Uffiċċju Konġunt — Każ dwar post milqut bil-possession & use
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-post bid-dettalji qed jintbagħtu separatament hux maqbud b'possession and use?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi skond l-arkivji tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern il-post li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant mhux maqbud b'possession and use.
Tista' il-Ministru tgħid jekk il-post bid-dettalji qed jintbagħtu separatament hux maqbud b'possession and use?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li skond tagħrif miksub mill-Awtorita’ tad-Djar mid-Dipartiment ta’ l-Artijiet, il-post indikat mill-Onor. Interpellant hu
public tenure,
jiġifieri ilu aktar minn għaxar snin bħala
possession and use.
Tista' il-Ministru tgħid jekk fil-post imsemmi hux possibbli jidħol lift fil-parti komuni?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Skond il-kundizzjonijiet ta’ l-iskema għal stallar ta’ lifts, l-inkwilini li jixtiequ jistallaw lift fil-blokk tagħhom iridu l-ewwel jiffurmaw Assoċjazzjoni tar-Residenti li taċċetta l-kundizzjonijiet kollha għall-istallar tal-lift u wara ssir l-applikazzjoni meħtieġa.
Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tad-Djar ma rċeviet ebda applikazzjoni għal stallar ta’ lift mir-residenti tal-blokk indikat mill-Onor. Interpellant. Meta tidħol l-applikazzjoni, l-Awtorita’ tinvestiga jekk hux possibbli li jsir lift f’dan il-blokk.
Wara li l-Ministru qalli biex naqra mazz dokumenti li hu poġġa fuq il-mejda tal-Kamra, jista' jgħid kemm inbiegħet il-Maltacom? Kemm kellha proprjeta'? X'inhu l-indirizz ta' kull proprjeta'? Jista' jipprovdi r-rapport ta' kull proprjeta' u fuq liema bażi nbiegħet b'dak il-valur? Kemm inbiegħet kull proprjeta' ? Min kien il-perit/expert li vvaluta kull proprjeta? Nistieden lill-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' kull proprjeta' li nbiegħet.
Response (GATT, AUSTIN)
Fil-waqt li kif jaf l-Onor. Interpellant il-"mazz dokumenti" li qed jirreferi għalihom huma issa dokumenti ufiċċjali ġa la darba tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra, ninforma lill-istess Onorevoli Interpellant li r-risposti għall-mistoqsijiet tiegħu jinsabu fil-"mazz dokumenti" li rrefera għalihom fil-mistoqsija tiegħu.
Jista' il-Ministru jgħid meta mistenni jibda x-xogħol tal-Gżira Link Road - Regional Road fejn qabel kien hemm it-tankijiet tal-gas? Fiex jikkonsisti? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-pjanti proposti?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat illi x-xogħolijiet biex tinbena l-imsemmija Gzira Link Road ġie maqsum f'żewġ fażijiet:-
L-ewwel fażi hija l-bini ta fly overfil-junction tal-Kappara, it-tieni fażi tinkludi it-titjib u bini ta' toroq mill-Kappara junction, Triq ix-Xatt il-Gżira.
It-tieni fażi ta' dan il-proġett ġew studjati numru ta' alternattivi mill-ADT fl-aħħar sentejn, li kienu jikkonsistu f'numru ta' rotot alternattivi ta' kif tista' il-linkmill-Kappara Junction sa Triq ix-Xatt fil-Gżira.
L-ADT bħalissa għaddejja bil-konsultazzjoni tagħha ma' l-Awtorita' ta' l-Ambjent u l-Ippjanar fuq l-aħħar rotta li qed tiġi proposta.
Site plan mehmuża.
Tista' il-Ministru tgħid x'qed iżomm lid-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali biex mara miż-Żejtun li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li tgħix ma' binha b'diżabilita', tbiddel ma' post ieħor tal-gvern f'Bormla?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant qed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.
