Jista' il-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra r-riżultat ta' l-inkjesta maġisterjali kif kienet ġiet konkluża mill-maġistrat inkwerenti, nhar il-31 ta' Jannar 2001, u dan rigward mistoqsija parlamentari 22000?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kopja tal-proċess verbal jista' jinġabar ai termini tal-liġi mill-uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm postijiet milquta bil-liġi possession and use, lokal b'lokal? Kemm hu mistenni li jkunu inkwilini li japplikaw b iex jixtru l-proprjeta' tagħhom li hi milquta bl-imsemmija liġi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ġbir ta' l-informazzjoni tan-numri ta' postijiet li ġew mibnija fuq art li ttieħdet mill-Gvern taħt it-titlu ta' Possession & Use jirrikjedi wisq siegħat ta' riċerka kemm minn skrivani u kemm minn tekniċi. It-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern m'għandiex ir-riżorsi neċessarji biex isir dan.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21996 u jgħid kemm temmew l-impjieg tagħhom ħaddiema tal-gvern li kienu jokkupaw kariga u li kellhom karozza għall-użu tagħhom, jiġifieri meta temmew dan ix-xogħol kienu intitolati li jixtru dik il-karozza? Min kienu? X'kariga kellhom? Kemm kien it-total ta' flus li bihom inxtraw dawn il-karozzi għas-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004, 2005 u 2006?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-mistoqsija parlamentari Numru 21996.
Tista' il-Ministru tara li persuna mill-Birgu li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tibbenefika mill-iskema care and repair għan-nuqqasijiet li għandha fil-proprjeta' tagħha, fosthom madum antik?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li mir-rekords ta' l-Awtorita' tad-Djar ma jirriżultax li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qatt għamlet talba biex tibbenefika mill-inizjattiva tal-Care and Repair.
Ninsab infurmata wkoll li, b'dankollu, fil-futur qarib l-Awtorita' ser tispezzjona l-fond indikata biex tivverifika jekk il-persuna tistax tibbenefika minn din l-inizjattiva.
Tista' il-Ministru tara fejn waslet applikazzjoni li persuna minn Bormla li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għandha quddiem id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m'oħrajn simili.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li t-talba li għamel il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, lid-dipartiment jew lit-taqsima proprjeta' tal-gvern madwar tliet xhur ilu fuq biċċa art f'Bormla tiġi mwieġba?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-Taqsima għadha qed tagħmel il-verifiki neċessarji iżda huwa maħsub li tkun tista' tingħata risposta fil-futur qarib.
Tista' il-Ministru tara li l-persuna minn Bormla li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tneħħielu r-relief, ma tkomplix issir din l-inġustizzja miegħu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Għajnuna Soċjali tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant twaqqfet wara nvestigazzjoni u għal raġuni valida u mhux kapriċċjożament kif qed jagħti x’tifhem l-Onor. Interpellant fil-Mistoqsija tiegħu.
Ninsab infurmata wkoll li din il-persuna ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.
Ninforma lill-Ministru li b'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 20637 s'issa għadhom ma tteħdux passi u għaldaqstant tista' tara li jittieħdu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li rriżulta li l-biċċiet tal-konkos kbar li lmenta dwarhom l-Onor. Interpellant huma mejjilli li kienu saru bħala parti mill-washrooms meta nbnew il-blokki fil-qasam tad-djar li rrefera għalih l-Onor. Interpellant.
Ninsab infurmata wkoll li, dawn il-mejjilli ma fihom ebda ħsara u, għalkemm fiż-żminijiet tal-lum m’għadhomx jintużaw, it-tneħħija tagħhom mhiex meqjusa bħala tiswija u għalhekk taqa’ taħt ir-responsabbilita’ ta’ l-inkwilini, li għandhom dritt jużawhom, li jneħħuhom jekk iridu jagħmlu dan.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta hu mistenni li joħroġ bit-tender il-ħanut li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, tat-taqsima proprjeta' tal-gvern, il-Baviera, il-Belt Valletta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-offerti għall-kiri tal-ħanut imsemmi ser joħorġu fil-futur qarib.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex ma tteħdux passi dwar domanda parlamentari 20637? Tista' il-Ministru ġentilment tara li jittieħdu l-passi neċessarji mill-aktar fis, u dan biex tkun eliminata l-problema?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 22035 f'din l-istess Seduta.
Tista' il-Ministru tgħid fejn wasal il-proċess tat-talba biex jinxtara l-fond fil-Birgu li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-applikazzjoni taħt l-iskema Sir Sid Darek mill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant saret fis-7 ta’ Novembru 2006.
Ninsab infurmata wkoll li l-Awtorita’ tad-Djar bdiet tiġbor l-informazzjoni meħtieġa mingħand diversi entitajiet bħala parti mill-proċess ta’ applikazzjonijiet simili.
Tista' il-Ministru tgħid meta hu mistenni li ssir l-ispezzjoni mill-ħaddiema tad-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali fil-fond fiż-Żejtun li hu okkupat minn persuna b'diżabilita' li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-applikazzjoni tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant, liema applikazzjoni ġiet iffirmata fit-13 ta’ Novembru 2006, ser tiġi proċessata biex issir l-ispezzjoni meħtieġa.
Tista' il-Ministru tgħid x'possibbilita' hemm li persuna Bormliża li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tgħix waħedha, tieħu post alternattiv mid-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ma għandiex applikazzjoni pendenti mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex twaqqaf ir-relief lill-persuna minn Bormla li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u li din m'għandhiex biex tgħix?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-fond li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, hux milqut minn possession and use? Jista' jinxtara? Jekk iva, xi proċedura hemm biex dan isir?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-proprjeta' fejn jinsab il-fond imsemmi kienet ġiet esproprjata taħt it-titolu ta' possession and use u għaldaqstant qabel ma' t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern tixtri l-kumpens li qiegħda tħallas għall-possession and use, il-fondi mibnija fuq din il-proprjeta' ma jistgħux jinxtraw.
F'każ ta' amalgamazzjoni bejn id-dipartimenti tal-housing u l-Awtorita' tad-Djar, tista' il-Ministru tgħid x'se jiġri mill-postijiet rekwiżizzjonati li s-soltu jalloka d-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali? X'passi ttieħdu mill-aspett legali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Bħalissa qed tiġi abbozzata liġi ġdida li ser tinkorpora r-responsabbiltajiet preżenti ta' l-Awtorita' tad-Djar u d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali u tgħaddihom taħt l-entita' l-ġdida li toħroġ mill-amalgamazzjoni tas-settur.
Ninsab infurmata li permezz ta' din il-liġi l-pożizzjoni legali dwar il-postijiet li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant ser tiġi trasferita taħt l-entita' l-ġdida.