Tista' il-Ministru tara li ż-żagħżugħa Bormliża bid-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li ħadmet xogħol volontarju ma' "l-Aċċess" għandhiex il-possibbilta' li tidħol bħala careworker jew assistant careworker?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Minn żmien għal żmien, meta jinħolqu vakanzi, il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali toħroġ sejħiet għall-applikazzjonijiet għall-mili ta' postijiet ta' 'support worker/care worker'.
M'hemm xejn xi jżomm lill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant li tapplika meta joħorġu dawn is-sejħiet. L-applikazzjoni tagħha tiġi kkunsidrata flimkien ma' l-applikazzjonijiet l-oħra jekk hi tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilita ppublikati.
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-membri fuq il-bord tat-tmexxija ta' Dar il-Mediterran għall-Konferenzi? X'inhuma l-karigi tagħhom? Kif inħatru? X'salarju jew salarju onorarju għandu kull wieħed u waħda minnhom? Għandhom xi benefiċċji? Kemm ilu membru kull wieħed u waħda minn dan il-bord? Jista' jgħid jekk hemmx xi membru li jattendi għall-attivitajiet li jsiru filgħaxija f'dan il-post?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor interpellant.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'qed iżomm lid-dipartiment ta' l-artijiet milli jipproċedi t-talba li għamel il-persuna minn Ħal-Luqa li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern għada qed tipproċessa t-talba li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant. Huwa maħsub li d-deċiżjoni finali tittieħed fil-futur qarib.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hi l-orħos kera li titħallas minn inkwilin ta' post tal-gvern (residenza u kummerċjali)? Kemm hi l-ogħla kera li titħallas minn inkwilini li jgħixu f'post tal-gvern u inkwilini ta' post kummerċjali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-orħos kera li titħallas minn inkwilini ta’ postijiet tal-Gvern mikrija bħala residenza hija ta’ Lm1.25c u l-ogħla kera hija ta’ Lm600.
L-orħos kera li titħallas minn inkwilini ta’ post tal-gvern mikri għall-skopijiet kummerċjali hija ta’ Lm6.00 u l-ogħla kera hija ta’ Lm1,000,000.
Dan ma jinkludix fondi li ġew trasferiti għand il-Gvern mingħand xi enti-ekklesjastika.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm suppost inġabru flus is-sena l-oħra (2005) minn inkwilini li jgħixu f'postijiet tal-gvern? Kemm attwalment inġabru?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-flus li nġabru is-sena l-oħra (2005) minn postijiet tal-Gvern mikrijin għal-skopijiet residenzjali kien ta’ Lm1,160,211. L-Estimi Finanzjarji juru li kien stmat li jinġabru Lm1,000,000. Fiċ-ċifra ta’ flus li nġabru mogħtija aktar il’ fuq, hemm wkoll inkluż id-dħul minn xi proprjetajiet kummercjali li jamministra l-Uffiċju Konġunt, peress li dan id-Dipartiment għadu ma jżommx statistika li tagħmel differenza bejn fondi kummerċjali w oħrajn residenzjali.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm suppost inġabru flus is-sena l-oħra (2005) minn inkwilini li għandhom xi post kummerċjali tal-gvern? Kemm attwalment inġabru?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-flus li nġabru is-sena l-oħra (2005) minn postijiet tal-Gvern mikrijin għal-skopijiet kummerċjali kien ta’ Lm4,233,105. L-Estimi Finanzjarji juru li kien stmat li jinġabru Lm4,200,000. Fiċ-ċifra ta’ flus li nġabru mogħtija aktar il’ fuq, hemm wkoll inkluż, id-dħul minn xi residenzi li jamministra l-Uffiċju Konġunt, peress li dan id-Dipartiment għadu ma jżommx statistika li tagħmel differenza bejn fondi kummerċjali w oħrajn residenzjali.
Tista' il-Ministru tara li anzjana armla minn Bormla li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li hi co-owner ta' 1/7 minn bejt tibbenefika mill-iskema care and repair wara li minħabba urġenza ta' periklu fis-soqfa kellu jitbiddel is-saqaf ta' fuq il-bejt?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li ma jirriżultax mir-rekords ta' l-Awtorita' tad-Djar li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qatt għamlet talba biex tibbenifika mill-inizjattivata tal-Care and Repair.
Ninsab infurmata wkoll li, b'dankollu, fil-futur qarib l-Awtorita' ser tispezzjona l-fond indikat biex tivverifika jekk il-persuna tista tibbenifika minn din l-inizjattiva.
