Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fejn isiru l-uniformijiet tal-correctional officers tal-Ħabs ta' Kordin? Meta sar l-aħħar inventarju biex l-awtoritajiet ikunu jafu kemm hemm armi u bullets maħżunin għas-servizz fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-uniformijiet tal-Uffiċjali Korrettivi isiru għand dak il-kuntrattur li joffri l-orħos offerta. Bħal ma ġara din is-sena, kien hemm okkażjonijiet li isiru minn aktar minn kuntrattur wieħed. Din is-sena il-qliezet saru mill-kumpaniji B.T.I. Ltd u Yorkie Ltd, filwaqt li l-qomos saru mill-BTI Ltd. Il-Flokkijiet tax-xitwa saru għand il-kumpanija Lambs Ltd.
Fir-rigward ta' armi u munizzjon, dawn jinżammu taħt il-kustodju tas-security officer u l-inventarju tagħhom jiġi iċċekjat perjodikament. L-aħħar inventarju sar fl-ewwel ta' April 2006.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk it-telefonati li jsiru minn u lejn il-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin, ikunux rekordjati kollha jew le, kemm tal-ħabsin, gwardjani u uffiċjali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-uniċi telefonati li jiġu rrekordjati huma dawk li isiru mill-priġunieri, jew lill-priġunieri. Dan isir skond ir-regolamenti tal-Ħabs.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm fil-preżent ħaddiema mar-Revenue Security Corps? Kemm irtiraw din is-sena? Kemm tkeċċew din is-sena? Kemm ġew sospiżi din is-sena? Hemm ħsieb min-naħa tal-gvern li jiddaħlu aktar impjegati? X'inhi l-funzjoni u d-dmirijiet tagħhom bħala korp?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li fir-Revenue Security Corps hemm bħalissa 136 membru. Din is-sena ġie tterminat l-ingaġġ ta’ wieħed mill-Gunners għal raġunijiet ta’ saħħa. Ma kien hemm l-ebda discharge ieħor mill-korp, u bħalissa m’hemmx ħsieb li jiddaħħlu aktar rekluti fil-korp. Il-funzjoni tal-korp hija li tipprovdi servizzi ta’ sigurta lill-banek u dipartimenti u entitajiet tal-Gvern fosthom dawk tat-taxxi nterni u l-Water Services Corporation. Id-dmirijiet tal-membri tar-Revenue Security Corps ivarjaw minn xogħol ta’ security guard, cash escort u xogħol fl-Ispettorat tal-VAT. Barra minn hekk, minħabba esiġenzi tas-Servizz, bħalissa hemm numru ta’ membri tal-Korp li qegħdin sekondati mad-Detention Service fejn qegħdin jagħmlu għassa ma’ l-immigranti rregolari fiċ-ċentri ta’ detenzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inbiegħet il-Maltacom? Kemm kien hemm proprjeta involuta? X'kien il-valur ta' kull proprjeta', l-indirizz ta' kull proprjeta', min kien l-espert/perit li vvaluta kull proprjeta'?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għad-dokumenti relatati mas-suġġett li diġa tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-pjanta ta' fejn mistenni jsir il-proġett ta' SmartCity@Malta? Kemm hi kbira l-area fejn hu mistenni li jsir dan il-proġett? Kemm hemm fabbriki/bini fuq is-sit fejn din ser tiġi żviluppata? Kemm ġiet stmata ż-żona kollha fejn mistenni jsir il-proġett ta' SmartCity@Malta? Min huma s-sidien ta' din is-sit, min kien l-espert/il-perit biex ħareġ il-valur tas-sit? Meta mistenni jibda l-proġett?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra s-site plan fejn l-Ambaxxata Amerikana mistennija tinbena, jekk hijiex art tal-gvern jew ta' l-uffiċċju konġunt? Kemm ġiet ivvalutata, x'mistenni jsir fuq dik l-art u kemm tkopri art?