Tista' il-Ministru tara li persuna li kważi hi homeless minn Ħal Qormi u li fil-preżent qed tgħix f'Ħaż-Żabbar u li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tingħata post mid-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi l-applikazzjoni qed tiġi proċessata.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-awtoritajiet tat-toroq għandhomx ħsieb li jkomplu u jlestu Triq San Ġwann Farrugia, Żejtun? Jekk fl-affermattiv, meta hu mistenni li x-xogħiol jitkompla?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li din it-triq tagħmel parti mill-program ta’ toroq li jridu jsiru.
Id-Direttorat qed ihejji program għall-bini ta’ toroq ġodda u dawn se jsiru skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista' il-Ministru jgħid x'qed iwassal lill-Universita' ta' Malta biex ma taċċettax kwalifikazzjonijiet ta' l-MCAST, jiġifieri l-B.Tech u n-National Diploma, bħala entry requirement għall-kors li jwassal għal diploma/degree fl-Universita' ta' Malta? Dan meta dawn id-diplomi ta' l-MCAST jiġu aċċettati fl-Universita' ta' Londra.
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kull Universita' għandha r-rekwiżiti tad-dħul tagħha. Id-dħul fl-Universita' ta' Malta hu regolat mir-Regolamenti għad-Dħul li jistabilixxu ċ-Ċertifikat tal-Matrikola flimkien ma' ċertifikat f'livell SEC fl-Ingliż, il-Malti u l-Matematika bħala l-kwalifiki meħtieġa għad-dħul. L-Universita' taċċetta kwalifiki oħra biss jekk tqishom ekwivalenti kemm fil-livell u kemm fil-firxa tas-suġġetti. Fost il-kwalifiki aċċettati hemm ukoll kwalifiki li studenti jġibu wara kors fl-MCAST, inkluż każi fejn studenti jiddaħħlu fit-tieni sena tal kors Universitarju.
Għajdut ta' x'jaċċettaw Universitajiet Ingliżi għal korsijiet li jsiru fl-Ingilterra stess mhux dejjem huma korretti.
Jista' il-Prim Ministru jgħid għaliex is-suldati tal-forzi armati meta jilħqu l-eta' ta' 65 sena jiġu mitluba jirtiraw, anke jekk ma jkunux għamlu 25 sena servizz?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ir-regolamenti dwar in-Nomini u l-Kondizzjonijiet tas-Servizz tal-Forza Regolari tal-Forzi Armati ta’ Malta, jistipulaw li l-membri tal-Forzi Armati għandhom jirtiraw meta jilħqu l-eta’ ta’ ħamsa u ħamsin sena. (u mhux 65 sena kif intqal fil-mistoqsija)
In-numru ta’ snin ta’ servizz m’għandu x’jaqsam xejn ma l-eta’ ta’ l-irtirar.
Jista' il-Ministru jara li tkun irranġata s-sitwazzjoni ta' Triq San Pawl, it-triq li tieħu minn Bormla għall-Isla, liema triq saret dan l-aħħar u minħabba x-xogħlijiet li saru fuqha ngħalqu l-ispralli, b'konsegwenza li meta tagħmel ix-xita din it-triq qed tegħreq?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-triq imsemmija mill-Onorevoli Nterpellant mhijiex triq arterjali u anqas distributorja u b’hekk il-manutenzjoni tagħha hija responsabilta’ tal-Kunsill Lokali.
Xorta waħda saru l-ispezzjonijiet meħtieġa mid-Direttorat u wara li saru r-rapporti, dawn l-ispralli ġew imnaddfa.
Jista' il-Ministru jara li tkun irranġata s-sitwazzjoni ta' Triq San Pawl, it-triq li tieħu minn Bormla għall-Isla, liema triq saret dan l-aħħar u minħabba x-xogħlijiet li saru fuqha ngħalqu l-ispralli b'konsegwenza li meta tagħmel ix-xita din it-triq qed tegħreq?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura ma kienx involut fix-xogħlijiet imsemmija.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol fuq Triq San Lawrenz, Birgu liema xogħol ilu mwiegħed lir-residenti għal ħafna żmien?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li t-tender għax-xogħlijiet għalaq fit-22 ta’ Awissu 2006 taħt numru CT 276/06. Bħalissa qed issir aġġudikazzjoni ta’ din it-tender biex ikun jista’ jinbeda x-xogħol.
Tista' il-Ministru tara li l-problemi fil-gallariji li għandu inkwilin mill-Birgu li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, fil-post tal-gvern, ikunu rranġati? Hemm xi ħsieb li dawn il-gallariji jinbidlu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar ma rċieva ebda talba biex isiru t-tiswijiet indikati mill-Onor. Interpellant. Għalhekk għaddejt id-dettalji lill-imsemmi Dipartiment biex jinvestiga u jieħu l-azzjoni meħtieġa.
Tista' il-Ministru tgħid x'qed iżomm lill-awtoritajiet tal-housing milli jistallaw lift f'binja tal-gvern fil-Birgu li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li, fil-fatt, l-istallar tal-lift fil-blokk indikat mill-Onor. Interpellant wasal fil-fażi li tiġi preparata s-sejħa għall-offerti hekk kif jitlestew is-sejħiet għall-offerti għal żewġ lifts oħra, li l-applikazzjoni dwarhom daħlet qabel dak suġġett ta’ din il-Mistoqsija.