Tista' il-Ministru tgħid x'inhi l-politika tal-gvern fir-rigward tar-requisition orders?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kif żgur li jaf l-Onor. Interpellant, dan il-Gvern ma jaqbilx mal-ħruġ ta' ordnijiet ta' rekwiżizzjoni tant li emenda l-liġi fl-1995 biex dawn ma jkomplux joħorġu. Aktar minn hekk, il-politika ta' dan il-Gvern dwar dawn l-ordnijiet hi li fejn hemm postijiet li kienu koperti b'rekwiżizzjoni, fejn hu possibbli, din titneħħa.
Id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali ilu għaddej għal diversi snin b'eżerċizzju biex jidderekwiżizzjona postijiet li kienu koperti b'ordni ta' rekwiżizzjoni, liema proċess ser ikompli fil-futur. Permezz ta' dan il-proċess, meta post rekwiżizzjonat jiġi vakat, tinħareġ derekwiżizzjoni u ċ-ċwievet jingħataw lura lis-sid mingħajr il-ħtieġa ta' talba formali lid-Dipartiment.
Fil-każ ta' postijiet rekwiżizzjonati li għadhom okkupati, id-derekwiżizzjoni tinħareġ jekk is-sid jirrikonoxxi lill-inkwilin u dan bl-iskop li ebda inkwilin ma jitlef il-protezzjoni minn żgumbrament.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid f'kemm medja ta' snin għandu ħsieb il-gvern li l-postijiet rekwiżizzjonati u li għandhom l-ordni tar-rekwiżizzjoni tinħarġilhom id-derequisition?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Tista' il-Ministru tgħid f'kemm medja ta' snin għandu ħsieb il-gvern li l-postijiet rekwiżizzjonati u li għandhom l-ordni tar-rekwiżizzjoni tinħarġilhom id-derequisition?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Hu mistenni li, minbarra postijiet li ma jkunx possibbli li jiġu derekwiżizzjonati għar-raġuni li s-sid ma jirrikonoxxix l-inkwilin, il-postijiet rekwiżizzjonati kollha li fadal jiġu derekwiżizzjonati f'anqas minn għaxar snin.
Tista' il-Ministru tgħid kemm hawn postijiet li s-sid tagħhom hu l-gvern, l-uffiċċju konġunt, jew li l-postijiet huma rekwiżizzjonati (li titħallas kera lis-sid privat) li jamministra/iqassam dawn il-postijiet id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li preżentement hawn 7,544 post privat rekwiżizzjonat. Minn dawn, id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali jamministra, jiġifieri jaċċetta l-kera għax is-sid ma jirrikonoxxix lill-inkwilini, 168.
Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferiha lill-Ministru konċernat.
Tista' il-Ministru tgħid meta hu ppjanat li ssir l-amalgamazzjoni bejn id-dipartiment/awtorita' tad-djar, li jaqgħu taħt id-dekasteru ta' l-istess ministeru? X'se jiġri mill-ħaddiema tal-gvern? Min hu nvolut f'din l-amalgamazzjoni? Min huma l-persuni li qed jagħmlu dawn it-taħditiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-proċess li jwassal għall-amalgamazzjoni tal-funzjonijiet ta' l-Awtorita' tad-Djar, tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali u tad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar inbeda kif indikajt fit-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 21220 f'Seduta Numru 440.
L-impjegati tal-Gvern preżentement fid-Dipartimenti msemmija ser jiffurmaw parti mill-istruttura l-ġdida li tkun tinkorpora l-funzjonijiet kollha li bħalissa għandha l-Awtorita' u dawn iż-żewġ Dipartimenti.
Ninsab infurmata li fil-laqgħat kollha ta' informazzjoni mal-Unions ħadu sehem is-Segretarju Permanenti fil-Ministeri tiegħi u uffiċjal mill-Management and Personnel Office, fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Ħadu wkoll sehem uffiċjali mill-Awtorita' u d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar, skond il-każ.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għandu postijiet l-uffiċċju konġunt li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Uffiċju Konġunt jamministra 29,144 post kif ġej:
18,697 post b'ċens perpetwu
8,160 post b'ċens temporanju
2,287 post bil-kera
Ta' min jgħid li din l-informazzjoni qiegħda tiġi aġġornata kontinwament b'korrezjonijiet li jsiru f'Annex 8 u teskludi raba u artijiet li mhumiex mibnija.