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-art li ġiet identifikata biex tinbena l-Ambaxxata Amerikana hija art tal-Gvern. Peress li biex tingħata din l-art għall-iskop imsemmi huwa meħtieġ li ssir Riżoluzzjoni Parlamentari, naħseb li jkun għaqli li wieħed jistenna din ir-Riżoluzzjoni sabiex isir jaf id-dettalji kollha tat-transazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li f'eżami tal-psikoloġija li sar nhar it-Tlieta 30 ta' Mejju fl-Universita' ta' Malta, kien hemm bosta domandi li ma ġewx koperti fis-sillabu, la fil-lezzjonijiet u lanqas fuq il-kotba tal-kredti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-proċedura li sseħħ fl-Universita' ta' Malta matul eżami huwa li lecturer/s responsabbli għall-eżami ikunu disponibbli biex iwieġbu għal xi mistoqsija kjarifikazzjoni fuq il-karta ta' l-eżami. Għal kull 'study unit' u kors hemm ko-ordinatur u fl-aħħar mill-aħħar hemm il-Kap tad-Dipartiment responsabbli għall-kors. Hija proċedura li l-istudenti javviċinaw dawn in-nies meta għandhom xi diffikulta'. Kien hemm eżami wieħed fil-psikoloġija nhar it-Tlieta, 30 ta' Mejju fl-Universita' ta' Malta. Tlett lecturers kienu involuti fl-eżami imsemmi. Dawn it-tlieta kienu disponibbli matul l-eżami. Kien hemm studenta li riedet kjarifikazzjoni fuq mistoqsija waħda li ngħatat dak il-ħin stess. It-tlett lecturers huma lecturers li għandhom esperjenza fit-tagħlim u eżaminazzjoni tas-suġġett u assiguraw lill-Kap tad-Dipartiment li l-istudenti, sakemm attendew il-lectures u studjaw il-kotba involuti kellhom ikunu kapaċi iwieġbu il-karti ta' l-eżami.
Informat ukoll li hemm proċedura ċara fl-Universita' għall-istudenti biex jiċċaraw id-diffikultajiet tagħhom u għalhekk għandhom jippreżentawhom lill-ko-ordinatur ta' l-iStudy Unit u l-Kap tad-Dipartiment.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-ispettur sanitarju għan-naħa tal-Kottonera ma ħax il-passi neċessarji biex tissolva l-problema ta' ilma/drenaġġ li dieħel fil-fond li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 5291 tas-Seduta numru 125 tas-sena 2004. Ninforma li s-sitwazzjoni għadha l-istess għajr għall-fatt li fit-tnax t'Awwissu 2004, ittieħed kampjun ieħor ta' l-ilma li qiegħed jinfiltra, liema kampjun reġa' ndika l-probabilita' li l-ilma inkwistjoni huwa ilma tal-vit. Dan wara li d-Dipartiment kien ġie nfurmat fis-26 ta' Lulju 2004 mill-Korporazzjoni tas-Servizzi ta' l-Ilma li saru testijiet neċessarji fl-akkwata ndikata u ma nstab l-ebda leak fis-sistema ta' l-ilma eżistenti.
Iċ-Chief Executive Officer fi ħdan il-Korporazzjoni tas-Servizzi ta' l-Ilma kien reġa' ġie nfurmat b'dan kollu fis-26 ta' Awwissu 2004, wara li kien diġa' nfurmat b'korrespondenzi oħra datati Mejju 2004, Lulju 2004.
Il-persuna li għamlet l-ilment kienet ġiet infurmata b'dan kollu u minn dak iż-żmien 'l hawn qatt ma reġa' daħal l-ilment.
Sussegwentament, saret spezzjoni oħra llum 6 ta' Ġunju 2006 minn uffiċjal ta' dan id-dipartiment, fejn ittieħed kampjun ieħor ta' l-infiltrazzjoni. Il-każ ser jibqa' jiġi segwit.
Tista' il-Ministru tara li l-Awtorita' tad-Djar tieħu l-passi neċessarji biex persuna minn Bormla li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tbati minn depression, tibbenefika minn skema care and repair ta' l-Awtorita' tad-Djar, minħabba li l-kamra tal-banju m'għadhiex tajba u l-faċċata tal-fond ma tinsabx f'kundizzjoni tajba?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tad-Djar ma għanda ebda talba mill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant biex tibbenifika mill-inizjattiva tal-Care and Repair.