Tista' il-Ministru tara li anzjana armla mill-Belt li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tibbeneifika mill-inizjattiva care and repair?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li ma jirriżultax mir-rekords ta’ l-Awtorita’ tad-Djar li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qatt għamlet talba biex tibbenefika mill-inizjattiva tal-Care and Repair.
Ninsab infurmata wkoll li, b’dankollu, fil-futur qarib l-Awtorita’ ser tispezzjona l-fond indikat biex tivverifika jekk il-persuna tistax tibbenefika minn din l-inizjattiva.
Tista' il-Ministru tara li familja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li għandha l-gallarija ta' barra mhux f'kondizzjoni tajba, tkun irranġata?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar ma rċieva ebda talba biex isiru t-tiswijiet indikati mill-Onor. Interpellant. Għalhekk għaddejt id-dettalji lill-imsemmi Dipartiment biex jinvestiġa u jieħu l-azzjoni meħtieġa.
Tista' il-Ministru tara li anzjan li sofra minn stroke li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, u li jgħix fil-ħames sular u jixtieq li jagħmel lift u dan bi qbil mar-residenti kollha tal-blokk, x'qed iżomm lill-Awtorita' tad-Djar biex dan ma jsirx mill-aktar fis possibbli?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li applikazzjoni biex jiġi stallat lift fil-blokk indikat mill-Onor. Interpellant kienet saret xi snin ilu iżda nstab li ma kienx possibbli li jiġi akkomodat lift.
Ninsab infurmata wkoll li r-residenti kollha tal-blokk kienu ġew infurmati bir-raġuni għaliex l-Awtorita’ tad-Djar ma setgħetx tkompli tipproċessa l-applikazzjoni.
Tista' il-Ministru tara li anzjan mill-Isla li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jibbenefika mis-servizz care and repair?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ibbenefikat minn għotja ta’ Lm1,889, taħt Skema Z ta’ l-Awtorita’ tad-Djar, bħala sussidju għal xogħlijiet ta’ titjib u rranġar f’residenzi privati okkupati minn sidien.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex persuna minn Ħaż-Żabbar u li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li hi xebba-omm b'żewġt itfal u għandha iktar minn 208 punt quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali, qatt ma ġiet mogħtija post alternattiv?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ma għandi xejn xi nżid mat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari preċedenti dwar l-istess persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.
Tista' il-Ministru tara u tgħid jekk il-fond Nru 8, Triq il-Ħaddiem, Marsa hux okkupat? Jekk fl-affermattiv, min hu l-inkwilin u meta ġie allokat dan il-post?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-każ dwar il-fond li għamel referenza għalih l-Onor. Interpellant qed jiġi mistħarreġ.
Tista' il-Ministru tara li anzjana mill-Birgu li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tibbenfika mill-inizjattiva care and repair?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li ma jirriżultax mir-rekords ta’ l-Awtorita’ tad-Djar li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qatt għamlet talba biex tibbenefika mill-inizjattiva tal-Care and Repair.
Ninsab infurmata wkoll li, b’dankollu, fil-futur qarib l-Awtorita’ ser tispezzjona l-fond indikat biex tivverifika jekk il-persuna tistax tibbenefika minn din l-inizjattiva.
Tista' il-Ministru tara t-talba ta' omm b'ġenitur wieħed mill-Kalkara li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tgħix f'post bil-kiri u qed tħallas Lm95 fix-xahar meta għandha dħul finanzjajru ta' Lm150 fix-xahar, tibbenefika minn post alternattiv mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li fit-13 ta' Ġunju 2006, il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant intalbet tipproduċi dokumenti biex tkun tista' tiġi proċessata l-applikazzjoni tagħha mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Ninsab infurmata wkoll li din il-persuna għadha ma pproduċietx dawn id-dokumenti.
Tista' il-Ministru tgħid x'possibbilta' hemm li familja ta' ħamsa li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li jgħixu ma' omm il-mara b'żewġt ikmamar tas-sodda f'Ħaż-Żabbar jiġu pprovduti post alternattiv? X'rimedju qed joffri d-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali lil din il-familja li b'kollox f'dan il-fond żgħir jgħixu 11-il ruħ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna u l-familja tagħha li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant ġiet allokata post alternattiv reċentement.
Tista' il-Ministru tara li persuna b'diżabilita' li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li jgħix f'fond tal-housing fil-Birgu jiġi mgħejjun mis-servizz care and repair minħabba l-kondizzjoni allarmanti tal-kamra tal-banju fejn jgħix?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-applikazzjoni taħt Skema 7, biex il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant tagħmel kamra tal-banju ġdida addattata għall-persuna b’diżabilita’, qed tiġi proċessata mill-Awtorita’ tad-Djar.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk fond li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, hux milqut minn possession and use? Jekk le, jista' jinxtara?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-post indikat mill-Onorevoli Interpellant huwa mibni fuq art li qiegħda taħt esproprju bil-metodu ta' xiri assolut. Peress li l-proċess ta' esproprju għadu mhux konkluż il-fond in kwistjoni ma jistax jinbiegħ lill-inkwilin.