Tista' il-Ministru tgħid x'possibbilta' hemm li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li qed tgħix f'post temporanju fil-Belt tmur tgħix f'post adegwat f'Bormla qrib il-familja?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-każ tal-persuna ndikata qed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.
Ninsab infurmata wkoll li reċentement din il-persuna ġiet offruta post f'Bormla li hi rrifjutat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'beħsiebu jagħmel il-gvern fil-binja tal-joint office 3, Carmelite Street, Valletta? Jista' jikkonferma jew jiċħad li din il-binja hi perikoluża jew sub-standard? X'se jiġri mir-residenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li, l-Uffiċċju Konġunt diġa' ħa passi sabiex il-blokk kollu jiġi trasferit lill-Awtorita' tad-Djar biex jiġi rranġat.
Dwar x'ser jiġri mir-residenti, l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.
Tista' il-Ministru tgħid x'għajnuniet qed jagħti l-gvern lill-familji żgħażagħ li jkunu se jixtru l-ewwel dar tagħhom mis-suq privat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Gvern, permezz ta' l-Awtorita' tad-Djar jipprovdi diversi għajnuniet li jistgħu jibbenefikaw minnhom familji żgħazagħ li jkunu ser jixtru jew xtraw l-ewwel dar, li huma:
appartamenti għall-bejgħ bi prezz issussidjat taħt il-kundizzjonijiet ta' shared ownership;
sussidju fuq ir-rata ta' imgħax fuq self mogħti mill-banek (Skema Y);
għotja biex tgħin lis-siden fil-bini, irranġar u/jew tkomplija ta' l-ewwel residenza;
għajnuna finanzjarja fuq xogħlijiet ta' rranġar u titjib f'residenzi privati okkupati minn sidien (Skema Z).
Minn dawk li applikaw biex ibiegħu d-djar privati lill-awtorita' tad-djar, tista' il-Ministru tgħid kemm minnhom saru spezzjonijiet? Min għamel l-ispezzjoni? F'liema stadju waslu meta saru l-ispezzjonijiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-uffiċjali ta’ l-Awtorita’ spezzjonaw id-29 proprjeta’ li ġew offruti għall-bejgħ u li kienu jissodisfaw il-kriterji ta’ l-applikazzjoni.
Ninsab infurmata wkoll li r-rapporti ġew riferuti lill-iScrutiny Panel maħtur apposta biex jirrakkomanda lill-Awtorita’ jekk għandiex tipproċedi bl-akkwist. S’issa ġew ikkunsidrati 24 applikazzjoni li minnhom ġew rakkomandati li jinxtraw żewġ proprjetajiet.
Tista' il-Ministru tgħid kemm ġew istallati lifts din is-sena? F'liema lokalitajiet? Kemm ġiet tiswa l-istallazzjoni ta' kull lift? Kemm inqdew units bl-istallazzjoni ta' l-imsemmija lifts?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li din is-sena ġew stallati 11-il lift fi blokki eżistenti tal-Gvern u lift ieħor qiegħed fi stadju avanzat biex jiġi stallat. B’dawn it-12-il lift ser ikunu nqdew madwar 100 familja li jgħixu f’dawn il-blokki.
Ninsab infurmata wkoll li matul din is-sena l-Awtorita’ tad-Djar stallat ukoll 41 lift fi blokki ġodda li bihom ser jinqdew 300 familja.
Il-kumplament tat-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' il-Ministru tara li l-familja minn Bormla li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, titneħħielhom l-inkonvenjenza kaġunata minn katusa ta' l-ilma li ġiet magħmula mill-ħaddiema tad-dipartiment tal-housing?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għaddejt l-ilment ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jinvestiga u jieħu l-azzjoni meħtieġa.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-fond li hu tal-gvern jew ta' l-uffiċċju konġunt li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, ma jibqax jikkaġuna inkonvenjent u ħsara lill-fond privat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-post li rrefera għalih l-Onorevoli Interpellant huwa meħud mill-Gvern taħt titlu ta' Pussess u Użu. L-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant ser jinbagħat lid-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni sabiex jittieħdu l-passi neċessarji.