Ninsab infurmata wkoll li, madankollu l-Awtorita’ ħadet nota tal-każ u fil-futur qarib mistennija tispezzjona l-fond u tivverifika jekk il-persuna konċernata tistax tibbenefika minn din l-inizjattiva.
Tista' il-Ministru tara li jiġi kkonsidrat li l-fond indikat separatament, li jinsab battal u fil-pjan terran fl-Isla jingħata lil persuna b'diżabilita', b'riġlejh maqtugħin u li jbati b'attakki tal-qalb?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi l-applikazzjoni qed tigi ikkunsidrata flimkien m'oħrajn simili.
Tista' il-Ministru tgħid x'qed iżomm lill-awtoritajiet tal-kostruzzjoni u tiswijiet tal-gvern biex il-fond li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament jiġi rranġat u jitneħħew il-problemi strutturali li għandu, fejn qed jintqal li hu kkundannat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għaddejt l-ilment ta’ l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar biex jinvestiga u jieħu l-azzjoni meħtieġa.
Tista' il-Ministru tgħid, wara li saret spezzjoni fil-fond bid-dettalji li qed jintbagħtu separatament, mill-Perit Buttigieg x'ġie rakkmandat fuq iċ-ċertifikat? Jista' ġentilment jitpoġġa kopja taċ-ċertifikat fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li rrefera għalih l-Onor. Interpellant.
Ninsab infurmata li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar spezzjona l-post biex jigi determinat ix-xogħol meħtieġ u dan ix-xogħol mistenni jsir mill-istess Dipartiment fil-futur immedjat.
Ninsab infurmata wkoll li, sadattant, id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali qed jieħu passi biex il-familja konċernata tiġi provduta mill-aktar fis possibli b'akkomodazzjoni alternattiva sakemm jitlestew ix-xogħlijiet.
Jista’ l-Ministru jgħid meta mistennija tiġi asfaltata Triq San Patrizju, Ħaż-Żabbar?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-triq imsemmija hija nkluża fil-lista ta’toroq li jridu jsiru mill-ADT. Ix-xogħol fuq din it-triq u toroq simili jsir skond il-prijoritajiet li jirriżultaw mill-programm ta’ xogħlijiet f’toroq residenzjali ta’ Awtorita' dwar it-Trasport.
Fid-dawl tat-tweġiba mogħtija mill-Prim Ministru għall-mistoqsija parlamentari 19315 rigward l-impjegati tal-Gvern, jista' il-Prim Ministru jgħid:
i) u jispjega x'irid ifisser bit-terminu li uża hu stess "grad sostantiv" fil-kontest ta' uffiċjali pubbliċi li jkunu b'kuntratt defnittiv;
ii) jispjega kif qiegħed jgħid li kuntratt definittiv mal-gvern ma jkunx għall-perijodu fit-tul meta jaf illi hemm diversi impjegati bħal dawn li ilhom jaħdmu fuq din il-bażi għal bosta snin;
iii) jgħid jekk għandux il-ħsieb li jirranġa l-kuntratti ta' dawk l-impjegati li mhumiex intitolati għal parental leave, responsibility leave u reduced hours in vista tal-fatt li ħafna minn dawn l-impjegati ilhom bosta snin bl-istess impjieg u jaħdmu tmien sigħat kuljum bħal impjegati permanenti;
iv) jgħid espressament x'jiġri jekk mara fuq kuntratt indefinit li mhijiex intitolata għal parental leave li toħroġ pregnant u li tixtieq trabbi lil uliedha, titlifx il-job tagħha jekk mat-terminu tal-maternity leave din ma tirritornax għax-xogħol u x'alternattivi qed joffrilha l-gvern bħala impjegata tiegħu;
v) jgħid jekk hux se jirranġa dawn il-kuntratti definittivi in vista tad-direttiva fixed term work directive 199/70 EC li tgħid li m'għandux ikun hemm diskriminazzjoni bejn "permanent workers " u "contract workers" u jekk fin-negattiv għaliex;
vi) jgħid għaliex Avviż Legali 429 ta' l-2002 li suppost qed jirrifletti din id-direttiva qed jeskludi mill-applikabbilta' tagħha l-impjegati kollha tal-gvern meta d-direttiva ma tagħmel l-ebda distinzjoni bejn impjegati mal-gvern u impjegati mas-settur privat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
i) It-terminu ‘grad sostantiv’ ifisser dawk l-impjegati li jkollhom ‘appointment’ skond il-gradi stabbiliti fil-‘collective agreement’ tas-Servizz Pubbliku; u waqt li jżommu dan il-grad, jidħlu għall-kuntratt definit għal-pożizzjoni oħra.
