Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment tal-Bini u Tiswija

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'passi ħa d-dipartiment tal-bini u tsiwija ta' djar rigward saqaf perikoluż li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li s-saqaf fil-post indikat mill-Onor. Interpellant jidher li għandu bżonn jinbidel u dan ser isir wara sejħa għall-offerti li ser tinħareġ fil-ġimgħat li ġejjin.

Sussidju fuq Kera

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk persuna li tgħix f'garage privat bil-kiri tibbenefikax minn sussidju fiq il-kera?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Waħda mill-kundizzjonijiet biex persuna tibbenefika mill-iskema R dwar sussidju fuq il-kera hi li l-fond irid ikun fi stat tajjeb ta’ tiswija u f’kundizzjoni abitabbli. Fil-każ indikat mill-Onor. Interpellant, jekk tirċievi applikazzjoni taħt din l-iskema, l-Awtorita’ tad-Djar tispezzjona l-fond, u jekk tikkonferma li dan hu abitabbli u fih in-neċessitajiet sanitarji, tilqa’ t-talba.

Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta mistennija ssir spezzjoni minn ħaddiem tad-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali f'garage li hu okkupat minn single parentli dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali ma għandux applikazzjoni pendenti mingħand il-persuna ndikata.

Dipartiment tad-drenaġġ/WSC

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk id-dipartiment tad-drenaġġ u/jew il-water services ħadux il-passi biex tissolva l-problema ta' ilma/drenaġġ li dieħel f'fond tal-gvern li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni tal-ilma, flimkien mad-dipartiment tas-Saħħa, għamlet testijiet wara li nkixfu żewġ tappieri li kienu mirdumin taħt it-tarmac u issa qed tistenna riżultat ta' dawn it-testijiet mingħand id-dipartiment tas-Saħħa.

Asfaltar ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hu mistenni li t-toroq li isimhom qed jintbagħat separatament jiġu asfaltati?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tender għax-xogħlijiet meħtieġa ġo parti minn Triq tal-Ħofra u Triq Ġdida fi Triq il-Ħofra (minn Triq il-Magħsar għal Triq Tal-Ħofra) diġa’ nħareġ u x-xogħlijiet ser jibdew fil-ġranet li ġejjin wara li ssir il-ko-ordinzzjoni mall-entitajiet. Sa dan it-tant l-Awtorita' dwar it-Trasport qed jipprepara l-program tax-xogħlijiet, l-bqija tat-toroq jinbnew skond il-prijoritajiet li joħroġ minn dan il-program.

Birgu — Tal-Ħawli - servizz ta' trasport pubbliku

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-karozza tal-linja tibda tgħaddi regolarment minn Tal-Ħawli, Birgu kif kienet fil-passat?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat illi s-servizz baqa kif kien, jiġifieri r-residenti tal-lokalita tal-Ħawli huma moqdija permezz tar-Rotta Nru 1. Din ir-rotta titlaq mill-venda tal-Birgu u tgħaddi minn Tal-Ħawli mis-6.00 sa l-10.00 ta’ filgħodu. Mill-10.00 ta’ filgħodu sa l-9.40 ta’ filgħaxija ix-xarabank titlaq mill-Belt u tgħaddi lura minn tal-Ħawli. Jien infurmat ukoll li l-Awtroita' dwar it-Trasport ser tiċċekja li r-rotot qed isiru kif suppost permezz ta’ l-Enforcement Officers tagħha.

Bormla — Skola Ġuże' Despott

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-ħsieb u l-pjan għall-futur tal-gvern rigward l-iskola Guże' Despott Junior ta' Bormla?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Gvern ser jimmodernizza l-iskola sekondarja, Junior Lyceum tas-subien, Giuseppe Despott fi Skola ta' Għada u se jibni kulleġġ ġdid għall-Kottonera, li jkun jista' jservi l-bżonnijiet edukattivi għal dan ir-reġjun fis-snin li ġejjin.

Appartament tal-gvern

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta mistennija ssir spezzjoni mill-ħaddiema tad-dipartiment tal-bini u tiswija ta' djar fil-fond li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jiġi spezzjonat il-fond indikat.

Awtorita' tad-djar — Servizz ta' care & repair

Question

Tista' il-Ministru tara li l-fond li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li jinsab f'kondizzjoni mhix tajba, jiġi rranġat u din l-anzjana miż-Żejtun tibbenefika mis-servizz tal-care & repair?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant inġieb għall-attenzjoni ta' l-Awtorita' tad-Djar fis-16 ta' Jannar 2006 li bagħtet perit li ċċertifika li saqaf irid jinbidel u l-post għandu bżonn xi xogħlijiet oħra. Il-persuna konċernata ġiet infurmata b'dan u immedjatament intbagħtitilha applikazzjoni taħt Skema Z flimkien ma' ittra dettaljata li turi d-dokumenti li l-persuna kellha bżonn tipproduċi. Ninsab infurmata li din il-ġimgħa l-persuna konċernata infurmat lill-Awtorita' li m'għadiex interessata li tirranġa l-post.

Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'tama hemm li xebba omm li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tieħu post mid-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali ma għandu ebda applikazzjoni pendenti mill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.

Kalkara — Toroq

Question

Jista' il-Ministru jagħti informazzjoni ta' meta hemm il-ħsieb li jingħata wiċċ ġdid lil Triq Ħbit mill-Ajru u Triq Antonio Falzon, Kalkara?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tender għax-xogħlijiet meħtieġa għall-bini mill-ġdid għal Triq Antonio Falzon diġa' nħareġ. Dan it-tender flimkien mat-tkomplija ta' Triq il-Konvoj ta' Santa Marija qiegħed jiġi aġġudikat. Għar-rigward ix-xogħlijiet fi Triq il-Ħbit mill-Ajru, l-Awtorita' dwar it-Trasport qed tipprepara lista ta' toroq li jridu jsiru. Din it-triq se ssir skond il-prijoritajiet li jinħarġu minn din il-lista. Tajjeb jingħad li x-xogħol fit-toroq imsemmija ma jikkonsistix f'li jingħata wiċċ ġdid imma li dawn it-toroq jinbnew mill-ġdid skond l-istandards għall-bini ta' toroq residenzjali.

Appartament tal-gvern — Tromba tat-taraġ

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir upgrading fil-parti komuni u t-tromba tat-taraġ tal-binja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jiġi spezzjonat il-fond indikat u jiġi determinat ix-xogħol meħtieġ.

Bormla — Hubbard Flats

Question

Tista' il-Ministru tgħid x-xogħol mistenni jsir din is-sena f'Hubbard Flats, Bormla?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar jagħmel xogħlijiet ta' tiswija fi blokki tal-Gvern fid-dawl tal-prijoritajiet u r-riżorsi disponibbli. Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika x-xogħol li qed jirreferi għalih fil-Mistoqsija tiegħu.

Appartament tal-gvern — Dħul ta' ilma f'bokka tal-lift

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'passi qed jieħu l-ministeru tagħha rigward ilma li meta tagħmel ix-xita qiegħed jidħol maż-żewġ piedi ilma fil-bokka tal-liftta' appartament li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt l-ilment ta' l-Onor Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jiġi spezzjonat il-fond indikat u jiġi determinat ix-xogħol meħtieġ.

Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex xebba omm mill-Isla li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li applikat quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali għall-post alternattiv għadha ma ħaditx post?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m'oħrajn simili.

Awtorita' tad-djar — Twaqqigħ ta' fond

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk il-fond li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, hux mistenni jitwaqqa'? Meta mistenni jibda l-proġett? Fejn mistennija jmorru jgħixu l-inkwilini?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-fond indikat mill-Onor. Interpellant qed jiġi kkunsidrat għal proġett ta' riġenerazzjoni urbana. Dan il-proġett għadu fil-fażi inizjali u għad iridu jsiru l-pjanti u jintalab il-permess mill-MEPA. Għalhekk f'dan l-istadju hu prematur li nwieġeb għall-aħħar żewġ partijiet tal-Mistoqsija.

Birgu — Triq San Lawrenz

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16242 u jgħid meta mistennija ssir mill-ġdid Triq San Lawrenz, fil-Birgu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-Awtorita' qegħda tara kif ix-xogħlijiet meħtieġa fi Triq San Lawrenz Birgu jiddaħlu fil-programm ta' xogħlijiet li ser isiru din is-sena.

Dipartiment tat-Taxxi Interni

Question

Jista' il-Prim Ministru jara li d-dipartiment tat-taxxi interni jħallas lil persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li qiegħed jgħid li l-istess dipartiment għandu dovut lejh?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li minħabba d-dispozizzjonijiet ta’ segretezza fl-Atti dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni mhux f’pozizzjoni li jizvela informazzjoni personali. Nitlob għalhekk lill-persuna konċernata biex tiċċekkja mas-sezzjoni tat-Refunds tad-dipartiment matul il-ħin tal-uffiċċju.

Awtorita' tad-Djar — Fond fi stat perikoluż

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk il-fond li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, hux perikoluż u/jew ikkundannat skond il-periti tal-gvern?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għaddejt id-dettalji provduti mill-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jiġi spezzjonat il-fond indikat.