Tista' il-Ministru tieħu l-passi neċessarji biex il-fond li hu tal-gvern jew ta' l-uffiċċju konġunt li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, ma jibqax jikkaġuna inkonvenjent u ħsara lill-fond privat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għaddejt l-ilment ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jinvestiga u jieħu l-azzjoni meħtieġa.
Tista' il-Ministru tara jekk ix-xogħol li sar għall-manutenzjoni tal-gallarija f'Bormla li dettalji tal-post qed jintbagħtu separatament, sarx skond is-sengħa tal-bini jew le?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għalkemm jien infurmata li l-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar jagħmlu x-xogħol ta’ tiswija b’reqqa u kif titlob is-sengħa, għaddejt il-każ speċifiku indikat mill-Onor. Interpellant biex jiġi nvestigat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-appartament tal-gvern li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, huwiex milqut mil-liġi possession and use? Jekk fl-affermattiv, jista' dan il-post jinxtara?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 21217 dwar l-istess każ.
Jista' il-Ministru jgħid xi jsir meta persuna tkun suspettata li kellha l-aroġġ tad-dawl difettuż jew aħjar imbagħbas u wara li jsiru t-testijiet u l-verifiki meħtieġa jirriżulta li l-arloġġ ma kienx imbagħbas mill-konsumatur? Kemm idumu ma jieħdu l-flus lura dawk il-persuni li jkunu ħallsu xi multa minħabba suspett ta' irregolarita' fl-arloġġ ta' l-elettriku?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li meta jinstab meter difettuz jew imbagħabas, il-konsumatur jintalab iħallas depożitu ta' Lm250 għal single phase jew Lm1,000 ghal 3 phase 60amps jew Lm2500 l-fuq minn 3 phase 60 amps. Dan id-depozitu effettivament jigi mnaqqas mill-istima finali skond il-kaz. Id-depositu ma jingħatax lura qabel ma jkun aċċertat li l-konsum tħallas kollu.
Il-kazijiet magħluqa sa l-aħħar ta’ Settembru 2006 damu medja ta’ 57 gurnata mill-bidu sal-aħħar.
Tista' il-Ministru tara li l-koppja Bormliża li se titwaqqagħlhom id-dar għal skop pubbliku jingħatalhom post ieħor, preferibbilment f'Bormla, fl-indirizz li qed jintbagħat separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-applikazzjoni tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant għall-post alternattiv qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' oħrajn minn persuni li se jkunu wkoll effettwati mill-proġett ta' urban renewal fiż-żona fejn joqgħodu.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex f'Dar il-Mediterran għall-Konferenzi għadha ma saritx is-sistema ta' soundproofing kullimkien, u dan speċjalment fejn isiru r-riċevimenti minħabba li meta jkun hemm xi attivita' qed jinħoloq inkonvenjent kbir għar-residenti tal-madwar?
Per eżempju, fit-13 ta' Ottubru 2006 kien hemm ħafna ħsejjes u storbju li ħoloq inkonvenjent u saħansitra kellhom jissejħu l-pulizija. X'passi se jittieħdu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-proċess ta' soundproofing miexi b'ritmu tajjeb, speċjalment jekk wieħed jikkunsidra li l-bini konċernat huwa skedat bħala grade 1. Il-bord huwa impenjat li jkompli l-proċess ta' soundproofing u qegħdin isiru diskussjonijet dwar dan.
Tista' il-Ministru tara li l-anzjan minn Bormla li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jibbenefika mill-inizjattiva care and repair?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li ma jirriżultax mir-rekords ta' l-Awtorita' tad-Djar li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qatt għamlet talba biex tibbenefika mill-inizjattiva tal-Care and Repair.