ii) L-impjegati fuq kuntratt definit jista’ jkollhom il-kuntratt imġedded, għalhekk jistgħu jkunu ilhom bosta snin jaħdmu, iżda kull kuntratt normalment ma jkunx għal iktar minn sena.
iii) Dwar paragrafi iii) v) u vi) tad-domanda, li jistaqsu jekk hemm ħsieb li jinbiddlu l-kundizzjonijiet u benefiċċji tal-impjegati bil-kuntratt, ngħid li bħalissa qed isir studju biex naraw jekk jistax isir xi tibdil.
iv) Dwar paragrafu iv) nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal l-aħħar paragrafu tat-tweġiba tiegħi għall-mistoqsija numru 19315.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-eta’ ta’ l-akbar persuna li għamel l-eżami biex iġib il-liċenzja tal-karozza s-sena l-oħra u din is-sena?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-akbar persuna li għamlet l-eżamijiet biex iġġib il-liċenzja tal-karozza (kategorija B) fis-sena 2005 kellha 59. L-akbar persuna din is-sena kellha 69.
Tista’ l-Ministru tara li l-applikazzjoni tal-persuna bid-dettalji li qed jintbagħtu separatament, li m’għandux saqaf fuq rasu, tiġi aċċettata mid-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali? Dwar dan jikkonferma l-Arċipriet tal-lokal.
Response (CRISTINA, DOLORES)
M'għandi xejn xi nżid mat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 19130 f'Seduta Numru 387 dwar l-istess persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħadu l-awtoritajiet rigward il-problemi li qed jiġu kkaġunati fi Triq Mater Boni Consigli, il-Fgura, u jieqaf dan l-inkonvenjent.
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li dan l-inkonvenjent ta' ħsejjes jirriżulta meta jintfew l-pompi li jippumpjaw lejn l-Impjant ta' Sant'Antnin (Waste Hammer effect).
Jien infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qed tieħu ħsieb biex sa fejn hu possibbli l-livell tal-materjal fis-sentina qed jinżamm għoli biex il-pompi jibqgħu jaħdmu.
Ġew ukoll installati valvi li jgħalqu bil-mod meta jintfew il-pompi biex inaqqas dawn il-ħsejjes.
Il-pompi li jaħdmu lejn l-impjant ta' Sant'Antnin se jieqfu definittivament meta jsir l-Impjant il-ġdid fin-Nofs in-Nhar ta' Malta.
Jista' il-Ministru jgħid meta mistenni jibda x-xogħol tal-Gżira Link Road - Regional Road fejn qabel kien hemm it-tankijiet tal-gas? Fiex jikkonsisti? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-pjanti proposti?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'sar minnu l-proġett tal-park and ride? Veru li hemm il-ħsieb li mhux se jsir dan il-proġett?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nirreferi għall-mistoqsija parlamentari numru 18022, fejn ġew spjegati t-tlett fażijiet tal-proġett tal-Park and Ride. It-tender għall-operat tal-Park and Ride għadu fil-proċess tal-arbitraġġ, fuq iż-żewġ oġġezzjonijiet li tresqu quddiem l-Awtorita' dwar it-Trasport meta ġie aġġudikat. It-tender tax-xogħlijiet fuq is-sit ġie aġġudikat mill-kumitat tal-Kuntratti u bħalissa qegħdin fil-perjodu ta’ ħmistax-il ġurnata għall-oġġezzjonijiet. Dan għandu jagħlaq fis-sitta ta’ Ġunju.