Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Tista' titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra breakdown ta' l-istatus ta' l-applikanti li applikaw għall-post alternattiv quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali — Housing inspectors

Question

Fil-preżent, tista' il-Ministru tgħid kemm għandu housing inspectiors id-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li preżentement hemm tlett impjegati fid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali li jagħmlu xogħol ta' inspectors.

Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid xi jrid jagħmel wieħed li hu homeless jiġifieri bla saqaf fuq rasu, u dan b'konsegwenza li m'għandux indirizz fiss fejn jgħix, biex japplika għall-post alternattiv mid-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali kien jadotta policyli jaċċetta biss applikazzjonijiet minn persuni b'indirizz fiss jew jekk japplikaw minn istituzzjonijiet. Din il-policy inbidlet u issa applikazzjonijiet minn persuni mingħajr indirizz fiss għandhom jiġu aċċettati u jingħataw prijorita'.

Postijiet tal-gvern

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm fil-preżent ħareġ notices il-gvern biex jitkeċċew inkwilini f'postijiet tal-gvern li m'humiex rikonoxxuti sena b'sena, mis-sena 2000 sal-lum u f'liema lokalita'?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li saru dawn l-evictions sena b'sena mis-sena 2000 sal-llum: Sena Total 2000 54 2001 13 2002 1 2003 0 2004 0 2005 0 2006 0 Ma tinzamm ebda statistika dwar il-lokalitajiet involuti.

Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Tista' il-Ministru tġħid kemm hawn applikanti bl-istatus ta' homeless għal għajn id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali, kif jiddefinixxi homeless?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Skond il-policy preżenti, id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali jiddefinixxi "homeless" persuna mingħajr indirizz fiss jew li tapplika minn istituzzjoni. Ninsab infurmata li n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti taħt din il-kategorija hu ta' 22.

Awtorita' tad-Djar

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' units li l-awtorita' tad-djar għaddiet lid-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali biex imbagħad id-dipartiment iqassam dawn il-postijiet bil-kiri u dan mis-sena 2000 sal-lum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dwar l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għas-snin 2000 - 2003 nirreferih għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 8815 f'Seduta 190. Ninsab infurmata li n-numru ta' postijiet li l-Awtorita' tad-Djar għaddiet lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali biex jingħataw b'kera matul is-snin 2004, 2005 u 2006, s'issa, kien 8, 41 u 74 rispettivament.

Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm applikanti quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali sal-lum? Kemm kien hemm applikanti quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali bħal-lum sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li preżentament hemm 2,238 talba pendenti għand id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali. Ninsab infurmata wkoll li numru bħal daż-żmien sena kien 3,199.

Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm tqassmu postijiet mid-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali minn sena 'il hawn? F'liema lokalitajiet? Minn liema lokalitajiet kienu ġejjin dawk il bbenefikaw u xi status għandhom quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Postijiet tal-gvern — Ħlas ta' kera

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tkeċċew inkwilini li jgħixu f'post tal-gvern li ma ħallsux il-kera dovuta lill-gvern, sena b'sena mis-sena 2000 sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ebda inkwilin li jgħix f'post tal-gvern, amministrat mit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern, ma ġie mkeċċi bejn is-sena 2000 sal-lum għax ma ħallasx il-kera dovuta.

Postijiet tal-gvern — Recognition orders

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm ħarġu recognition orders lill-inkwilini li daħlu f'postijiet tal-gvern u ma kienux l-inkwilini rikonoxxuti, sena b'sena mis-sena 2000 sal-lum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Tista' il-Ministru tara li titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra breakdown minn liema lokalitajiet ġejjin l-applikanti li applikaw għall-post alternattiv quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Postijiet tal-gvern — Recognition orders

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ħarġu recognition orders lill-inkwilini li daħlu f'postijiet tal-gvern u ma kienux l-inkwilini rikonoxxuti, sena b'sena mis-sena 2000 sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

Collective Agreements

Question

Tista' il-Ministru tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-collective agreement ta' l-impjegati ta' l-Awtorita' tad-Djar, tan-nutara, tal-periti u ta' l-avukati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Ftehim Kollettiv bejn l-Awtorita' tad-Djar u l-Union Ħaddiema Magħqudin dwar l-impjegati ta' l-Awtorita' filwaqt li ninfurmah li dan il-Ftehim ma jkoprix in-nutara, l-perita u l-avukat ta' l-awtorita'.

Possession and Use

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-post li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, hux milqut mil-liġi possession and use? Jekk fl-affermattiv, jista' jinxtara?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-post li rrefera għalih l-Onor. Interpellant huwa meħud mill-Gvern taħt titlu ta' Pussess u Użu, u għalhekk l-post ma jistax jinbiegħ lill-inkwilin.

