Tista' il-Ministru tara li gallarija ta' post tal-gvern f'Bormla li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, tkun irranġata peress li fil-preżent mhijiex f'kondizzjoni tajba?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għaddejt it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Tista' il-Ministru tara jekk hux possibbli li l-mara xebba residenti fil-Belt Valletta li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li toqgħod waħedha tbiddel il-post minħabba li dan jinsab f'kondizzjoni ħażina?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant ghat-Twegiba li jien tajt ghall-Mistoqsija Parlamentari Numru 21433 f'Seduta Numru 449.
Tista' il-Ministru tara li l-persuna mill-Isla li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tibbenefika mill-iskema care and repair biex jinbidlilha bieb ta' fejn toqgħod, minħabba li dan mhux f'kondizzjoni tajba?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li mir-rekords ta’ l-Awtorita’ tad-Djar ma jirriżultax li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qatt għamlet talba biex tibbenefika mill-inizjattiva tal-Care and Repair.
Ninsab infurmata wkoll li, b’dankollu, fil-futur qarib l-Awtorita’ ser tispezzjona l-fond indikat biex tivverifika jekk il-persuna tistax tibbenefika minn din l-inizjattiva.
Tista' il-Ministru tara li l-persuna mill-Isla li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tibbenefika mill-iskema care and repair biex jinbidlilha l-bieb ta' barra minħabba li ma jinsabx f'kondizzjoni tajba?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li mir-rekords ta’ l-Awtorita’ tad-Djar ma jirriżultax li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qatt għamlet talba biex tibbenefika mill-inizjattiva tal-Care and Repair.
Ninsab infurmata wkoll li, b’dankollu, fil-futur qarib l-Awtorita’ ser tispezzjona l-fond indikat biex tivverifika jekk il-persuna tistax tibbenefika minn din l-inizjattiva.
Tista' il-Ministru tara li gallarija fl-Isla li mhix f'kondizzjoni tajba jsirilha xogħol ta' maintenance u construction minħabba li qed tkun ta' periklu għar-residenti u anke għal terzi persuni?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għaddejt it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jinvestiga u jieħu l-azzjoni meħtieġa.
Tista' il-Ministru tara li jmorru xi inspectors fl-imsemmi fond fl-Isla, biex jaraw il-kondizzjoni tat-taraġ ta' dan il-fond li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għaddejt it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jinvestiga u jieħu l-azzjoni meħtieġa.
Tista' il-Ministru tgħid kemm applikaw u kemm saru kuntratti bejn l-Awtorita' tad-Djar u s-sidien privati li biegħu l-proprjeta' lill-istess awtorita' tad-djar? Tista' titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti li saru?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tad-Djar irċeviet 35 offerta biex tixtri postijiet privati. Minn dawn 6 ma kienux jissodisfaw il-kriterji stabbiliti.
Ninsab infurmata wkoll li, għalkemm ġie rakkomandat li l-Awtorita’ tixtri żewġ proprjetajiet, s’issa għadu ma ġie finalizzat ebda kuntratt.
Tista' il-Ministru tgħid kemm applikaw sidien privati u saru konvenji biex l-istess sidien privati jbiegħu proprjeta' lill-Awtorita' tad-Djar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Dwar l-Ewwel Parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 21455 f'din l-istess seduta.
Ninsab infurmata li s'issa għad ma sar ebda konvenju.
Tista' il-Ministru tgħid x'inhi l-politika tal-gvern biex sidien privati jbiegħu l-proprjeta' lill-Awtorita' tad-Djar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-inizjattiva li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant hi maħsuba biex tħajjar sidien ta' proprjeta' mmobiljari jbiegħu lill-Awtorita' tad-Djar, proprjeta' li tkun lesta minn kollox u li idejalment tkun fil-qalba ta' l-ibliet u l-irħula, jew proprjeta' delapidata fil-qalba ta' l-ibliet u l-irħula biex tiġi rranġata jew titwaqqa u tinbena mill-ġdid. Din il-proprjeta' imbagħad tiġi offruta mill-Awtorita' għall-bejgħ bi prezz issussidjat taħt l-iskema ta' Shared Ownership, jew għall-kiri lill-applikanti fuq il-lista tad-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali.
L-applikanti jridu jipproduċu pjanti tal-proprjeta' approvati mill-MEPA u evidenza li huma l-proprjetarji assoluti tal-proprjeta', il-proprjeta' ma jridx ikollha ebda piżijiet li ma jistgħux jitħassru qabel l-iffirmar tal-kuntratt u l-offerta trid issir fuq l-applikazzjoni.
Tista' il-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' units li l-Awtorita' tad-Djar għaddiet lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004, 2005 u 2006?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 21273 f'Seduta Numru 442.
