Tista' il-Ministru tara li persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li applikaw biex jixtru l-fond tagħhom fil-Birgu aktar minn 20 sena ilu jsirilhom il-kuntratt?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-kuntratt għax-xiri tal-fond indikat mill-Onor. Interpellant ma jistax jiġi finalizzat qabel ma t-titolu legali tal-fond jiġi trasferit mid-Dipartiment ta’ l-Artijiet fuq l-Awtorita’ tad-Djar.
Tista' il-Ministru tgħid fejn waslet it-talba ta' persuna Bormliża li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, rigward irranġar fil-fond tal-gvern?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li x-xogħol fuq is-saqaf fil-fond indikat mill-Onor. Interpellant ġie approvat mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar u mistenni li jsir mill-ħaddiema ta’ l-istess Dipartiment fil-futur immedjat.
Tista' il-Ministru tgħid fir-rigward tal-ħaddiema tal-gvern, kemm jekk professjonisti u kemm jekk mhux: a) kemm hemm minn dawn il-ħaddiema li jaħdmu abbażi ta' kuntratt definit mal-gvern fid-dipartimenti kollha li jaqgħu fid-dekasteru tagħha u min huma? b) kemm minn dawn il-ħaddiema tal-gvern fi ħdan l-istess dekasteru ilhom jaħdmu fuq din il-bażi għal aktar minn erbgħa snin? min huma dawn il-ħaddiema tal-gvern u f'liema dipartiment, sezzjoni, eċċ jaħdmu? xi grad ta' xogħol, kariga jew professjoni jaħdmu; u skond liema scale qegħdin jitħallsu u min huma dawk li għandhom grad sostantiv u min huma dawk li m'għandhomx;? c) tpoġġi fuq il-medja tal-Kamra kampjun ta' kull tip ta' kuntratt definit illi bih il-gvern impjega lil dawn il-ħaddiema fuq bażi definita fis-snin 2000-2006?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Onorevoli Interpellant huwa nfurmat li l-informazzjoni mitluba tirrekjedi ħafna ħin u fiċ-ċirkustanzi illi bħalissa l-Gvern qed jevalwa s-sitwazzjoni tal-"fixed - term" (ara risposta PQ 19741), ma jinħassx li għandha tingħata risposta dettaljata f'dan l-istadju.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm saru kuntratti ta' xiri ta' proprjeta' privata ta' ċittadini mhux mill-Unjoni Ewropea, li xtraw proprjeta' minn Malta u Għawdex matul is-snin 2005 u 2006? Kemm minnhom kienu f'designated areas? Kemm kien il-valur kollu f'daqqa tal-proprjeta' u kemm tħallsu taxxa tal-boll?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li n-numru ta’ permessi biex ikunu jistgħu jsiru kuntratti ta’ xiri ta’ propjeta’ privata minn ċittadini li ma jikkwalifikawx bħala persuni residenti ta’ Malta skond id-definizzjoni li toħroġ mill-Att dwar l-akkwist ta’ Proprejta’ Immobbli minn persuni mhux residenti (Kap 246) kien ta’ 381 matul is-sena 2005 u ta’ 231 matul l-2006.
Il-valur tal-proprjeta’ immobbli kien ta’ Lm23,108,545 għal dawk il-permessi li ħarġu matul l-2005 u ta’ Lm14,448,981 għal dawk il-permessi li ħarġu matul l-2006. Ma tinżammx statistika seperata ta’ kemm tħallset taxxa tad-dokumenti u trasferimenti fuq trasferimenti li jkopru dawn il-permessi li t-terminu biex isir il-kuntratt ikun ta’ tlett xhur. Ir-rata ta’ taxxa fuq il-kuntratti hi ta’ 5 fil-mija tal-valur.
Ma tiżammx statistika tal-propjeta’ immobbli mixtrija f’żoni msejjħa bħala ‘special designated area’ għax ħadd m’għandu bżonn permessi taħt l-imsemmi Att biex jixtri f’dawn iż-żoni.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm saru kuntratti ta' xiri ta' proprjeta' privata ta' ċittadini mill-Unjoni Ewropea, li xtraw proprjeta' minn Malta u Għawdex matul is-snin 2005 u 2006? Kemm minnhom kienu f'designated areas? Kemm kien il-valur kollu f'daqqa tal-proprjeta' u kemm tħallsu taxxa tal-boll?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant li ma tinżammx statistika separata għal dawk iċ-ċittadini mill-Unjoni Ewropea biss li xtraw proprjeta’ immobbli għax skond l-Att dwar l-Akkwast ta’ propjeta’ immobbli minn persuni mhux residenti (Kap 246) m’hemmx distinzjoni minn persuna mill-Unjoni Ewropea u minn persuna Maltija li kienu residenti ta’ Malta għal żmien minimu kontinwu ta’ ħames snin f’kull żmien li jiġi qabel id-data ta’ l-akkwist. M’hemm l-ebda statsistika ta’ kemm mill-permessi kienu f’designated areas’ għax għal xiri ta’ propjeta’ f’designated areas ħadd ma għandu bżonn permess biex jixtri propjeta’ immobli f’dawn iż-żoni.