National Housing Policy

Question

Tista' il-Ministru tgħid f'liema stadju waslet in-national housing policy u meta se tkun ippreżentata lill-pubbliku għad-diskussjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kif żgur jifhem l-Onor. Interpellant, l-abbozzar tad-dokument indikat minnhu jitlob ħiliet spjeċjalizzati li ma ssibhomx faċilment. Il-Ministeru tiegħi kien identifika persuna biex titqabbad taħdem fuq dan id-dokument iżda, wara li din kienet indikat li kienet lesta li tagħmel dan ix-xogħol, sussegwentement ma ħaditx dan l-impenn. Madankollu l-Ministeru tiegħi qed jagħmel ħiltu kollha biex tiġi identifikata persuna adatta u bil-kompetenzi meħtieġa li tidħol għal dan ix-xogħol.

Liġi tal-Kera

Question

Għal snin twal smajna li se jkun hemm tibdil fil-liġi tal-kera. Tista' il-Ministru tgħid f'liema stadju waslet u meta mistennija tkun ippreżentata fuq il-mejda tal-Kamra? X'qed iżomm milli tkun ippreżentata, għax ilna snin nisimgħu dwarha? Tista' il-Ministru tikkonferma li kollox se jibqa' l-istess?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kif kelli okkażjoni ngħid pubblikament, ix-xogħol biex tiġi ppubblikata l-White Paper dwar ir-riforma fil-liġijiet tal-kera għadu għaddej. Fuq direzzjoni li ngħatajt mill-Kabinet fuq l-aħħar Memorandumippreżentat dwar is-suġġett, il-Ministeru qed jevalwa statistika rilevanti li ħarġet mill-aħħar ċensiment. Dan l-eżerċizzju hu meħtieġ biex wieħed ikollu stampa ċara u reċenti kemm jista' jkun tas-sitwazzjoni tas-settur. Il-Ministeru qiegħed ukoll janalizza riformi simili li saru f'numru ta' pajjiżi oħra. Sa l-aħħar ta' dan ix-xahar hu mistenni li jkun tlesta dan ix-xogħol biex jitressaq lill-Kabinet li, wara li jeżamina d-dokumenti u l-informazzjoni u l-proposti sottomessi, jiddeċiedi meta għandha tiġi ppublikata l-White Paper. Għalhekk it-tweġiba għall-aħħar parti tal-Mistoqsija hi fin-negattiv.

Awtorita' tad-Djar

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta mistennija ssir l-amalgamazzjoni tad-dipartimenti tal-gvern li huma relatati mal-housing għal ma' l-Awtorita' tad-Djar? Min qed jieħu sehem f'dawn it-taħdidiet? Kif se jaħdmu? X'se jiġri mill-ħaddiema u mill-professjonisti tad-dipartimenti tal-gvern meta jiġu amalgamati ma' l-Awtorita' tad-Djar? X'kondizzjonijiet u pagi se jkollhom? L-istess bħal ta' l-Awtorita' tad-Djar? Se jkollhom dritt jgħażlu jew imorru f'dipartimenti oħra tal-gvern?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 20652 f''Seduta Numru 430, inżid li ninsab infurmata li bdew laqgħat ta' informazzjoni mall-Unions li jirrappreżentaw il-ħaddiema kollha fis-settur. F'dan l-istadju nħoss li jkun prematur li nikkumenta aktar dwar is-suġġett.

Postijiet tal-gvern — Enforcement notices

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm ħarġu enforcement notices biex inkwilini mhux rikonoxxuti f'postijiet tal-gvern, jitkeċċew? Tista' tagħti din l-informazzjoni lokal b'lokal, għas-sentejn 2005/2006?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li fis-snin indikati mill-Onor. Interpellant ma nħarget ebda enforcement notice dwar postijiet tal-Gvern.

Awtorita' tad-Djar — Applikazzjoni għal Skema R

Question

Tista' il-Ministru tara li l-applikazzjoni għal Skema R ta' single-parent mix-Xgħajra titħaffef minħabba li l-kera li qed tħallas mhix tlaħħaq magħha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant waslet l-Awtorita' tad-Djar fid-9 ta' Ottubru 2006, jiġifieri l-istess ġurnata li saret din il-Mistoqsija. Ninsab infurmata wkoll li l-Awtorita' diġa' bdiet il-proċess biex tiġbor l-informazzjoni meħtieġa biex tivverifika l-applikazzjoni. Hekk kif jitlesta dan il-proċess, il-persuna konċernata tkun infurmata bl-eżitu u l-ammont ta' sussidju dovut jekk ikun il-każ.