Awtorita' tad-djar — Allokazzjoni ta' ħanut f'Pembroke
Question
Tista' il-Ministru tgħid jekk l-awtorita' tad-djar iddeċidietx li talloka ħanut bla numru fi Triq Gioacchino Le Brun, Site F, f'Pembroke, li hi ħarġet għall-bejgħ skond avviż numru 41, lill-persuna li għamlet l-offerta tagħha, iżda li isimha mhux jidher fl-aħħar Reġistru Elettorali ta' Ottubru 2005, għal din il-lokalita' fiż-żmien meta nħarġet l-offerta, minflok allokat dan il-ħanut lill-persuna oħra li għamlet l-offerta tagħha u li ilha residenti f'din il-lokalita' għal diversi snin, meta skond ir-regolamenti u l-proċeduri ta' l-awtorita' stess, din il-persuna għandha tingħata preferenza minn offerenti oħra?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tad-Djar irċeviet tlett offerti għall-bejgħ tal-ħanut indikat mill-Onor. Interpellant u li dan ġie allokat lill-persuna li toqgħod l-aktar viċin, bl-għola prezz kwotat, skond kif provdut fil-kundizzjonijiet tas-sejħa għall-offerti.
Ninsab infurmata wkoll li l-Awtorita’ tad-Djar ivverifikat fiżikament fejn qed toqgħod din il-persuna qabel ingħatat id-dritt ta’ l-ewwel rifjut.
Awtorita' tad-Djar — Kwestjoni dwar xiri ta' proprjeta'
Question
Tista' il-Ministru tinvestiga jekk sarux xi manuvri f'dan il-każ biex isir tibdil ta' indirizz ftit jiem biss qabel ingħalqet l-offerta għal dan il-bejgħ bl-iskop li xi persuna tkun eliġibbli għal xiri ta' din il-proprjeta'? Jidhrilhiex il-Ministru li jekk dan hu l-każ, għandha tittieħed azzjoni mmedjata biex jitwaqqaf il-proċess u jittieħdu l-passi kollha neċessarji biex jitneħħa kull lok għall-abbuż u spekulazzjoni kemm għall-finijiet ta' din l-offerta kif ukoll għall-offerti oħra li jinħarġu mill-awtorita' tad-djar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-każ li għamel referenza għalih fil-Mistoqsija Numru 19623, m'għandi xejn xi nzid mat-Tweġiba li għadni kif tajt għal dik il-Mistoqsija.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19471, partikolarment għar-risposta (iii) fejn qed jingħad li "bħalissa qed isir studju biex naraw jekk jistax isir xi tibdil" fir-rigward ta' benefiċċji li suppost għandhom igawdu fixed-term contract workers mal-gvern", jista' il-Prim Ministru jgħid: i) min hu nvolut f'dan l-istudju biex isir tibdil fil-kuntratt u min huma dawk in-nies kollha jew uffiċjali li huma nvoluti fit-tħejjija ta' dan l-isudju u kemm minnhom huma avukati; ii) x'inhi jew x'inhuma r-raġunijiet għaliex qed isir dan l-istudju; iii) għal meta hu ppjanat li jitlesta dan l-istudju; iv. x'eżitu qiegħed jistenna l-gvern minn dan l-istudju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
M’għandiex x’inżid lill-onorevoli interpellant mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 19471.
Kif l-istudju imsemmi jiġi finalizzat, il-Gvern ikun f’pożizzjoni li jevalwa l-rakkomandazzjonijiet tiegħu.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19326, jista' il-Prim Ministru jgħid kemm minn dawn l-uffiċjali pubbliċi li temmew l-impjieg tagħhom kellhom fil-pussess tagħhom karozza tal-gvern sena b'sena mill-2000 sa llum li mbagħad xtrawha huma? Kemm kien il-prezz ta' kull karozza?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kien hemm tnejn u tmenin (82) uffiċjal pubbliku li temmew l-impjieg u xtraw il-karozza li kellhom fil-pussess tagħhom. Il-prezzijiet tal-karozzi li nxtraw jidhru fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa minnu li l-ħaddiema tar-Revenue Security Corps se jibdew jagħmlu xogħol fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin?
Response (BORG, TONIO)
Ma hemm l-ebda tali pjan f'dan ir-rigward sa llum.
Tista' il-Ministru tara li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tgħix bir-relief tibbenefika mill-iskema care and repair ta' l-awtorita' tad-djar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li ma jirriżultax mir-rekords ta' l-Awtorita' tad-Djar li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qatt għamlet talba biex tibbenefika mill-inizjattiva tal-Care and Repair.
Ninsab infurmata wkoll li, b'dankollu, fil-futur qarib l-Awtorita' ser tispezzjona l-fond indikat biex tivverifika jekk il-persuna tistax tibbenefika minn din l-inizjattiva.
