Tista' il-Ministru tgħid fejn waslet it-talba quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjozni soċjali ta' żagħżugħ li jgħix mas-sieħba tiegħu u li għandhom żewġt itfal u li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m'oħrajn simili.
Tista' il-Ministru tgħid x'funzjoni għandu l-uffiċċju ta' riċerka ta' l-awtorita' tad-djar? Min hu nvolut f'dan l-uffiċċju? Minn min jitmexxa? Tista' ġentilment tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra s-CV ta' kull wieħed u waħda minn dawn il-persuni li jaħdmu f'dan l-uffiċċju ta' riċerka? Meta daħlu ma' l-awtorita' tad-djar u jekk humiex full-timers jew part-timers?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-taqsima tar-riċerka fi ħdan l-Awtorita’ tad-Djar hi responsabbli għal xogħol ta’ riċerka, li tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar l-introduzzjoni ta’ policies ġodda u għal komunikazzjoni/public relations.
Iż-żewġ persuni responsabbli għal din it-taqsima huma Ms Audrey Ellul u Ms Karin Grech li bdew jaħdmu ma’ l-Awtorita’ fl-2003 u 2004 rispettivament. It-tnejn huma mpjegati full-time għalkemm ta’ l-aħħar taħdem fuq reduced hours.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-CVs ta’ dawn l-impjegati.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 14808, jista' il-Ministru jgħid meta saret l-applikazzjoni biex jinħareġ il-permess tat-trinka meħtieġa meta s-sidien tal-garage ilhom jistennew aktar minn tliet snin biex jitneħħa dan l-arblu?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li t-talba biex isir ix-xogħol imsemmi fil-mistoqsija, saret madwar sentejn ilu ; l-proċess biex jinbeda x-xogħol beda riċentement skond il-priorita li ngħata. Il-kuntrattur tat-trinek qiegħed jipproċessa l-permess u kif jinħareġ ikun jista' jibda x-xogħol.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 14852, jista' il-Ministru jispjega x'irid ifisser bil-kliem "fuq bażi umanitarja", meta ħafna residenti qed iħossuhom minsija minħabba li jridu jimxu mhux ħażin biex jagħmlu użu mit-trasport pubbliku? Fejn qed jiġi propost li jsir il-bus shelter? Huwa possibbli li titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra l-pjanta proposta?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita' dwar it-Trasport qed tfassal pjanti ġodda sabiex il-bus shelter tiġi mqegħda b'mod li jkun hemm titjib fis-sigurta u l-immaniġjar tat-traffiku. Ir-residenti mhux talli mhux minsija imma l-pjanijiet jieħdu in konsiderazzjoni l-aspetti kollha effetwati mix-xogħlijiet proposti.
Hekk kif il-pjanti ikunu lesti, dawn ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' il-Ministru tgħid x'inhi l-politika ta' l-awtorita' tad-djar fir-rigward ta' shared ownership?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Awtorita’ tad-Djar hi favur u tippromwovi l-politika ta’ shared ownership kif tixhed l-inizjattiva li qed twettaq f’dan il-qasam. Permezz ta’ din l-inizjattiva, dawk li m’humiex f’pożizzjoni finanzjarja li jħallsu s-sehem kollu ta’ l-appartament li jokkupaw, jingħataw l-opportunita’ li jħallsu biss parti minn dan is-sehem, bil-possibilita’ li, meta l-familja tkun f’pożizzjoni finanzjarja aħjar, tixtri porzjon ieħor. Dan ifisser li l-benefiċjarji minn din l-inizjattiva jkunu qed jinvestu fil-proprjeta’ tagħhom bil-pass li jkunu jifilħu għalih u mhux iħallsu ammont ta’ flus f’kirjiet li ma jirrendilhom ebda nvestiment.
Permezz tat-tmexxija ta’ din il-politika, qed tingħata l-opportunita’ lill-familji bi dħul baxx biex huma wkoll isiru sidien ta’ darhom.
Tista' il-Ministru tgħid jekk fil-binja ta' Ħal Qormi li kienet inbniet għal skop ta' shared ownership tqassmux il-units? B'liema metodu tqassmu? Kemm ibbenefikaw applikanti tad-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-appartamenti f’Ħal-Qormi qed jiġu allokati skond il-punti ta’ l-applikanti fuq il-lista tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Ninsab infurmata wkoll li s’issa tqassmu sitta minn dawn l-appartamenti.
Tista' il-Ministru tgħid kemm applikaw għal kull skema ta' l-awtorita' tad-djar fis-snin 2004/2005? Kemm ibbenefikaw? Kemm kien l-ammont ta' sussidju f'kull skema?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' il-Ministru tgħid kemm applikaw għall-iskema tax-xiri ta' proprjeta' tal-gvern inkwilini fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004 u 2005? Kemm kien il-valur tal-prezz kummerċjali ta' kull unit u kemm kien il-valur tal-prezz sussidjat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Awtorita' tad-djar — Skema ta' sussidju fuq il-kera
Question
Tista' il-Ministru tgħid kemm applikaw għall-iskema ta' sussidju fuq il-kera (Skema R) fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004, 2005 ta' l-awtorita' tad-djar? Kemm ibbenefikaw? Kemm hi r-rata ta' sussidju? Fejn jinsabu l-lokalitajiet? Minn liema gruppi huma l-applikanti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' il-Ministru tgħid x'inhi l-politika tal-gvern għal postijiet battala? X'qed tagħmel l-awtorita' tad-djar f'dan ir-rigward? L-awtorita' tad-djar għandha skema jew ħsieb li tagħmel unit/aġenzija dwar xiri ta' proprjeta' vojta? Jekk iva, kemm hu l-budget f'dan ir-rigward? Għal liema tip u lokalita' mistennija, jew diġa' qed tippjana l-awtorita' tad-djar? Min hu intitolat, jew min mistennni jkun intitolat, biex japplika biex ibigħ il-proprjeta'?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Awtorita’ tad-Djar qed tipproponi li fl-estimi għas-sena finanzjarja 2005/2006 talloka 3 miljun liri biex tixtri proprjeta’ vojta, preferibilment fil-qalba ta’ l-irħula.