Telecommunications and Electronics Engineering Course
Question
Jista' il-Ministru jgħid meta se jingħata ċ-ċertifikat tal-kors offrut fl-MCAST minn Ottubru 2000 sa Ġunju 2005, Telecommunications and Electronics Engineering Course?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dan il-kors kien iwassal għall-Advanced City and Guilds Diploma fit-Telecommunication and Electronics Engineering u studenti li spiċċaw il-kors b'suċċess intbgħatilhom ċertifikat mis-City and Guilds. L-MCAST ippublika traskritt tar-riżultati ta' l-eżamijiet finali li saru fl-Istitut u dawn inġabru mill-istudenti kollha.
Informat ukoll li l-kors imsemmi kien mitmum mis-City and Guilds f'Ġunju 2005 u bħala konċessjoni speċjali fuq talba ta' l-MCAST ġiet ippreparata sessjoni supplimentari finali oħra għall-istudenti.
Jista' il-Ministru jgħid meta mistenni jiġu restawrati żewġ statwi żgħar li juru lil San Pietru u San Pawl u li jinsabu kantuniera ma' Triq il-Vittorja l-Isla?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li sa llum dawn ix-xogħlijiet m'humiex inklużi fil-programm tax-xogħlijiet tas-Sezzjoni tar-Restawr f’dan il-Ministeru. Is-Sezzjoni qed tiġi nfurmata biex tinkludi dan ir-restawr fil-lista' ta' xogħlijiet pendenti.
Tista' il-Ministru tgħid u tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra r-rapporti tal-qagħda tal-lift ta' Blokk A, Blokk B, Blokk C, Dockyard Terrace l-Isla? Tikkonfema jekk dawn jaħdmux jew le? Ta' min hi r-responsabbilta' biex jiġu rranġati, jew jekk mhux f'kondizzjoni tajba ta' min hi r-responsabbilta' biex dawn jinbidlu, tas-sid jew ta' l-inkwilini?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-blokki ndikati mill-Onor. Interpellant mhumiex proprjeta' ta' l-Awtorita tad-Djar jew xi Dipartiment li jaqa taħt id-dekasteru tiegħi u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jara li żewġ siġar taċ-ċipress li qegħdin fuq il-bankina quddiem il-binja Dockyard Terrace l-Isla jitneħħew u jitpoġġew x'imkien ieħor, u dan biex jitnaqqas l-inkonvenjent għar-residenti ta' din l-area?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma waslet l-ebda talba lill-Awtoritá ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) minn l-ebda entitá dwar it-tneħħija ta’ dawn is-siġar. Biss niġbed ukoll l-attenzjoni ta’ l-Onorevoli Interpellant li s-siġar taċ-ċipress ma jistgħux jiġu trasferiti għax meta taqlagħhom imutu
Tista' il-Ministru tgħid għaliex koppja b'żewġt itfal mix-Xgħajra u li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li jgħixu f'kamra waħda qatt ma ġew ipprovduti post alternattiv mid-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali? X'tama hemm li dawn ikollhom post alternattiv? X'għamel s'issa u x'qed ikompli jagħmel il-Ministeru biex tissolva din il-problema?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li, fil-fatt, ir-residenza tal-familja ndikata mill-Onor. Interpellant ma tikkonsistix biss f’kamra waħda.
Ninsab infurmata wkoll li l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma’ oħrajn simili.
Tista' il-Ministru tara li anzjana armla minn San Ġwann li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li għandha saqaf ikkundannat tibbenefika mis-servizz care and repair ta' l-Awtorita' tad-Djar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li ma jirriżultax mir-rekords ta’ l-Awtorita’ tad-Djar li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qatt għamlet talba biex tibbenefika mill-inizjattiva tal-Care and Repair.
Ninsab infurmata wkoll li, b’dankollu, fil-futur qarib l-Awtorita’ ser tispezzjona l-fond indikat biex tivverifika jekk din il-persuna tistax tibbenefika minn din l-inizjattiva.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan li tkun irranġata Triq San Ġużepp, bejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun, minħabba li kull meta tagħmel ix-xita qed jinħoloq kull inkonvenjent għall-pubbliku minħabba l-kwantita' ta' ilma li żżomm fiha?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-Triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant mhux triq arterjali u l-anqas distributorja u għaldaqstant il-manutenzjoni ta’din it-triq għandha ssir mill-Kunsill Lokali. Madankollu mhux eskluż li jistgħu jsiru xi interventi fuq din it-triq meta jkunu qed isiru x-xogħlijiet fuq il-bypass ta' Wied il-Għajn, meta din it-triq tista' tintuża bħala devjazzjoni waqt parti mix-xogħlijiet.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jitkompla x-xogħol fuq Triq Patri Schembri, Ħaż-Żabbar? Dan minħabba li saru xi linji sofor fuq naħa waħda biss tat-triq.