Jista' il-Ministru jgħid jekk Triq il-Baħrija, Ħaż-Żabbar hijiex waħda mit-toroq li l-awtoritajiet qed jikkonsidrawha bħala priorita' li ssir?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-triq imsemmija hija nkluża fil-lista ta' toroq li jridu jsiru mill-Awtorita' dwar it-Trasport. Ix-xogħol f'din it-triq isir skond il-prijoritajiet li jirriżultaw fil-programm ta' toroq ta' L-ADT.
Jista' il-Ministru jgħid meta mistenni jsir il-bus shelter f'St. Peter's Ħaż-Żabbar?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li ix-xogħol ta’ kostruzzjoni tal-build out ta’ fejn jeħel il-Bus Shelter hija lesta. Il-Bus Shelter ser jitwaħħal fil-futur qrib mill-kuntrattur responsabbli malli tasal il-kunsinna tal-bus shelters mistennija.
Tista' il-Ministru tara li persuna Għawdxija li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tibbenefika mis-servizz care and repair ta' l-awtorita' tad-djar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li ma jirriżultax mir-rekords ta' l-Awtorita' tad-Djar li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qatt għamlet talba biex tibbenefika mill-inizjattiva tal-Care and Repair.
Ninsab infurmata wkoll li, b'dankollu, fil-futur qarib l-Awtorita' ser tispezzjona l-fond indikat biex tivverifika jekk il-persuna tistax tibbenefika minn din l-inizjattiva.
Tista' il-Ministru tara li armla mill-Fgura li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tibbenefika mill-inizjattiva care and repair ta' l-awtorita' tad-djar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li ma jirriżultax mir-rekords ta' l-Awtorita' tad-Djar li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qatt għamlet talba biex tibbenefika mill-inizjattiva tal-Care and Repair.
Ninsab infurmata wkoll li, b'dankollu, fil-futur qarib l-Awtorita' ser tispezzjona l-fond indikat biex tivverifika jekk il-persuna tistax tibbenefika minn din l-inizjattiva.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19482, jidher li l-ebda wieħed mit-tlett lecturers responsabbli ma resqu lejn uħud mill-kmamar ta' l-eżami waqt il-ħin ta' l-eżami tal-Psikoloġija nhar it-Tlieta 30 ta' Mejju. Jista' il-Ministru jagħti l-ismijiet tat-tlett lecturers involuti? B'liema mod ġew poġġuti mistoqsijiet li ma kenux koperti fuq il-kotba jew waqt il-lectures, fosthom domanda dwar Ljung u oħra dwar Pule'. Minħabba l-ħin qasir li kien hemm allokat biex jitwieġbu 100 domanda, ma jaħsibx il-Ministru li mhux prattikabbli li jkunu mgħajjta l-lecturers għal kull problema? F'każ li saru l-iżbalji min-naħa tal-lecturers, se jkunu l-istudenti li jġorru l-piż ta' żbalji li m'għamlux huma?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif ma laħaqx wasal tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19137, tista' il-Ministru tgħid x'riedet tfisser "li l-persuna ndikata ma ressqitx raġunijiet validi lid-dipartiment ta' l-akkomodazzjonijiet soċjali"? X'inhuma r-raġunijiet validi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li r-raġuni li ġabet il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant għaliex il-fond m'għandux jiġi direkwiżizzjonat kienet li jekk fil-futur jiġi biex japplika għal post alternattiv minn post direkwiżizzjonat hu jkun b'xi mod żvantaġġjat u ma jingħatax il-prijorita' mistħoqqa. Id-Dipartiment ma kkunsidrax li din hi raġuni valida għaliex il-post m'għandux jiġi direkwiżizzjonat.
Dwar it-Tieni Parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmata li d-Dipartiment jikkunsidra kull każ fuq il-merti partikolari tiegħu.
Rigward il-correctional officers tal-Ħabs ta' Kordin li għamlu sitt xhur casual, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk dawn hux se jkollhom dan iż-żmien magħdud meta joqorbu biex itemmu s-servizz ta' 25 sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-aħħar Casuals li kienu impjegati fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin kien fl-1990. Il-kuntratt ta' l-impjieg tagħhom ma jipprovdix li ż-żmien li ħadmu meta kienu casuals jkun magħdud bħala parti mis-servizz ta' 25 sena.