Tista' il-Ministru tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra il-collective agreement tal-periti, nutara, avukati u l-professjonisti kollha ta' l-awtorita' tad-djar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li, fl-Awtorita' tad-Djar, m'hemmx collective agreement li jkopri l-kategoriji ta' mpjegati li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-Knisja Maltija jew xi knejjes kristjani jew ta' reliġjonijiet oħra f'pajjiżna jħallsux xi taxxi meta jbiegħu, jixtru jew jirtu proprjeta'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m’hemm l-ebda provvediment fil-liġi dwar it-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti (Kap 364) li jeżenta lill-Knisja Maltija, jew xi knejjes kristjani jew ta’ reliġjonijiet oħra, mill-ħlas tat-taxxa fuq xiri jew wirt ta’ propjeta immobbli. Dawn il-knejjes huma wkoll kollha soġġetti għat-taxxa fuq l-income. Meta dawn l-entitajiet ibigħu xi propjeta’ jeħlu t-taxxa skond id-dispożizzjoni dwar bejgħ ta’ propjeta’ li hemm fl-Atti dwar it-Taxxi.
Tista' il-Minsitru tgħid kemm hemm sidien privati li applikaw biex jikru lill-awtorita' tad-djar? X'inhuma l-kondizzjonijiet li qed jiġu imposti mill-awtorita' tad-djar lil dawk is-sidien privati li jridu jbiegħu jew jikru lill-awtorita' tad-djar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li żewġ sidien applikaw biex jikru proprjeta’ lill-Awtorita’ tad-Djar.
Il-kundizzjonijiet huma li:
·is-sidien iridu jipproduċu pjanti tal-proprjeta’ approvati mill-MEPA u evidenza li huma l-proprjetarji assoluti tal-proprjeta’;
il-proprjeta’ ma jridx ikollha ebda piżijiet li ma jistgħux jitħassru qabel l-iffirmar tal-kuntratt;
l-offerta trid issir fuq l-applikazzjoni;
il-kirja trid tkun għal mhux anqas minn 10 snin.
Tisat' il-Ministru tgħid x'inhi l-politika tal-gvern dwar x'se jagħmel wara li jixtri units mis-settur privat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-politika tal-Gvern dwar il-postijiet li l-Awtorita' tad-Djar ser tixtri mill-privat hi marbuta mal-politika li tippromwovi r-riġenerazzjoni tal-qalba ta' l-ibliet u l-irħula permezz tar-riabilitazzjoni jew rikostruzzjoni ta' proprjetajiet li bħalissa jinsabu vakanti u dilapidati, kif ukoll li tipprovdi akkomodazzjoni f'lokalitajiet ċentrali taħt l-iskemi ta' l-Awtorita'.
Għalhekk, il-units iġġenerati minn din l-inizjattiva ser jiġu allokati skond l-iskemi u l-policies ta' l-Awtorita'. Partikolarment, il-ħsieb hu li l-proprjeta' akkwistata taħt din l-inizjattiva tiġi addattata f'units adekwati biex eventwalment jiġu allokati lill-anzjani li jkunu jeħtieġu akkomodazzjoni biex dawn ikunu jistgħu jibqgħu jgħixu ħajja indipendenti fil-qalba tal-belt jew raħal.
Tista' il-Ministru tgħid u tispjega kif se taħdem l-inizjattiva fejn ġie magħruf fid-diskors tal-budget li l-awtorita' tad-djar se tiffinanzja jew tiggarantixxi sa Lm8,000 lill-persuni li jkunu jixtiequ jixtru l-ewwel dar tagħhom, imma li ma jkollhomx il-kapital kollu biex jieħdu loan mill-bank, meta hi taf li l-banek qed isellfu aktar minn massimu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji ta’ l-iskema li għamel referenza għaliha ser jiġu mħabbra aktar il-quddiem.
Tista' il-Ministru tgħid kemm hu maħsub li l-Awtorita' tad-Djar toħroġ units għall-bejgħ matul is-sena d-dieħla?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li, sas-sena d-dieħla, l-Awtorita' tad-Djar qed tippjana li jkollha aktar minn 400 unit. Dawn il-units huma kollha suġġetti għall-ħruġ ta' offerti u permessi meħtieġa.
Tista' il-Ministru tgħid fejn mistenni jkun hemm proġetti ta' twaqqiegħ (slum clearance) biex wara jinbnew units ġodda matul is-sena d-dieħla?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li tard is-sena d-dieħla mistennija jinħarġu l-offerti għall-proġetti ġodda ta’ slum clearance fl-Imsida u Bormla. Dawn il-proġetti mistennija jibdew is-sena ta’ wara.
Tista' il-Ministru tara li l-erba' persuni li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, li jgħixu f'kamra waħda fil-Kalkara, jingħataw post alternattiv mid-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m'oħrajn simili.