Ninsab infurmata li l-Awtorita’ għadha qed taħdem fuq id-dettalji dwar din il-proposta.
Tista' il-Ministru tgħid jekk l-awtorita' tad-djar għandhiex skema biex hi stess tikri mis-settur privat? Meta twaqqfet din l-iskema? Kemm applikaw biex jikru units lill-awtorita' tad-djar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Permezz ta' avviż ippublikat fil-ġurnali lokali f'Marzu ta' din is-sena, l-Awtorita tad-Djar għamlet sejħa għall-kiri ta' appartamenti vojta għal perijodu ta' bejn ħames u għaxar snin.
Ninsab infurmata li s'issa l-Awtorita' rċeviet 3 offerti li qed jiġu proċessati.
Tista' il-Ministru tgħid kemm applikaw quddiem l-awtorita' tad-djar biex jibbenefikaw mill-iskema ta' l-istallar tal-lifts fil-binjiet tal-privat fis-sena 2004/2005? Kemm kienet in-nefqa? Kemm ġie jiswa kull lift? Kemm tat għajnuna l-awtorita' fi flus għal kull lift?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita’ tad-Djar ma għandha ebda skema li tipprovdi għajnuna għal stallar ta’ lifts f’binjiet tal-privat.
Tista' il-Ministru tgħid fejn wasal il-proġett ta' sheltered housing tal-Furjana u tal-Belt Valletta? F'liema stadju jinsab illum? Kemm ġie jiswa kull proġett?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-proġett ta’ Sheltered Housing fil-Furjana tlesta u l-units ġew allokati b’kera. Ninsab infurmata li l-proġett, inkluż l-akkwist ta’ l-art tal-bini li flokhom inbena l-proġett il-ġdid, ġie jiswa Lm148,000.
Ninsab infurmata wkoll li l-proġett simili fi Triq Merkanti, l-Belt, inbeda f’Awissu 2005. In-nefqa fuq dan il-proġett mistennija li tilħaq Lm238,000.
Tista' il-Ministru tgħid x'miżuri introduċiet l-awtorita' tad-djar fis-sena 2004/2005 għall-bini ta' appartamenti ġodda li permezz tagħhom jonqos il-konsum ta' l-elettriku? F'liema lokalita'? Kemm hi n-nefqa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Madwar sena u nofs ilu, l-Awtorita’ tad-Djar wettqet proġett pilota b’energy saving features f’Tal-Ftieh, B’Kara, li kien jikkonsisti f’10 appartamenti u 13-il garaxx bi spiża ta’ madwar Lm22,500 fuq dawn il-features. Dawn kienu jikkonsistu f’aperturi b’double glazing, persjani, insulation fis-soqfa u l-ħitan, solar water heaters, sun pipes u photovoltaic panels.
Kull proġett ġdid li nbeda minn din is-sena mistenni li jkollu numru ta’ energy saving features li jinkludu aperturi b’double glazing, persjani, bjar, insulation fis-soqfa u l-attrezzi neċessarji biex ikunu jistgħu jiġu stallati solar water heaters.
Ninsab infurmata li l-Awtorita’ qed tistalla 80 solar water heater fl-appartamenti l-ġodda fi Triq Pietru Darmanin, Pembroke, bi spiża ta’ Lm25,600.
Tista' il-Ministru tgħid x'inhu l-programm ta' l-istallar ta' lifts fi blokki eżistenti tal-gvern? Kemm ġew stallati lifts? F'liema lokalita'? Kemm ġie jiswa kull lift?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm impjegati fl-awtorita' tad-djar? Min huma? Xi grad għandhom? Meta daħlu ma' l-awtorita' tad-djar? Fuq liema bażi jaħdmu, full-time jew part-time?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' il-Ministru tgħid fejn waslu t-taħditiet biex id-dipartiment tal-housing u l-awtorita' tad-djar jiġu amalgamati? Min qed jieħu sehem f'dawn it-taħditiet?
Meta bdew dawn it-taħditiet? Il-Ministru hija informata bil-mod kif inhuma sejrin dawn it-taħditiet u diskussjonijiet rigward din l-amalgamazzjoni?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 13552 f’Seduta Numru 293.
F’dan l-istadju ma għandi xejn xi nżid ma dik it-Tweġiba.
Tista' il-Ministru tgħid kemm-il unit bniet l-awtorita' tad-djar din is-sena li tqassmu bil-kiri? F'liema lokalitajiet? Kemm hu l-prezz tal-kri ta' kull unit?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Inżid ngħid li l-kera kummerċjali ndikata tkun sussidjata skond id-dħul ta’ l-applikanti..