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpelant li fix-xhur li ghaddew l-ADT bniet mill-gdid Triq Patri Schembri u parti min Triq il-hofra u parti minn Triq il-maghsar. Bhala tkomplija tal-progett il-Koperativa tat-Tabelli u Sinjali bdiet timmarka s-sinjali mehtiega. Ix-xoghol ghandu jitkompla fil-granet li gejjin.
Jista' il-Ministru jgħid jekk Room 14, fejn isir il-Barium Enema fl-isptar San Luqa u fiz-zoni ta' madwar l-istess kamra, hux mistenni jsir xi sistema ta' arja kkondizzjonata minħabba s-sħana enormi li qed ikun hemm u qed toħloq inkonvenjent anke għall-pazjenti li qed imorru hemmhekk għall-X-rays?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Minħabba limitazzjonijiet fis-sistema elettrika madwar il-kamra numru 14 (Barium Enemea) ser ikun possibli biss jitwaħħal air conditionerwieħed f'din il-kamra. Hu ppjanat li dan il-unit jitwaħħal sa nofs Awwissu.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'mistenni jsir fil-Fortizza ta' San Leonardu, bejn Ħaż-Żabbar u x-Xgħajra? Veru li l-inkwilin qed jiġi mitlub li jħalli l-proprjeta'?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Fortizza ta' San Leonardu hija mikrija lil terzi persuni u t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ma taf bl-ebda pjan immedjat biex dawn jitneħħew. Fil-fatt it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ma għamlet l-ebda talba lill-inkwilin biex jivvaka l-proprjeta'.
Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi mibdula bozza li hemm imwaħħla mal-ħajt u li ilha rappurtata maqtugħa għal bosta xhur, bejn Triq l-Iskola u Triq il-Fortizza tal-Grazzja, ix-Xgħajra?
Response (GATT, AUSTIN)
Minħabba li d-dawl tat-toroq ġie devolut lill-Kunsil Lokali, dwal ġodda huma responsabbilita tal-Kunsill Lokali.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm saru kuntratti ta' xiri ta' proprjeta' privata ta' ċittadini mhux mill-Unjoni Ewropea, li xtraw proprjeta' minn Malta u Għawdex matul is-snin 2005 u 2006? Kemm minnhom kienu f'designated areas? Kemm kien il-valur kollu f'daqqa tal-proprjeta' u kemm tħallsu taxxa tal-boll?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi t-tweġiba ghal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u għaldaqstant ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm saru kuntratti ta' xiri ta' proprjeta' privata ta' ċittadini mill-Unjoni Ewropea, li xtraw proprjeta' minn Malta u Għawdex matul is-snin 2005 u 2006? Kemm minnhom kienu f'designated areas? Kemm kien il-valur kollu f'daqqa tal-proprjeta' u kemm tħallsu taxxa tal-boll?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi t-tweġiba ghal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u għaldaqstant ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jara li fiz-zona fejn il-Married Quarters tal-Kalkara jitnaddaf mill-periklu li hemm, b'bosta siringi u ġrieden li qed joħolqu inkonvenjent kbir għar-residenti tal-madwar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan l-ilment qatt ma wasal f'Uffiċċju tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika.
Minn investigazzjonijiet li saru fl-20 ta' Lulju ma rriżultax li hemm siringi jew evidenza ta' ġrieden madwar il-Married Quaters tal-Kalkara. L-anqas m'hemm akkumuli ta' skart li jista' jġib il-ġrieden.
Minkejja dan bħala prekawzjoni sar trattament kontra l-ġrieden fil-21 ta' Lulju 2006 minn uffiċjali ta' dan id-dipartiment. Is-sitwazzjoni ser tibqa' tiġi sorveljata u trattament ieħor jsir jekk ikun hemm bżonn.
L-ilment dwar is-siringi u l-abbużż konness magħhom għandu jiġi referut lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li jsir xi ordni biex ikunu jistgħu jitpoġġew b'mod komdu d-dgħajjes li jinsabu ħdejn il-klabb tal-boċċi tal-Kalkara u jkun hemm spazju biex dawn id-dgħajjes ikunu jistgħu jitniżżlu u jittellgħu mill-baħar? Min hu ntitolat li jpoġġi dawk id-dgħajjes qrib il-baħar? Hu neċessarju li jkollhom permess jew liċenzja?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.