Ninsab infurmata wkoll li, b'dankollu, fil-futur qarib l-Awtorita' ser tispezzjoni l-fond indikat biex tivverifika jekk il-persuna tistax tibbenefika minn din l-inizjattiva.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex f'Dar il-Mediterran għall-Konferenzi għadha ma saritx is-sistema ta' soundproofing kullimkien, u dan speċjalment fejn isiru r-riċevimenti minħabba li meta jkun hemm xi attivita' qed jinħoloq inkonvenjent kbir għar-residenti tal-madwar?
Per eżempju, fit-13 ta' Ottubru 2006 kien hemm ħafna ħsejjes u storbju li ħoloq inkonvenjent u saħansitra kellhom jissejħu l-pulizija. X'passi se jittieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-attrezzament f'dan iċ-ċentru, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Nirreferi ukoll lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 21326 f’din l-istess seduta.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ħadu l-pulizija ta' l-għassa tal-Belt Valletta wara li kienu msejħa f'Dar il-Mediterran għall-Konferenzi nhar il-Ġimgħa 13 ta' Ottubru minħabba mużika għolja, li anke baqgħet għaddejja wara l-11.00 p.m., u dan b'konsegwenza ta' inkonvenjent għar-residenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi hekk kif il-Pulizija, nhar il-Ġimgħa 13 ta' Ottubru 2006, irċeviet ilment dwar mużika għolja f'Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, ittieħdet l-azzjoni skond il-liġi u l-persuna responsabbli ġiet ordnata tbaxxi l-volum tal-mużika, kif fil-fatt sar. Pero' ftit wara l-istess persuna li kienet għamlet l-ilment, reġgħet ilmentat li kienet għadha qed tkun disturbata mill-mużika u għaldaqstant il-Pulizija waqqfet il-mużika.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien id-dħul finanzjarju ta' Dar il-Mediterran għall-Konferenzi mill-attivitajiet li saru din is-sena? Kemm kien il-ħruġ finanzjarju għal dawn l-attivitajiet? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-aħħar kont ta' l-ilma u tad-dawl li tħallas miċ-ċentru ta' Dar il-Mediterran għall-Konferenzi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nixtieq infakkar li minn din is-sena l-MCC ma baqax jirċievi fondi mill-fond konsolidat sabiex ikopri l-ispiża rikorrenti. Dan ifisser li minn sitwazzjoni fejn iċ-Ċentru kien jagħmel dejn sostanzjali, l-MCC illum qiegħed jiġġenera biżżejjed fondi sabiex ikopri l-ispejjeż tiegħu.
Minħabba li d-dettalji mitluba huma ta’ natura kummerċjali u sensittiva, m’huwiex fl-interess pubbliku li jiġu ppubblikati.
Tista' il-Ministru tara li l-persuna single parent li tgħix Ħal Tarxien li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, issirilha spezzjoni fil-fond tagħha mill-ħaddiema tad-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali? Meta se ssir l-ispezzjoni?
Tista' il-Ministru tara x'possibbilita' hemm li Eġizzjan miżżewweġ mara Maltija u ma jaħdimx, u m'għandhomx post fejn jgħixu, jibbenefikaw minn post alternattiv mid-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali? Tista' tgħid meta se ssir l-ispezzjoni fil-fond f'Ħaż-Żabbar, fejn din il-familja qed tistenna tarbija, qed tgħix ma' ħafna persuni oħra? Dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament.
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant waslet fid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali fis-26 ta' Settembru 2006 u qed tiġi proċessata flimkien ma' oħrajn simili.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex f'ċerti ħinijiet ta' filgħaxijia waqt xi attivita' f'Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, fuq in-naħa ta' ħdejn il-palk, jinfetħu l-bibien bl-iskuża biex min ikun jixtieq ipejjep ikun jista' joħroġ minn dan il-bieb, b'konsegwenza li l-persuni li joħorġu jpejpu barra qed joħolqu distrazzjonijiet u jtellfu lir-residenti, partikolarment fil-ħinijiet ta' bil-lejl, minħabba li dan il-bini jinsab f'żona residenzjali u fl-istess waqt iħallu ħafna ħmieġ barra? X'passi qed jieħdu l-awtoritajiet għal dan il-għan?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.