tistenna post alternattiv mid-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali m'għandu ebda applikazzjoni minn persuna li għandha n-numru ta' l-identita' indikat mill-Onor. Interpellant.
Tista' il-Ministru tgħid fejn waslet it-talba ta' l-applikanti li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, quddiem l-awtorita' tad-djar biex jixtru l-fond tagħhom? Meta mistenni jsir il-kuntratt preliminari?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant waslet għand l-Awtorita' tad-Djar fit-12 ta' Jannar 2005. Fit-2 ta' Marzu 2005 saret spezzjoni fuq il-post u issa qed isiru il-pjanti, li mistennija jkunu lesti sa' l-20 ta' dan ix-xahar.
Dawn il-pjanti jiġu riferuti lid-Dipartiment ta' l-Artijiet li jrid jikkonferma jew le jekk il-post jistax jinbiegħ lill-applikant. Il-prezz tal-bejgħ jinħadem wara li jkun hemm din il-konferma.